IP/09/ 1525 Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2009 Ħalib: Ħames Stati Membri jeħlu imposti ta' € 99 miljun għax qabżu l-kwota tal-ħalib Skont kalkolu proviżorju li għamlet il-Kummissjoni Ewropea abbażi tad-dikjarazzjonijiet annwali tal-Istati Membri, l-imposti għall-Istati Membri li qabżu l-kwoti tagħhom tal-ħalib ilaħħqu ftit aktar minn € 99 miljun għas-sena tas-suq 2008/09, . Is-sena l-oħra, b’kollox l-imposti laħħqu t-€ 340 miljun. Ħames Stati Membri (l-Awstrija, Ċipru, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda) qabżu l-kwoti ta' konsenja tagħhom. Kumplessivament dawn jirrappreżentaw eċċess ta' 348 400 tunnellata, li jirriżulta f'imposta ta' € 97  miljun. L-Italja qabżet il-kwota tagħha ta' konsenja b'1.5 %, l-Olanda qabżitha b’1.4 % u l-Awstrija b’1.2 %. Fir-rigward tal-kwoti tal-bejgħ dirett lill-konsumaturi, kienu biss l-Italja u l-Olanda li rrappurtaw eċċess, li jammonta għal 7 500 tunnellata, u li rriżultaw f'imposta ta' € 2.1 miljun fuq il-bejgħ dirett. It-total tal-produzzjoni tal-ħalib fis-sena ta’ kwota 2008-09 (April-Mejju) kien 4.2 % inqas mill-kwota. Mariann Fischer Boel, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qalet: “Minkejja ż-żieda fil-kwoti tal-2008/09, il-produzzjoni kważi baqgħet l-istess bħal tas-sena ta’ qabel. Madankollu, il-prezzijiet kienu ħafna iktar baxxi. Bi produzzjoni ta’ 4 % inqas mill-kwota, huwa evidenti li l-prezzijiet baxxi li ħarġu mill-azjenda tul ix-xhur li għaddew m'għandhomx x'jaqsmu mat-tmiem gradwali tas-sistema tal-kwota." Għas-sena ta' kwota 2008/09 (April 2008-Marzu 2009), il-kwota totali għall-konsenji lil azjendi tal-prodotti tal-ħalib kienet ta' 143.0 miljun tunnellata. Din il-kwota hija mqassma f'935 000 kwota individwali għall-Unjoni Ewropea kollha (UE-27). Barra minn hekk, hemm ukoll kwota separata ta' 3.4 miljun tunnellata għall-bejgħ dirett lill-konsumaturi, li titqassam f'405 000 kwota individwali. L-imposta totali li trid titħallas hija sostanzjalment iktar baxxa fl-2008/2009 milli fl-2007/2008 (-71 %) Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-konsenji jew naqsu ħarira jew inkella ma rreġsitraw ebda bidla u dan filwaqt li, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Marzu 2008 u bir-Riforma tal-PAK tal-2003, il-kwota żdiedet bi 3 400 000 tunnellata (+2.4 %). Il-produtturi fi 22 mis-27 Stat Membru mhuma se jħallsu l-ebda imposta fir-rigward ta' konsenji għaliex il-kwoti nazzjonali ma nqabżux. Fil-fatt, il-konsenji fi 13-il pajjiż kienu tal-anqas 5 % inqas mill-kwota (ir-Renju Unit, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżvezja, is-Slovenja, il-Bulgarija, il-Litwanja, Malta u r-Rumanija). B'relazzjoni mal-ammont assolut ta' kwota li ma ntużatx, ir-Renju Unit u Franza, b'456 440 u 1 192 628 tunnellata mhux użati rispettivament, kellhom l-aktar ammont baxx sinifikanti. It-total ta' kwota ta' konsenja li ma ntużatx fit-22 Stat Membru li ma użawx l-ammonti kollha tal-kwota tagħhom jammonta għal 5.73 miljun tunnellata. Dan ifisser li, bl-eċċess li kien hemm fil-ħames Stati Membri l-oħra, it-total tal-konsenji tal-ħalib fl-UE-27 attwalment kien ta’ 5.38 miljun tunnellata inqas mill-kwota totali disponibbli. Kif taħdem is-sistema Il-ħalib tal-baqra jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-kwoti. Kull Stat Membru jingħata żewġ kwoti, waħda għall-konsenji lil azjendi tal-prodotti tal-ħalib, u l-oħra għall-bejgħ dirett lill-konsumaturi. Dawn il-kwantitajiet jitqassmu fost il-produtturi (kwoti individwali) f'kull Stat Membru. Fejn il-kwota nazzjonali tinqabeż, il-produtturi li jkunu kkontribwew għal dan l-eċċess ikollhom iħallsu imposta fl-Istat Membru kkonċernat. Din l-imposta fuq l-eċċess għandha titħallas mill-produtturi tal-ħalib tal-baqra fuq il-kwantitajiet kollha tal-ħalib jew tal-ekwivalenti tal-ħalib li jkunu qabżu l-kwota kkummerċjalizzata tul perjodu ta' 12-il xahar, li jibda mill-1 ta' April u jagħlaq fil-31 ta' Marzu. Kull sena, qabel l-1 ta' Settembru, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni ir-riżultati tal-applikazzjoni tal-iskema tal-kwota tal-ħalib matul il-perjodu preċedenti. Din in-notifika jeħtiġilha ssir fil-forma ta' kwestjonarju mimli, li jkun fih id-dejta kollha meħtieġa għall-kalkolu tal-imposta fuq l-eċċess. Ir-rata tal-imposta fuq l-eċċess hija ta' € 27.83/100 kg ta’ eċċess. Anness 1: Ċifri proviżorji għall-2008/09 Anness 2: Ċifri għall-2007/08 Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED