IP/09/ 1356 Brussell, il-25 ta’ Settembru 2009 Il-25 ta ’ Settembru: Iltaqa’ max-xjenzjati f’mitejn belt fi tletin pajjiż – huwa l-Lejl tar-Riċerkaturi Ewropej! Mitejn belt madwar l-Ewropa kollha se jkunu qed jiċċelebraw ix-xjenza b’modi differenti, iżda taħt titlu wieħed, waqt il-Ħames Lejl tar-Riċerkaturi Ewropej. F’Liżbona se jkun hemm drammi teatrali, fi Brussell kompetizzjonijiet sportivi, f'Milan it-tpinġija fuq il-ħitan minn kulħadd f’daqqa... Fl-istess ħin, fi bliet Ewropej oħrajn, kulħadd se jkun qed jixħet ħarstu lejn is-sema biex josserva l-univers... Illejla, in-nies Ewropej minn tletin pajjiż se jkollhom iċ-ċans jiltaqgħu ma’ riċerkaturi professjonali, jingħaqdu magħhom fit-twettiq ta’ esperimenti xjentifiċi, jużaw huma stess tagħmir sofistikat li jintuża fir-riċerka, jifhmu r-rabtiet bejn ix-xjenza u l-arti, u jifhmu sa liema limiti jasal l-għarfien. Għal dan il-lejl, kulħadd jista’ jkun xjenzjat. Dan il-Ħames Lejl tar-Riċerkaturi Ewropej, li tnieda għall-ewwel darba mill-Kummissjoni Ewropea fl-2005, joffri lin-nies opportunità unika li jitkellmu sew u mill-qrib mar-riċerkaturi, u jqarrabhom lejn xulxin permezz tal-maġija u s-sbuħija tax-xjenza. L-avveniment jagħti wkoll ċans mill-aqwa biex wieħed jiskopri proġetti Ewropej tar-riċerka xjentifika li huma tajbin ferm u biex wieħed isir jaf iktar dwar kif għandu jiżviluppa karriera fil-qasam tax-xjenza. Xi eżempji tal-avvenimenti li se jseħħu llejla huma: F’Redu-Transinne, il-Belġju, l-istilel tat-tlielaq tal-karozzi Henri Pescarolo u Kim Gevaert se jikkompetu max-xjenzjati lokali f’kompetizzjonijiet sportivi. Fi Frascati, l-Italja, it-tfal, l-istudenti, ir-riċerkaturi u l-mużiċisti se jikkompetu bejniethom huma u jwettqu riċerka dwar il-ħsejjes mużikali. Fir-Renju Unit, l-istazzjon TNS Durham se jxandar programm tar-radju tal-Lejl tar-Riċerkaturi li fih se jinkuraġġixxi lis-semmiegħa jieħdu sehem f’esperiment dwar ix-xjenza fil-kċina. Sadanittant, fil-Ġermanja se jsir spettaklu dwar it-tibdil fil-klima fil-planetarju f’Ħamburgu. Fl-Iżvizzera, ir-riċerkaturi u l-membri tal-pubbliku saħansitra se jbaħħru flimkien fil-Lag ta' Zurich. Il-lista t’avvenimenti hija twila wisq biex hawnhekk inkopru fid-dettall l-aġenda kollha . Matul is-snin, l-inizjattiva kellha suċċess f’termini tas-sehem tal-pubbliku. Fl-2005 qanqlet l-interess ta’ 20,000 Ewropew minn ħmistax-il pajjiż Ewropew, filwaqt li fil-Lejl tar-Riċerkaturi tas-sena l-oħra kienu involuti 320,000 persuna fi 28 pajjiż tal-UE u mhux. L-isfond L-Unjoni Ewropea tikkofinanzja l-avvenimenti tal-Lejl tar-Riċerkaturi bħala parti mis-Seba’ Programm ta’ Qafas tal-Komunitajiet għar-Riċerka (l- FP7 , il-Programm imsejjaħ “NIES”). Is-sejħiet għall-proposti jitmexxew mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (l-AER), aġenzija eżekuttiva Ewropea ġdida. Il-baġit totali indikattiv għal-Lejl tar-Riċerkaturi tal-2009 huwa ta’ EUR 3 miljun. L-Unjoni Ewropea tgħin ukoll lir-riċerkaturi Ewropej biex isarrfu l-potenzjal tagħhom f’realtà u biex jagħtu kontribut produttiv lir-riċerka fil-qasam tax-xjenza kif ukoll lis-soċjetà kollha permezz tal- Azzjonijiet Marie Curie tal-FP7. Rabtiet L-aġenda tal-“Lejl tar-Riċerkaturi”: http://ec.europa.eu/research/researchersineurope/events/researchersnight09/index_en.htm Is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka: http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm L-Azzjonijiet Marie Curie: http://ec.europa.eu/mariecurieactions/