IP/09/1523 Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2009 L-UE u l-Korea t'Isfel jagħtu bidu għal ftehim dwar kummerċ ħieles Il-Kummissarju tal-UE dwar il-Kummerċ Catherine Ashton u l-Ministru tal-Kummerċ Korean Kim Jong-hoon illum taw bidu għal ftehim dwar il-kummerċ ħieles li huwa l-aktar wieħed importanti li qatt ġie negozjat bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiż terz. Il-ftehim, li huwa stmat li jiswa sa EUR 19-il biljun f'kummerċ ġdid, se jneħħi virtwalment it-tariffi kollha bejn iż-żewġ ekonomiji, kif ukoll bosta ostakoli li mhumiex tariffi. Il-ftehim se joħloq aċċess ġdid għas-suq fis-servizzi u l-investiment. Il-ftehim jagħmel ukoll avvanzi kbar f’oqsma bħall-proprjetà intellettwali, il-kuntratti pubbliċi, il-politika dwar il-kompetizzjoni u l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli. Il-ftehim dwar il-kummerċ ħieles jimmarka titjib importanti fir-relazzjoni bejn l-UE u l-Korea t’Isfel, flimkien ma’ Ftehim ta' Qafas ġdid. Meta kienet qed titkellem wara li ngħata bidu għall-ftehim fi Brussell, il-Kummissarju Ashton qalet: "Għall-UE dan huwa l-ewwel ftehim dwar il-kummerċ ħieles tas-Seklu 21, li joħloq rabtiet ekonomiċi profondi ma' ekonomija oħra żviluppata. Huwa se joħloq opportunitajiet ġodda tas-suq għal kumpaniji Ewropej fis-servizzi, il-manifattura u l-agrikoltura. Dan il-ftehim se jkun partikularment importanti fil-klima ekonomika ta' bħalissa billi se jgħin biex ikun miġġieled it-tnaqqis fl-attività ekonomika u biex jinħolqu impjiegi ġodda." Wieħed mill-benefiċċji ewlenin tal-ftehim għall-Unjoni Ewropea hija t-tneħħija rapida ta’ malajr ta’ EUR 1,6 biljun f’dazji għall-esportaturi lejn il-Korea. Il-ftehim jittratta wkoll ostakoli ewlenin li mhumiex tariffi fosthom regolamenti u standards fl-industriji ta’ interess Ewropew, bħal tal-karozzi, dawk farmaċewtiċi u elettroniċi għall-konsumatur. Is-setturi tas-servizzi bħat-telekomunikazzjonijiet, dawk ambjentali, legali, finanzjarji u tat-tbaħħir huma mistennija li jaraw uħud mill-akbar benefiċċji, b’impenji sostanzjali mill-Korea biex tilliberalizza dawn is-setturi. Il-bidu tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles ifisser l-għeluq tan-negozjati b’test legali stabbli, li l-Kummissjoni Ewropea se tippreżentah formalment lill-Istati Membri fil-bidu tal-2010. Wara l-firma tal-ftehim mill-Presidenza tal-UE u l-Kummissjoni, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Id-dħul fis-seħħ tal-ftehim imbagħad ikun mistenni li jsir fit-tieni nofs tal-2010. Sfond Fl-2008 l-kummerċ tal-prodotti bejn l-UE u l-Korea kellu valur ta’ madwar EUR 65 biljun. L-UE bħalissa għandha defiċit mal-Korea fil-kummerċ ta’ prodotti, għalkemm ix-xejriet juru li s-suq Korean joffri potenzjal ta’ tkabbir sinifikanti. Pereżempju, il-bejgħ ta’ karozzi tal-UE lill-Korea tela’ b’total ta’ 78 % f’bejgħ f’unitajiet (39 % fil-valur) bejn l-2005 u l-2008. Għal prodotti bħall-kimiċi, il-farmaċewtiċi, il-parts tal-karozzi, il-makkinarju industrijali, iż-żraben, it-tagħmir mediku, il-metalli mhux tal-ħadid, il-ħadid u l-azzar, il-ġild u l-fer, l-injam, iċ-ċeramika, u l-ħġieġ, l-UE tgawdi bilanċ pożittiv sod ta’ kummerċ. Bl-istess mod, għall-prodotti agrikoli l-Korea hija wieħed mis-swieq ta’ esportazzjoni ta’ valur ogħla b’mod globali għall-bdiewa tal-UE, b’bejgħ annwali ta’ aktar minn EUR 1 biljun. Fir-rigward tas-servizzi, l-UE għandha bilanċ pożittiv mal-Korea ta’ EUR 3,3 biljun, bl-esportazzjonijiet ta’ EUR 7,2 biljun fl-2007 u importazzjonijiet ta’ EUR 3,9 biljun. Għal aktar informazzjoni fuq il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles jekk jogħġbok ara l-memo 09/452