IP/09/1489 Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2009 28 kumpanija Ewropea llum jintrabtu li jdaħħlu iktar nisa fl-industrija tat-teknoloġija Illum, il-Kummissjoni Ewropea laqgħet l-impenn li qed jikber mill-kumpaniji tat-teknoloġija Ewropej biex jiġbdu iktar nisa fl-industrija tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni (ICT). Sitt xhur biss wara li l-Kummissjoni Ewropea nediet kodiċi tal-aqwa prassi għan-nisa fis-settur tal-ICT ( IP/09/344 ) , l-għadd ta’ firmatarji li ntrabtu li jħeġġu nisa żgħażagħ jistudjaw u jaqbdu karrieri fl-industriji tat-telekomunikazzjonijiet, it-teknoloġija u l-internet kiber minn ħamsa għal 28 – żieda ta’ iktar minn ħames darbiet. Illum, il-Kummissjoni nediet ukoll Direttorju Ewropew għan-Nisa fl-ICT – għodda ġdida onlajn li se tgħaqqad l-informazzjoni kollha dwar l-attivitajiet u l-impjiegi fl-UE relatati man-nisa u l-ICT. “Jiena napprova l-impenn kbir muri mill-industrija tal-ICT, speċjalment mit-28 firmatarju għall-kodiċi tal-kondotta. Dan juri l-kuxjenza li qed tikber tas-settur tal-ICT li jista’ jibbenefika mit-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni u jikkontribwixxu għalihom biss jekk jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persunal kwalifikat, li mistenni jilħaq it-300 000 sal-2010,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju Ewropew għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. “Għalkemm in-nisa jġibu 45 % tad-Dottorati Ewropej kollha, iġibu biss kwart mid-Dottorati fl-inġinerija, fil-manifattura u fil-kostruzzjoni. Fil-116 l-ikbar kumpaniji tat-telekomunikazzjonijiet fl-Ewropa, 7 % biss tal-membri tal-bord huma nisa. Se jkunu meħtieġa iktar sforzi biex sal-2015 din il-figura tirdoppja u jkun żgurat li l-potenzjal tan-nisa f’dan is-settur jiġi sfruttat bis-sħiħ. Għalhekk, jiena nappella lill-industrija kollha tal-ICT biex tiffirma u timplimenta l-Kodiċi malajr.” Il-Kodiċi tal-Aqwa Prassi għan-Nisa fl-ICT tnediet f’Marzu 2009 biex tħeġġeġ lin-nisa żgħażagħ jistudjaw u jaqbdu kar rieri fis-settur tal-ICT. Il-Kodiċi tiffoka fuq l-edukazzjoni u l-impjieg permezz ta’ "jiem tal-bniet", programmi ta' mentoring, ħinijiet tax-xogħol flessibbli u attivitajiet innovattivi oħra li jgħinu biex titqajjem kuxjenza u jinġibdu n-nisa fl-industrija tat-teknoloġija. Minn meta tnediet il-Kodiċi f’Marzu 2009, ġiet iffirmata minn 28 organizzazzjoni, fosthom korporazzjonijiet kbar, Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs), ditti li joffru servizzi ta’ konsulenza, istituzzjonijiet akkademiċi, NGOs u regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet. Għalkemm l-għadd ta’ nisa li jistudjaw ix-xjenza, it-teknoloġija u l-ICT fil-livell universitarju qed jiżdied, l-irġiel jaqbżu lin-nisa b’mod sinifikanti. Fl-2006, 41 % tal-gradwati b’Dottorat fix-xjenza matematika u l-kompjuter kienu nisa. Fl-istess sena, 25 % tad-Dottorati fl-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni kienu nisa. Imma fix-xjenza tal-informatika, il-gradwati riċerkaturi maskili kienu iktar minn tliet kwarti tal-gradwati kollha fl-2006. Filwaqt li n-nis a Ewropej qed isiru iktar midħla tal-kompjuter u l-internet, id-diverġenzi għadhom hemm. Il-perċentwal ta’ gradwati femminili fix-xjenza u t-teknoloġija jvarja minn 44 % fl-Estonja għal 20 % fl-Olanda. 