IP/09/1351 Brussell, 24 Settembru 2009 Il-Kummissjoni taqta' l-burokrazija żejda u ttejjeb l-protezzjoni għall-investituri fuq il-prospetti tat-titoli (ara l- MEMO/09/412 ) B'konsistenza mal-prinċipji ta' "Regolazzjoni Aħjar", il-Kummissjoni Ewropea llum ressqet proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Prospetti. Il-proposta hija parti minn eżerċizzju ta' simplifikazzjoni fi ħdan il-Programm ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta żżid iċ-ċarezza legali u l-effiċjenza fir-reġim tal-prospetti u tnaqqaas il-piżijiet amministrattivi għall-emittenti u l-intermedjarji. Tqis ukoll l-importanza li jittejjeb il-livell ta' protezzjoni għall-investituri u l-iżgurar li l-informazzjoni fornuta tkun suffiċjenti u adegwata biex taqdi l-bżonnijiet tal-investituri fil-livell tal-konsumaturi. Tirrifletti l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin kollha. Il-proposta issa tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri għall-kunsiderazzjoni tagħhom. Il-Kummissarju tas-Suq Intern u s-Servizzi, Charlie McCreevy, qal: "Dawn ir-regoli l-ġodda jaqdu l-bżonnijiet tal-emittenti u l-investituri u jneħħu kwalunkwe piż mhux meħtieġ minn fuq in-negozji. Il-proposta tqis dak li tgħallimna mill-kriżi finanzjarja u tiżgura li l-investituri jkollhom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu. Id-Direttiva tal-Prospetti tistipula r-regoli li jirregolaw l-prospetti li għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fil-każ li offerta pubblika jew ammissjoni għall-kummerċ ta' titoli trasferibbli f'suq regolat iseħħu fl- UE . Waħda mill-avvanzi ewlenin tagħha hija l-introduzzjoni ta' "mekkaniżmu passaport": il-prospett approvat mill-awtorità kompetenti fi Stat Membru wieħed ikun validu għall-offerti pubbliċi u l-ammissjoni għall-kummerċ ta' titoli fl-UE kollha. Minkejja l-impatt pożittiv konsiderevoli fuq il-kwalità u l-adegwatezza tal-informazzjoni disponibbli għall-investituri, dan il-qafas legali kien jeħtieġ li jiġi rfinut aktar sabiex tiżdied iċ-ċarezza legali u l-effiċjenza fir-reġim tal-prospetti u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Ir-regoli l-ġodda ser iwasslu biex il-ħruġ tat-titoli jkun aktar effiċjenti billi r-regoli jinftehmu aktar faċli (ċarezza legali akbar); jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-emittenti u l-intermedjarji; jagħtu lill-impjegati tal-emittenti aċċess għal firxa sħiħa ta' opportunitajiet ta' investiment; u jgħinu lill-investituri fil-livell tal-konsumaturi biex janalizzaw b'aktar effikaċja l-prospetti u r-risjki li jġib miegħu titolu qabel ma jinvestu. Il-bidliet ewlenin proposti huma dawn li ġejjin: xi tipi ta' ħruġ ta' titoli ser ikunu soġġetti għal anqas rekwiżiti ta' żvelar komprensiv (kumpaniji żgħar, mutwanti żgħar, emittenti ta' drittijiet u skemi pubbliċi ta' garanziji); jittejjeb il-format u l-kontenut tas-sommarju tal-prospetti; hemm eżenzjonijiet ċari mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett meta kumpaniji jbiegħu permezz ta' intermedjarji ("kaskata tal-konsum") u għall-iskemi ta' ishma għall-impjegati; ser jiġu rrevokati rekwiżiti ta' żvelar li attwalment qed jiddupplikaw id-Direttiva tat-Trasparenza; l-emittenti tat-titoli mhux azzjonarji kollha ser ikollhom il-fakultà li jiddeterminaw l-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom; id-definizzjoni ta' "investituri kwalifikati" fid-Direttiva tal-Prospetti ser issir konsistenti ma' dik ta' "klijenti professjonali" kif iddefinita fid-Direttiva dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji. Dwar id-Direttiva tal-Prospetti Id-Direttiva tal-Prospetti daħlet fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2003 bil-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-UE. L-Istati Membri kienu meħtieġa jimplimentawha fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2005. L-Artikolu 31 tad-Direttiva tal-Prospetti jeħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara li din tidħol fis-seħħ u tippreżenta, fejn xieraq, proposti għar-reviżjoni tagħha. Barra minn hekk, f'Jannar 2007, il-Kummissjoni Ewropea varat il-Programm ta' Azzjoni għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea biex tkejjel il-kosti amministrattivi li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni fl-UE u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi b'25% sal-2012. Id-Direttiva tal-Prospetti ġiet identifikata bħala qasam li fih għadd ta' obbligi ta' piż għall-kumpaniji, li wħud minnhom jistgħu jitwieżnu. Fl-istess waqt, anki fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali, tqies xieraq li jiġu rreveduti ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Prospetti sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħha kif ukoll tittejjeb il-protezzjoni għall-investituri. Għal dan l-għan u b'konformità mal-prinċipji ta' "Regolazzjoni Aħjar", il-Kummissjoni Ewropea varat proċess ta' konsultazzjoni pubblika. Din il-proposta u l-valutazzjoni ta' impatt tagħha huma r-riżultat ta' djalogu mifrux u kontinwu mal-partijiet interessati ewlenin kollha, inkluż ir-regolaturi tat-titoli, il-parteċipanti fis-suq (emittenti, intermedjarji u investituri), u l-konsumaturi. Tqis l-osservazzjonijiet u l-analiżi li jinstabu fir-rapporti ppubblikati mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (KRET) u l-Grupp Espert dwar is-Swieq Ewropej tat-Titoli (GESET). Il-proposta hija disponibbli fl-indirizz tal-internet: http://ec.europa.eu/internal_market/securities/ucits/index_en.htm