IP/09/ 1524 Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2009 Il-Jum Dinji tal-Ikel 2009: l-UE fuq quddiem fil-ġlieda globali kontra l-ġuħ Il-Jum Dinji tal-Ikel 2009 fis-16 ta’ Ottubru qed jitfakkar minn UE li hi aktar qawwija minn qatt qabel fl-impenn tagħha li ttejjeb l-aċċess għall-ikel madwar id-dinja. Bl-impenn li sar fil-laqgħa tal-G8 fl-Aquila għal aktar minn €2 biljun, flimkien mal-‘Faċilità tal-Ikel ta’ €1 biljun tal-UE’, l-UE hija l-akbar kontributur fid-dinja għas-sigurtà globali tal-ikel. “Il-Jum Dinji tal-Ikel għandu jservi ta’ tfakkira għal kull wieħed u waħda minna li rridu nagħmlu minn kollox biex insalvaw aktar minn biljun persuna milli jbatu l-ġuħ. Biex tilqa’ din l-isfida, il-Faċilità tal-Ikel ta’ €1 biljun tal-UE qed tikseb riżultati malajr, u tanġibbli, billi qed tagħti lil bdiewa li jaħdmu fuq skala żgħira madwar pajjiżi li qed jiżviluppaw iż-żrieragħ u l-fertilizzanti meħtieġa biex tingħata spinta lill-produzzjoni agrikola tagħhom. Se nkomplu nibnu fuq l-esperjenza li akkwistajna fl-implimentazzjoni tal-Faċilità tal-Ikel biex niżguraw li l-impenn il-ġdid li sar fis-summit tal-G8 fl-Aquila jkun daqstant effettiv fil-ġlieda kontra l-ġuħ madwar id-dinja”, qal Karel De Gucht, il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja. Madwar id-dinja aktar minn biljun ruħ mhumiex qed jieklu b’mod li jibqgħu b’saħħithom; jiġifieri 15%, jew wieħed minn sitta tal-umanità kollha. Din iċ-ċifra qed tiżdied minħabba l-kriżi tal-ikel u dik finanzjarja. In-nuqqas ta’ sigurtà fil-provvista tal-ikel hija theddida reali kontra l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju kollha, li l-faqar l-aktar serju jinqered sal-2015. L-UE poġġiet is-sigurtà tal-ikel, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fil-qalba tal-assistenza tagħha lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, u tat sostenn malajr u massiv biex jiġi affaċċjat il-ġuħ dejjem jiżdied fid-dinja. Riżultat konkret ta’ dan huwa l-impenn tagħha fl-Iniżjattiva tal-Aquila dwar is-Sigurtà Globali tal-Ikel din is-sena. L-UE se tikkontribwixxi b’2.7 biljun euro fi ħdan din l-iniżjattiva, b’mod li l-UE ssir l-akbar kontributur imsieħeb. Diġà tqassmu 85 fil-mija tal-Faċilità tal-Ikel ta’ €1 biljun, ħaġa li turi li l-UE għadha impenjata bil-qawwa lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja għal dawk li huma l-ifqar madwar id-dinja, u li hija kapaċi żżomm dak li twiegħed. Mindu tnediet f'Diċembru s-sena l-oħra, il-Faċilità tal-Ikel ta’ €1 biljun hija stmata li laħqet aktar minn 33 miljun ruħ bis-saħħa tal-proġetti inizjali tagħha li għadhom għaddejjin – u bdew jidhru r-riżultati. Pereżempju, fiż-Żimbabwe, inkisbu 26,000 tunnellata ta’ żrieragħ u fertilizzanti biex jitqassmu lil 176,000 bidwi vulnerabbli – ċifra li tfisser bejn 10 u 15 fil-mija tal-bdiewa komunali fil-pajjiż. Dan l-isforz bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (il-FAO) għandu l-potenzjal li jirdoppja l-produzzjoni tradizzjonali tal-ikel. Fil-Bangladexx, programm konġunt mal-Programm Dinji tal-Ikel (il-WFP) diġà wassal biex 43,000 individwu addizzjonali jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ sajd, u 60,000 oħra issa jgħixu f’oqsma protetti mid-dħul tal-ilma baħar. Opportunità għall-Media: Il-medja jistgħu jekk iridu jattendu laqgħa għal dawk kollha involuti, li se titmexxa mis-Sur Koos Richelle, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Kooperazzjoni EuropeAid Suġġett: “L-esperjenza bil-Faċilità tal-Ikel: sħubija globali reali, u respons f’waqtu”, nhar il-Ħamis, 15 ta’ Ottubru mis-1 PM sas-2 PM fl-Info Point External Cooperation, Rue de la Loi, 43, Pjan Terran, Brussell. Informazzjoni u reġistrazzjoni: http://ec.europa.eu/europeaid/infopoint/conferences/2009/10-15_foodfacility_en.htm Sfond: Minħabba kriżi maħluqa minn prezzijiet tal-ikel dejjem jiżdiedu b’mod qawwi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, f'Diċembru 2008 ġiet approvata Faċilità tal-Ikel ta' € 1 biljun bħala rispons rapidu tal-UE għal pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-pjan ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Faċilità tal-Ikel huwa mmirat lejn lista ta' 50 pajjiż li fil-futur, u bħalissa, jirċievu assistenza għal perjodu ta' tliet snin. Sa April 2009, diġà kienu ġew allokati € 707 miljun. Fi spirtu ta’ tisħib u ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni Ewropea tkabbar, u ssostni l-qafas eżistenti ta' djalogu ta’ politika, l-investimenti għall-produzzjoni tal-ikel kif ukoll in-netwerks ta' organizzazzjonijiet ta' "esperti dwar l-ikel" għas-sigurtà. B’hekk jingħata sostenn permezz ta’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali, Organizzazzjonijiet Reġjonali u gvernijiet nazzjonali, kif ukoll Sejħa għall-Proposti għal € 200 miljun (prevista għal tmiem l-2009) għal attivitajiet minn Atturi li mhumiex Stati, entitajiet minn Stati Membri u atturi eliġġibbli oħra ta' implimentazzjoni. Għal aktar informazzjoni dwar linji ta’ politika u strateġija tal-KE dwar is-sigurtà tal-ikel: http://ec.europa.eu/europeaid/how/finance/food-facility_en.htm http://ec.europa.eu/europeaid/what/food-security/index_en.htm