IP/09/ 1385 Brussell, 30 ta’ Settembru 2009 Il-Kummissjoni tfassal viżjoni ġdida għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina Illum il-Kummissjoni se tippreżenta politika mġedda li l-għan tagħha hu li ssaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Amerika Latina. Bil-Komunikazzjoni tagħha "L-UE-L-Amerika Latina: Parteċipanti Globali fi Sħubija" il-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjoni bireġjonali u tiddeskrivi l-għanijiet u l-objettivi għas-snin li ġejjin. Fid-dawl tas-summit li jmiss tal-UE-l-Amerika Latina/il-Karibew li se jsir fi Spanja fir-rebbiegħa 2010, hi tidentifika u tipprovdi orjentazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ġodda sabiex jiġu trattati sfidi li jaffettwaw iż-żewġ reġjuni, bħal pereżempju l-bidla fil-klima, il-kriżi ekonomika u finanzjarja, sigurtà tal-enerġija, u l-migrazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif tal-Faċilita ta' Investiment tal-Amerika Latina (LAIF) li se jkollha effett ta' lieva sabiex timmobilizza r-riżorsi minn istituzzjonijiet finanzjarji biex jiffinanzjaw proġetti fl-infrastruttura tal-enerġija, inkluż l-effiċjenza tal-enerġija u s-sistemi ta' enerġija li tiġġedded, ambjent u koeżjoni soċjali. Il-Kummissarju responsabbli għar-Relazzjonijiet Esterni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, B enita Ferrero-Waldner, iddikjarat: "Din il-Komunikazzjoni hija pass ieħor viżibbli u tanġibbli lejn it-tisħiħ tar-relazzjoni tagħna li diġà hija stabbilita sew u li qiegħda tiżviluppa. Hija l-prova tal-importanza kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Amerika Latina bħala atturi importanti fix-xena globali b'mod partikolari fl-iffaċċjar tal-isfidi bħall-kriżi finanzjarja u dik ekonomika, bidla fil-klima, migrazzjoni. Billi naħdmu flimkien b'mod aħjar aħna qed nikkontribwixxu direttament għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun u għall-iżvilupp ulterjuri tiegħu billi nżidu l-koeżjoni soċjali, intejbu l-gvernanza demokratika u nsaħħu l-integrazzjoni reġjonali. Għal dan l-għan, il-Faċilità ġdida ta' Investiment se tippermetti firxa ikbar ta’ investimenti b'mod partikolari fl-infrastruttura u b'hekk toħloq impjiegi ġodda u ttejjeb l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. Jien ninsab sodisfatta li llum qegħdin nibgħatu sinjal ċar tal-impenn tagħna fir-rigward tas-Sħubija Strateġika tagħna mar-reġjun u qiegħda nħares 'il quddiem għal Summit b'suċċess tal-UE-Amerika Latina fi Spanja s-sena li ġejja." Sfond: Fl-1999, fil-laqgħa tagħhom f'Rio de Janeiro, il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi tal-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew (LAC) stabbilixxew Sħubija Strateġika bejn iż-żewġ reġjuni. Il-Komunikazzjoni tal-lum li hi bbażata fuq l-esperjenza miġbura matul l-aħħar għaxar snin tagħmel sensiela ta' rakkomandazzjonijiet konkreti tal-politika għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħhna mal-Amerika Latina fil-qafas tas-sħubija Strateġika bejn l-UE u l-LAC. Din għandha erba' orjentazzjonijiet ewlenin tal-politika għall-futur: It-titjib u l-iffukar tad-djalogu bi-reġjonali It-titjib tad-djalogu politiku dwar oqsma ta' prijorità relatati mal-isfidi globali, bħal pereżempju kwistjonijiet makro-ekonomiċi u finanzjarji, sigurtà u drittijiet tal-bniedem, impjiegi u affarijiet soċjali, ambjent, bidla fil-klima, enerġija, edukazzjoni ogħla u teknoloġija/innovazzjoni. L-iżvilupp u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-UE-LAC u l-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni dwar id-Droga u s-segwitu tad-Djalogu Strutturat u Komprensiv li għaddej rigward il-Migrazzjoni b'mod miftuħ u kostruttiv, b'konformità mal-Approċċ Globali tal-UE lejn il-Migrazzjoni. It-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali u l-inter-konnettività Is-segwitu tan-negozjati li għaddejjin (l-Amerika Ċentrali, il-Pajjiżi tal-Andi u Mercosur) u sforzi ta' integrazzjoni ta' appoġġ fir-reġjun. It-teħid ta' approċċ minn isfel għal fuq biex tkun appoġġjata l-integrazzjoni reġjonali permezz tat-tisħiħ tal-inter-konnettività. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali u kunsiderazzjoni ikbar tad-diversità: It-teħid ta' vantaġġ sħiħ ta' Sħubiji Strateġiċi eżistenti (il-Brażil u l-Messiku), Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni eżistenti (iċ-Ċili u l-Messiku) u ftehimiet ta' kooperazzjoni bilaterali. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali ma' pajjiżi individwali biex jikkumplimentaw l-appoġġ tal-UE għall-gruppi reġjonali. It-tfassil u l-adattament tal-Programmi ta' Kooperazzjoni Elaborazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni mal-Amerika Latina biex jiġġeneraw tkabbir sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju, impjiegi u distribuzzjoni aħjar tad-dħul u biex jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-użu tar-Reviżjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni li għaddejjin sabiex tiġi esplorata diversifikazzjoni akbar fl-istrumenti u tiġi adattata il-ħidma ta' kooperazzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtiġijiet differenti, partikolarment:: it-tkomplija tal-iffukar tar-riżorsi finanzjarji taħt l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp fuq l-ifqar pajjiżi u l-ħtiġijiet tal-iktar gruppi vulnerabbli; It-titjib tal-kooperazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni reġjonali, billi l- programmi jkunu mmirati lejn ħtiġijiet emerġenti; it-tfittxija għall-kooperazzjoni iktar imsaħħa fl-oqsma relatati mal-għarfien u l-innovazzjoni bħal pereżempju riċerka/edukazzjoni ogħla, xjenza, teknoloġija, u enerġija li tiġġedded; integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-bidla fil-klima, kemm dwar il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattazzjoni, fil-programmi tagħna ta’ żvilupp u kooperazzjoni, inkluż il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni; l-iżvilupp ta' forom ġodda ta' kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-Istrument tal-Pajjiżi Industrijalizzati + (ICI+) flimkien mal-pajjiżi l-iktar żviluppati fir-reġjun. Fil-qafas tal-programm mġedded EUROsociAL, l-esplorazzjoni ta' opportunitajiet għas-sħubiji istituzzjonali (jiġifieri fuq il-bażi ta' esperjenza ta' programmi bħal pereżempju ġemellaġġ) u kooperazzjoni triangulari. Iż-żieda tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, l-libertà u s-sigurtà. Għodda ġdida biex tippromwovi l-interkonnettività, l-integrazzjoni reġjonali u l-koeżjoni soċjali: Il-Faċilità ta' Investiment tal-Amerika Latina (LAIF) Il-LAIF huwa strument finanzjarju ġdid, li se jimmobilizza riżorsi mill-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiffinanzja proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, inkluż l-effiċjenza tal-enerġija u sistemi ta' enerġija li tiġġedded, trasport, ambjent u koeżjoni soċjali. Il-LAIF se jkun ispirat mill-esperjenza u l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-istrument tan-NIF 1 użat għall-pajjiżi ġirien. Rakkomandazzjonijiet maħsuba għas-summit li ġej bejn l-UE u l-LAC, f'Mejju tal-2010: L-assigurazzjoni li s-Summit se jikkunsidra l-impatt tal-kriżi, b'mod partikolari, fuq l-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali, u jagħti riżultati vijabbli. It-tnedija tal-Faċilità ta' Investiment tal-Amerika Latina (LAIF). It-titjib tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni fil-qasam tat-teknoloġiji ambjentali u b'livell baxx ta' karbonju u innovazzjoni b'azzjoni konkreta, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali għall-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija fir-reġjun. L-approvazzjoni tal-ħolqien tal-Fondazzjoni UE-LAC. L-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta' tħassib komuni bejn l-Amerika Latina u l-Karibew. Għal aktar tagħrif: Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Amerika Latina: - http://ec.europa.eu/external_relations/la/index_en.htm - MEMO/09/426 1 : Skont l-informazzjoni disponibbli, fl-2008 l-€ 71 miljun ta għotjiet tal-NIF sostnew proġetti li jiswew madwar € 2.7 biljun