IP/09/ 1530 Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2009 Il-Politika Marittima Integrata għall-UE – il-prijoritajiet għall-Kummissjoni li jmiss Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Rapport ta' Progress dwar il-kisbiet tal-Politika Marittima Integrata (IMP) tal-UE fl-aħħar sentejn u dwar il-futur ta' din il-politika. Flimkien ma' dan, il-Kummissjoni poġġiet fuq il-mejda proposti konkreti dwar żewġ kwistjonijiet importanti tal-IMP – l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima mas-setturi u l-pajjiżi kollha u d-dimensjoni internazzjonali tal-politika marittima tal-UE. Flimkien, dawn it-tliet dokumenti joffru evidenza interessanti ta' kif l-IMP tista' tiżblokka l-potenzjal ekonomiku taż-żoni marittimi u kostali vasti tal-Ewropa, filwaqt li trendi l-ibħra tagħha anqas perikolużi u aktar sikuri permezz ta' governanza ġdida simplifikata u billi jiġu sfruttati sinerġiji li jeżistu fil-medda sħiħa ta' politiki relatati mal-baħar. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Manuel Barroso ikkummenta: "L-ewwel tnedija li qatt saret ta' politika marittima integrata ambizzjuża hija kisba ewlenija ta' din il-Kummissjoni . Hija wkoll sfida għall-Kummissjoni li jmiss. Il-politika marittima hija element indispensabbli tal-politika sostenibbli tal-klima u l-enerġija. Jien nemmen li aħna nistgħu nibnu fuq il-ħidma tagħna s'issa u nieħdu l-passi li jmiss b'ħeġġa u kunfidenza. Pereżempju, jien nixtieq li l-Awtostradi tal-Baħar isiru realtà. Irridu niżviluppaw ippjanar spazjali marittimu għal żvilupp responsabbli u utli tal-oċeani u l-baħar; nintegraw is-sorveljanza marittima mal-fruntieri u l-pajjiżi kollha; u nibnu netwerk tal-osservazzjoni u d-dejta tal-baħar." Il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Joe Borg, qal: "Għalkemm il-Politika Marittima Integrata hija politika Ewropea li għadha fil-bidunett tagħha, diġà irnexxhiela tbiddel il-mod li bih l-Ewropa tittratta l-assi marittimi tagħha u poġġiet il-kwistjonijiet marittimi fuq quddiem tal-aġenda tal-Ewropa. Il-bidu eċċellenti li kellna bl-IMP għandu jixprunana lejn mod ta' ħsieb akbar u aktar kuraġġuż fil-futur. Għandu jinkoraġġina sabiex inkomplu nwessgħu l-limiti meta naslu għat-teħid ta' azzjoni miftiehma għall-ġid tal-ambjent tal-baħar, tal-ekonomija marittima u tas-sigurtà tagħna. Il-Progress fil-Politika Marittima In tegrata Ir-Rapport tal-Progress iqis sentejn tal-kisbiet tal-IMP. Jistipula wkoll sitt orjentazzjonijiet strateġiċi ta' politika għall-futur: L-integrazzjoni tal-governanza marittima: l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni kostali għandhom responsabbiltà partikolari sabiex jiżguraw l-integrazzjoni tal-politika mill-bidu u l-adozzjoni ta' aġendi koerenti u magħquda għall-affarijiet marittimi, filwaqt li jilqgħu aktar kontra l-prevalenza ta' ħsibijiet ta' politika settorjali u iżolati. Għalhekk għandu jkun hemm strutturi effikaċi għall-kollaborazzjoni transettorjali u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati sabiex is-sinerġiji minn politiki settorjali li jħallu impatt fuq l-ibħra jinġabru flimkien. L-iżvilupp ta' għodod transettorjali ta' politika: l-aktar l-ippjanar spazjali marittimu, l-għarfien u d-dejta komprensivi tal-baħar u s-sorveljanza marittima integrata. Id-definizzjoni tal-limiti tal-attivitajiet marittimi sabiex tkun garantita s-sostenibbiltà: fi ħdan il-qafas tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar, din se tiżgura li ma jkun permess l-ebda żvilupp ta' attivitajiet marittimi mingħajr kunsiderazzjoni reali tal-impatt kumulattiv tagħhom fuq l-ambjent tal-baħar. L-iżvilupp ta' strateġiji għar-reġjuni tal-baċiri tal-baħar: il-prijoritajiet u l-għodod għat-tfassil tal-politika tal-affarijiet marittimi għandhom ikunu adattati għall-kuntest ġeofiżiku, ekonomiku u politiku uniku tal-akbar baċiri marittimi tal-Ewropa. L-iżvilupp