IP/09/ 1397 Brussell, it-30  ta’ Settembru 2009 Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' bi pjaċir il-pass Amerikan lejn governanza tal-internet aktar indipendenti, responsabbli u internazzjonali Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja llum laqgħat bil-ferħ l-aħbar li l-ICANN, l-entità primarjament responsabbli għall-ġestjoni tal-ismijiet tad-dominji tal-internet, ser issir aktar aċċessibbli u responsabbli lejn biljuni ta' utenti tal-internet madwar id-dinja kollha. Mit-30 ta' Settembru, l-ICANN, l-Internet Corporation for Assigned Names and Numbers, ibbażata fl-Istati Uniti tal-Amerika, mhux se tibqa' tkun sottomessa għall-kontroll unilaterali mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, iżda għal reviżjoni minn bordijiet indipendenti maħtura mill-Governmental Advisory Committee (GAC) tal-ICANN u mill-ICANN stess bl-involviment tal-gvernijiet minn madwar id-dinja. Sa mill-2005, il-Kummissjoni Ewropea repetittivament sejħet għal riforma fil-governanza tar-risorżi globali ewlenin tal-internet. Din hija meħtieġa sabiex jiġu żgurati għanijiet importanati ta' politika pubblika bħal-libertà tal-espressjoni u l-faċilitazzjoni ta' tranżazzjonijiet stabbli ta' negozju onlajn. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata bil-qawwa li takkumpanja u tappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi mħabbra llum, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-27 Stat Membru tal-UE. "Nilqa' bil-ferħ id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni Amerikana li tadatta r-rwol ewlieni tal-ICANN fil-governanza tal-internet għar-realtà tas-seklu 2 1 u tad-dinja globalizzata," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju Ewropew għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Utenti tal-internet madwar id-dinja kollha jistgħu issa jistennew li d-deċiżjonijiet tal-ICANN dwar l-ismijiet u l-indirizzi tad-dominji ser ikunu aktar indipendenti u aktar responsabbli u jikkunsidraw l-interessi ta' kulħadd. Bordijiet esterni ta' reviżjoni se jevalwaw perjodikament il-prestazzjoni tal-ICANN. Jekk tiġi implimentata b'mod effettiv u trasparenti, din ir-riforma tista' tikseb appoġġ wiesa' fost is-soċjetà ċivili, in-negozju u l-gvernijiet ukoll." "Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata bil-qawwa biex din ir-riforma ssir realtà billi taħdem flimkien mal-isħab tagħha fil-gvernijiet, in-negozju u s-soċjetà ċivili. Ser nieħdu rwol attiv fil-Governmental Advisory Committee tal-ICANN u fir-riforma ulterjuri tal-GAC. L-isfida issa hi li l-GAC issir, bir-rwol akbar tagħha, iktar effettiva f'xogħlha, u biex jissaħħaħ aktar id-djalogu bejn il-gvernijiet, in-negozji u s-soċjetà ċivili permezz tal-Internet Governance Forum. Se nagħtu wkoll attenzjoni mill-qrib tal-effett li l-ħidma tal-ICANN ser tħalli fuq il-kompetizzjoni. Inħeġġeġ ukoll lill-partijiet kollha biex attivament jesploraw il-possibbiltajiet għal mekkaniżmi esterni tal-appell aktar b'saħħithom fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-ICANN. "L-indipendenza u r-responsabbiltà tal-ICANN issa jidhru ferm aħjar fit-teorija. Ejja naħdmu flimkien ħalli niżguraw li jaħdmu wkoll fil-prattika." Kif sar magħruf illum, il-" Joint Project Agreement" fl-Istati Uniti tal-Amerika, li fil-preżent jaħseb għal analiżi unilaterali tad-deċiżjonijiet tal-ICANN mid-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan, mhux se jiġi estiż sa mit-30   Settembru   2009. Ser jinbidel b'"affermazzjoni ta' impenji" konġunta tal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-ICANN, xi ħaġa li tirrappreżenta riforma importanti tal-arranġamenti attwali tal-governanza. L-iktar riformi importanti tal-ICANN jinkludu: Aktar indipendenza permezz ta' reviżjonijiet perjodiċi regolari minn gvern wieħed. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-ICANN jaffettwaw l-utenti tal-internet madwar id-dinja kollha u għalhekk huwa importanti li jirriflettu dawn l-interessi kollha. Responsabbiltà esterna li tinvolvi bordijiet ta' reviżjoni indipendenti maħtura b'mod konġunt mill-GAC u l-ICANN. Il-GAC huwa aċċessibbli għall-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi mid-dinja kollha u jagħti pariri lill-Bord tal-ICANN fuq l-aspetti tal-politika pubblika tal-attivitajiet tal-ICANN. Dawn il-bordijiet ta' reviżjoni se jevalwaw perjodikament il-prestazzjoni tal-ICANN b'rabta mal-impenji pubbliċi tagħhom. L-internet huwa vitali għall-ekonomiji u s-soċjetajiet kullimkien. Għal ħafna snin, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE ipparteċipaw attivament fit-tfassil tal-politika tal-ICANN sabiex jiżguraw li l-valuri Ewropej bħal mhuma l-libertà tal-kelma, il-privatezza, il-protezzjoni tal-konsumatur, u s-sigurtà jkunu rispettati fl-internet. F'Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet dokument ta' politika li jsejjaħ għal titjib tar-responsabbiltà tal-ICANN lejn il-komunità internazzjonali, it-trasparenza tad-deċiżjonijiet tagħha u rwol aktar ċar għall-gvernijiet fid-definizzjoni tal-aspetti tal-politika pubblika tat-tfassil tal-politika tal-ICANN ( IP/09/951 ). L-aħbar tal-lum tindika li l-Istati Uniti tal-Amerika jaqsmu ħafna minn dawn it-tħassib u l-għanijiet. Passi li jmiss Kwistjoni importanti oħra fil-qasam tal-governanza tal-internet hija l-kontinwazzjoni tal- Internet Governance Forum , stabbilit għal perjodu inizjali ta' ħames snin, bl-ewwel laqgħa fl-2006, li huwa post uniku għal diskussjoni bejn dawk involuti fil-governanza tal-internet. Il-Kummissjoni Ewropea tridu jkompli, għax huwa l-uniku post fejn jistgħu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha marbuta mal-internet minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati mid-dinja kollha, fosthom parlamentari. Sfond Sabiex it-traffiku fuq l-internet jasal fid-destinazzjoni, l-ismijiet u l-indirizzi tad-dominji huma essenzjali. L-organizzazzjoni responsabbli mid-definizzjoni tal-politiki għall-koordinazzjoni globali tad-Domain Name System (DNS) hija l-ICANN, korporazzjoni fis-settur privat u mingħajr skop ta' profitt Amerikana, ibbażata f'Kalifornja. Sa mill-ħolqien tagħha fl-1988, l-ICANN operat skont serje ta' Memoranda ta' Ftehim mal-gvern Amerikan li speċifikaw l-għanijiet tagħha fir-rigward tat-tfassil tal-politika għad-DNS. L-iktar Memorandum ta’ Ftehim riċenti (bl-isem ta' "Joint Project Agreement") se jiskadi fit-30 ta' Settembru 2009. F'Mejju, il-Kummissarju tal-UE Viviane Reding spjegat il-viżjoni tagħha għal ġejjieni tal-governanza tal-internet f'messaġġ video( IP/09/696 ): http://ec.europa.eu/commission_barroso/reding/video/text/message_20090504.pdf Annex Growth of internet users by regions of the world 1990-2008, in millions of users Source: International Telecommunication Union