81 % tan-nisa Olandiżi ta’ bejn is-16 u l-24 sena jużaw il-kompjuter kuljum, imma 38 % biss jużawh fil-Bulgarija, b’paragun mad-89 % u t-38 % tal-irġiel fl-istess pajjiżi. Fl-UE inġenerali, 38 % tal-irġiel jużaw l-internet kuljum u 28 % tan-nisa biss jużaw l-internet kuljum, imma d-differenza bejn is-sessi hija inqas minn seba’ punti perċentwali fl-Irlanda, il-Greċja, Franza, il-Portugall u l-Finlandja, kif ukoll fit-12-il pajjiż li ngħaqdu mal-UE mill-2004. Il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet li jiffirmaw il-kodiċi tal-kondotta jintrabtu li jżidu l-għadd ta’ nisa fl-edukazzjoni avvanzata tax-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija, u li jħaddmu u jżommu t-talent femminili fl-industriji Ewropej tat-telekomunikazzjonijiet u dawk relatati mal-internet. Skemi ta’ mentoring, ġranet għall-pubbliku u laqgħat dwar il-kompjuters huma wħud mill-modi li bihom dawn il-kumpaniji qed jiġbdu nisa (żgħażagħ) fis-settur Illum, fi Brussell ġiet żvelata għodda ġdida – Direttorju onlajn għan-Nisa fl-ICT ( www.ictwomendirectory.eu ) . Se jkopri tliet oqsma differenti: it-teknoloġija, il-bini tal-komunità u n-negozju. Id-Direttorju jiġbor f’post wieħed l-attivitajiet, l-offerti ta' impjieg, il-leġiżlazzjoni u l-istatistika kollha relatati man-nisa fl-ICT, biex jagħti ħarsa ġenerali dwar dak li qed jiġri fil-qasam madwar l-Ewropa, u biex jistabbilixxi kollaborazzjoni u netwerks bejn l-atturi differenti. 1000 parti interessata ġew mistiedna biex jingħaqdu mad-Direttorju. Sfond Il-Kodiċi tal-Aqwa Prassi għan-Nisa fl-ICT timmira li tiġbed il-bniet tal-iskola jew tal-università lejn is-settur tat-teknoloġija għolja, imma wkoll li żżomm u tippromwovi n-nisa li diġà jaħdmu f’dan is-settur. It-28 firmatarju tħabbru waqt workshop bl-isem ta’ "Iktar nisa, impjiegi aħjar u spinta lit-tkabbir" li saret fi Brussell fit-8 ta’ Ottubru. Il-kumpaniji li ffirmaw il-Kodiċi sa issa huma: Alcatel-Lucent (Franza), APSCO (ir-Renju Unit), CISCO , European Center for Women and Technology , e-SKILLS (ir-Renju Unit), Equalitec (ir-Renju Unit), Google , HP , IMEC (il-Belġju), Infineon , IT Synergy (ir-Renju Unit), Lebanese Telecommunication Authority (il-Libanu), Microsoft , Motorola , Orange France-Telecom (Franza), Panasonic , Papirbredden Innovasjon (in-Norveġja), Portia (ir-Renju Unit), Promis@Service (il-Lussemburgu), P31 Consulting (ir-Renju Unit), Research Council of Norway , SAP , Sharpe Thinking (ir-Renju Unit), Simula (in-Norveġja), Sony Europe , Steinbeis-Europa-Zentrum (il-Ġermanja), University of Liverpool (ir-Renju Unit), u Women in Technology (ir-Renju Unit). Il-firmatarji għall-kodiċi tal-aqwa prassi għan-nisa fl-ICT: http://ec.europa.eu/information_society/activities/itgirls/signatories/index_en.htm Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-ICT: www.ec.europa.eu/itgirls Id-direttorju għan-nisa fl-ICT: http://www.ictwomendirectory.eu Vidjo dwar in-nisa fl-ICT: 'ICT is wicked' (‘L-ICT tal-ġenn’): http://www.youtube.com/watch?v=Mmhe36xwS-Y