tad-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata: ir-rwol tat-tmexxija tal-UE fl-affarijiet marittimi globali, inklużi t-tibdil fil-klima u l-preżervazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar se jsaħħaħ bil-kbir il-pożizzjoni tal-UE fir-relazzjonijiet multilaterali u bilaterali. Il-fokus imġedded fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi u l-innovazzjoni: l-UE għandu jkollha aġenda koerenti u komprensiva għall-ekonomiji dwar l-affarijiet marittimi, inklużi l-ispinta lejn l-iżvilupp ta' trasport marittimu intra-Ewropew, l-istimulazzjoni ta' investimenti fis-settur tal-bastimenti bi bnadar tal-UE u tal-bini tal-bastimenti, it-tmexxija 'l quddiem tal-proġett ta' bastimenti nodfa, li jorbot dejjem aktar il-politiki tal-enerġija u t-tibdil fil-klima tal-UE mal-politika marittima u billi tiżgura li jitqiesu bis-sħiħ iż-żoni marittimi u kostali fid-dibattitu dwar il-politika tal-koeżjoni territorjali. Fl-2010 se jiġi ppubblikat dokument dettaljat ta' politika dwar l-iżvilupp ta' dawn is-sitt orjentazzjonijiet strateġiċi. Is-sorveljanza marittima Sabiex isseħħ l-integrazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza marittima, il-Kummissjoni stipulat prinċipji ta' gwida sabiex tgħin lill-Istati Membri tal-UE jistabbilixxu ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għall-għadd kbir ta' awtoritajiet ta' sorveljanza tagħhom. Attwalment, fl-Istati Membri għada prattika standard li kull awtorità settorjali timmonitorja u tistħarreġ l-azzonijiet fuq il-baħar ħalli tiġbor dejta operattiva b'mod independenti mill-awtoritajiet l-oħra simili. Li kieku din id-dejta kellha tinqasam bejniethom, l-attivitajiet ta' sorveljanza jsiru aktar effiċjenti u kosteffettivi. Madankollu, il-qsim ta' dejta u l-interoperabbiltà ta' sistemi ta' sorveljanza joħolqu ċerti sfidi teknoloġiċi, legali u ta' sigurtà. Dawn l-isfidi huma identifikati fil-proposta tal-Kummissjoni, u hemm preżentati soluzzjonijiet għalihom. Barra minn hekk, permezz tal-aqwa użu ta' sistemi eżistenti, komunitajiet differenti ta' utenti – mill-kontroll tal-fruntiera sas-sajd, mit-trasport marittimu għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, mid-dwana sad-difiża – se jkunu jistgħu jiksbu għarfien marittimu aħjar, li se ssaħħaħ l-effikaċja operattiva rispettiva tagħhom. Fost inizjattivi oħra li huma previsiti, hemm żewġ proġetti pilota li qegħdin fil-proċess tat-tnedija u li għandhom l-għan li tkun ittestjata l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima fil-prattika – wieħed fil-Mediterran u taż-żoni fl-Atlantiku fil-qrib tiegħu u l-ieħor fil-baċir tal-baħar tat-Tramuntana. Id-dimensjoni internazzjonali Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll dokument ta' strateġija li jistipula l-mod sabiex ikun żġurat li l-UE teżerċita influwenza aktar qawwija fl-arena internazzjonali dwar l-affarijiet marittimi sabiex issaħħaħ il-governanza globali tal-oċeani u l-ibħra. Din tkun l-aqwa garanzija għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali tal-UE fl-isfera marittima. Il-Kummissjoni ssemmi għadd ta' oqsma li b'mod ċar jeħtieġu soluzzjonijiet internazzjonali, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar, inklużi fl-ibħra internazzjonali, it-tibdil fil-klima, is-sikurezza u s-sigurtà marittima, kundizzjonijiet tax-xogħol abbord diċenti u r-riċerka dwar il-baħar. Teżamina wkoll l-istrumenti li huma disponibbli fuq il-livelli internazzjonali, reġjonali, tal-viċinat u bilaterali sabiex jitwettqu bis-sħiħ l-istrateġija u l-azzjonijiet prijoritarji tagħha li qed tipprevedi li tagħmel sabiex tikkontribwixxi lejn governanza marittima sostenibbli fuq livell globali. Aktar tagħrif: ara wkoll: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/subpage_mpa_en.html Rapport ta' Progress: MEMO/09/455 Integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: MEMO/09/454 Dimensjoni Internazzjonli tal-IMP: MEMO/09/453