IP/09/ 1367 Brussell, it-28 ta' Settembru 2009 Antitrust: Il-Kummissjoni tadotta Regolament dwar Eżenzjoni ta' Kategorija ġdid għal konsorzji ta' trasport bil-baħar Il-Kummissjoni Ewropea adottat Regolament dwar Eżenzjoni ta' Kategorija ġdid li jirrevedi l-eżenzjoni attwali għal konsorzji ta' trasport bil-baħar mill-projbizzjoni tat-Trattat KE fuq prattiki restrittivi tan-negozju (Artikolu 81). Ir-Regolament attwali Nru 823/2000 dwar l-eżenzjoni ta' kategorija tal-konsorzja, li jiskadi f'April tal-2010, jippermetti lil kumpaniji ta' trasport bil-baħar li jidħlu f'kooperazzjoni bl-iskop li jipprovdu servizz konġunt għat-trasport ta' merkanzija (hekk imsejħa "konsorzji"). Ir-Regolament il-ġdid jestendi l-eżenzjoni attwali għal tali kooperazzjoni għal ħames snin oħra, sa April tal-2015, f'ambjent leġiżlattiv u ekonomiku ġdid. Tibdil ta' ċerta importanza jinkludi t-tnaqqis tal-limitu tas-sehem mis-suq li ladarba jinqabeż il-kumpaniji ma jibqgħux jikkwalifikaw għal eżenzjoni awtomatika taħt ir-Regolament u estensjoni tal-ambitu tal-eżenzjoni għas-servizzi kollha ta' trasport ta' merkanzija. Il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes qalet: "Mill-1995 il-kumpaniji ta' trasport bil-baħar ingħataw eżenzjoni kundizzjonali mir-regoli tal-kompetizzjoni meta joperaw servizzi konġunti. Hekk kif is-swieq jinbidlu, din l-eżenzjoni għandha tiġi riveduta. Wara analiżi bir-reqqa l-Kummissjoni ddeċidiet li temedna u testendi r-Regolament dwar Eżenzjoni ta' Kategorija tal-konsorzja għal ħames snin oħra. Jiena fiduċjuża li dan ir-Regolament jilħaq bilanċ tajjeb bejn l-interessi tal-kumpaniji ta' trasport bil-baħar u dawk tal-utenti tat-trasport." Konsorzju huwa kooperazzjoni ta' kumpaniji ta' trasport bil-baħar li tipprovdi servizzi konġunti ta' trasport marittimu ta' merkanzija . Normalment tali ftehimiet jippermettu lil kumpaniji ta' trasport bil-baħar li jirrazjonalizzaw l-attivitajiet tagħhom biex jiksbu ekonomiji tal-kobor. Jekk ikun hemm biżżejjed kompetizzjoni bejn il-konsorzji, l-utenti tas-servizzi ta' trasport ipprovduti mill-konsorzji (bħal kumpaniji ta' trasport marittimu) normalment jibbenefikaw minn titjib fil-produttività u fil-kwalità tas-servizz. Ir-Regolament dwar Eżenzjoni ta' Kategorija għall-konsorzji, li ġie adottat għall-ewwel darba fl-1995 u sussegwentement fl-2000 u fl-2005 (ara IP/05/477 ), jagħti eżenzjoni lill-konsorzji ta' kumpaniji ta' trasport bil-baħar milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament. Kemm taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni dwar Eżenzjoni ta' Kategorija l-ġdid, kif ukoll taħt dak kurrenti, il-ftehimiet kollha bejn il-konsorzji (għajr dawk, notevolment, dwar iffissar ta' prezzijiet) li l-għan tagħhom huwa t-tħaddim konġunt ta' servizzi ta' trasport bil-baħar huma eżenti mill-projbizzjoni tat-Trattat KE dwar prattiki restrittivi tan-negozju (Artikolu 81) dejjem jekk jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fir-Regolament. Ir-Regolament il-ġdid jinkorpora emendi li saru neċessarji b'riżultat tar-revoka tar-Regolament dwar Eżenzjoni ta' Kategorija tal-konferenza marittimi fl-2006 (ara IP/06/1249 ). Għandu wkoll l-għan li jirrifletti aħjar il-prattiki attwali tas-suq u li jġib l-eżenzjoni ta' kategorija tal-konsorzja f'konformità ma' regolamenti oħrajn ta' eżenzjoni ta' kategorija għal kooperazzjoni orizzontali bejn il-kumpaniji. L-ambitu tal-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid ġie estiż għas-servizzi kollha ta' trasport ta' merkanzija bil-baħar, kemm jekk b'kontejners u kemm jekk le. Il-lista ta' attivitajiet eżenti ġiet riveduta sabiex tirrifletti aħjar il-prattiki kurrenti tas-suq. Il-limitu ta' sehem mis-suq tnaqqas minn 35% għal 30% filwaqt li ġie ċċarat il-metodu ta' kalkolu. Fl-aħħar nett, il-klawsoli ta' ħruġ u perjodi ta' rabta b'kuntratt (lock-in periods), fil-każ li membru jkun irid joħroġ mill-konsorzju, ġew imtawla biex jirriflettu aħjar il-prattika attwali fis-suq iżda xorta waħda għadhom joffru salvagwardja għall-flessibbiltà tat-trasportatur. L-investigazzjoni tas-suq tal-Kummissjoni żvelat l-eżistenza ta' xejriet ta' ċerti rabtiet bejn konsorzji u/jew il-membri tagħhom. Ir-Regolament il-ġdid jiċċara li l-Kummissjoni tista' tneħħi l-benefiċċji tal-eżenzjoni ta' kategorija, fejn tali rabtiet iħallu effett negattiv fuq il-kompetizzjoni. Jekk il-konsorzju ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tar-Regolament, pereżempju minħabba li jinqabeż il-limitu ta' ishma fis-suq li l-membri tiegħu jista' jkollhom, dan ma jfissirx li tali kooperazzjoni hija awtomatikament illegali, iżda li l-partijiet għandhom jivvalutaw il-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli tal-kompetizzjoni fuq bażi individwali. Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar Eżenzjoni ta' Kategorija għall-konsorzja beda fl-2007 b'investigazzjoni fil-fond tas-suq. Il-Kummissjoni kkonsultat partijiet terzi interessati dwar abbozz preliminari tar-Regolament fil-ħarifa tal-2008 (ara IP/08/1566 ). Ir-Regolament il-ġdid ser jidħol fis-seħħ ladarba r-Regolament dwar Eżenzjoni ta' Kategorija attwali jiskadi fil-25 ta' April 2010, u jagħti biżżejjed żmien lill-industrija tat-trasport ta' merkanzija bil-baħar biex tadatta l-arranġamenti tagħha għar-regoli riveduti. Ara wkoll MEMO/09/420 .