IP/09/ 1361 Brussell/Stokkolma, il-25 ta’ Settembru 2009 It-tibdil fil-klima: il-laqgħa ta' Bangkok ikollha tagħmel progress deċiżiv lejn patt globali ambizzjuż Il-presidenza Żvediża tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea llum appellaw lin-negozjaturi internazzjonali biex jagħmlu progress deċiżiv lejn ftehim globali ambizzjuż dwar it-tibdil fil-klima matul ġimagħtejn ta' taħditiet dwar il-klima dinjija f'Bangkok li jibdew nhar it-28 ta' Settembru. Il-laqgħa ta' Bangkok hija s-sessjoni ta' tħejjija ta' qabel tal-aħħar, qabel il-konferenza tan-N.U. dwar il-klima f'Kopenħagen f'Diċembru, fejn il-patt globali suppost jiġi konkluż. Stavros Dimas, il-Kummissarjugħall-Ambjent, qal: "L-Unjoni Ewropea fasslet aġenda eżawrjenti għall-ftehim ambizzjuż globali li huwa meħtieġ sabiex jiġi evitat tibdil perikoluż fil-klima. Issa, wara sentejn ta' diskussjonijiet, wasal iż-żmien li l-Partijiet kollha jiddeċiedu li jintrabtu bis-sħiħ biex iwittu t-triq għad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu f'Kopenħagen. Huwa meħtieġ progress deċiżiv f'Bangkok. Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ressqet proposti dwar il-finanzjament, li huwa kwistjoni ċentrali f'dawn in-negozjati. Qiegħed issa nafda fi sħabna sew fid-dinja żviluppata kif ukoll f'dik li qed tiżviluppa biex il-proposti mressqa jiġu affrontati b'urġenza u ambizzjoni akbar." Il-Ministru Żvediż tal-Ambjent Andreas Carlgren qal: "L-UE tilqa' l-progress, pereżempju l-mira sostanzjalment ogħla għat-tnaqqis tal-emissjonijiet min-naħa tal-gvern Ġappuniż il-ġdid. . Stqarrijiet pubbliċi riċenti mill-ekonomiji emerġenti l-kbar dwar it-tnaqqis tar-rata ta’ żieda tal-emissjonijiet tagħhom jridu jissarrfu f'azzjonijiet konkreti u jitressqu wkoll għan-negozjar. Il-messaġġ mis-summits tan-NU u l-G20 jrid ikollu impatt u jiġu riflessi f' Bangkok. Bħala mexxejja politiċi, nixtiequ nilħqu ftehim u n-negozjaturi għandhom jiffukaw fuq is-sustanza kif ukoll fuq elementi essenzjali. ." Il-proċess ta’ Kopenħagen In-negozjati sabiex jitfassal ftehim tan-Nazzjonaijiet Uniti li jaffronta t-tibdil fil-klima għall-perjodu wara l-2012, meta jiskadu d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Protokoll ta' Kjoto, għandhom jintemmu bil-konferenza ta' Kopenħagen bejn is-7 u t-18 ta' Diċembru 2009. L-aħħar sessjonijiet ta' tħejjija se jkunu f'Bangkok bejn it-28 ta' Settembru u d-9 ta' Ottubru u f'Barċellona mit-2 sas 6 ta' Novembru. Il-pożizzjoni tal-UE L-UE qed tagħfas għal ftehim ambizzjuż u eżawrjenti li jżomm milli t-tisħin globali jilħaq il-livelli l-perikolużi – aktar minn 2°C 'il fuq mit-temperatura preindustrijali – imbassra mill-komunità xjentifika. L-evidenza xjentifika turi li, biex wieħed jibqa' taħt dan il-limitu, il-pajjiżi industrijalizzati jkollhom jaqtgħu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra għal 25-40% taħt il-livelli tal-1990 sal-2020 u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom, fl-2020, ikunu llimitaw it-tkabbir rapidu tal-emissjonijiet tagħhom għal 15-30% taħt il-livelli tal-qagħda attwali. L-UE ntrabtet bla kundizzjoni li taqta' l-emissjonijiet tagħha għal mill-inqas 20% taħt il-livelli tal-1990 sal-2020 u qed timplimenta l-għan tagħha bis-saħħa tal-pakkett tal-klima u l-enerġija ( IP/09/628 ). Intrabtet ukoll li żżid it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha għal 30% bil-kundizzjoni li l-pajjiżi industrijalizzati jaqblu li jagħmlu tnaqqis komparabbli u li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma ekonomikament aktar avvanzati jikkontribwixxu bix-xieraq għal ftehim globali. Fl-10 ta' Settembru, il-Kummissjoni pproponiet proposta ġenerali biex iżżid il-finanzjament internazzjonali sabiex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw irażżnu l-emissjonijiet tagħhom u jadattaw għat-tibdil fil-klima ( IP/09/1297 ). Dan jagħti bażi lill-Kunsill Ewropew biex sa tmiem Ottubru jieħu pożizzjoni tal-UE dwar il-finanzjament. Il-laqgħa ta' Bangkok S'issa, il-progress matul l-aħħar tliet sessjonijiet uffiċjali ta' negozjar kien wieħed li mexa bil-mod. Is-sessjoni informali tax-xahar li għaddia f'Bonn, il-Ġermanja ix-ntemmet b'test propost għan-negozjar ta' aktar minn 250 paġna, bi struttura fqira u mhux komplut. F'Bangkok, jeħtieġ li dan l-abbozz jiġi rranġat drastikament u l-pass tal-progress irid jitħaffef sew jekk se jkollu jintlaħaq ftehim globali f'Kopenħagen. Jeħtieġ ukoll li l-proċess tan-negozjar isir ukoll aktar effiċjenti, pereżempju billi jkun hemm negozjati fi gruppi paralleli żgħar minflok f'sessjonijiet plenarji kbar. Il-prijorità għandha tkun il-qbil fuq l-elementi essenzjali għal ftehim f'Kopenħagen u l-progress minn hemm 'il quddiem. Għall-UE, l-elementi essenzjali huma: Tnaqqis vinkolanti tal-emissjonijiet mill-pajjiżi industrijalizzati kollha, ibbażat fuq sforzi komparabbli; Azzjoni xierqa mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal-limitazzjoni tal-emissjonijiet; Qafas għall-azzjoni dwar l-addattament għat-tibdil fil-klima; Azzjoni għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u l-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti fir-reġjuni tropikali; Regoli aggornati tal-kontabilità għall-bidliet fl-emissjonijiet minħabba l-użu tal-art, il-bidla fl-użu tal-art, u l-forestrija; Suq internazzjonali akbar tal-karbonju sabiex jiġġenera appoġġ finanzjarju għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġu promossi tnaqqisiet tal-emissjonijiet li jkunu effikaċi mil-lat tal-nfiq; L-għoti ta' finanzjament pubbliku internazzjonali li pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jissupplimentaw il-flussi finanzjarji mis-suq tal-karbonju u l-investiment domestiku; Pakkett eżawrjenti dwar il-kooperazzjoni u l-finanzjament fil-qasam tat-teknoloġija sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta' ekonomija globali b'użu baxx ta' karbonju. Laqgħat tal-UE mal-midja L-Iżvezja, il-Kummissjoni u Spanja se jagħtu laqgħat konġunti mal-midja f'Bangkok nhar - it-Tnejn it-28 ta' Settembru f'12:00 ħin lokali - il-Ġimgħa d-9 ta' Ottubru fis-14:00 ħin lokali Wieħed jista' jara l-laqgħat fuq www.unfccc.int