IP/09/1548 Brussell, l-20 ta' Ottubru 2009 Kompetizzjoni: Il-Forum fuq l-Internet tal-Kummissjoni dwar il-Mużika jiftaħ it-triq għal opportunitajiet aħjar għall-mużika fuq l-internet għall-konsumaturi EwropejDikjarazzjoni konġunta li tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jkunu jiffurmaw il-bażi tad-distribuzzjoni tal-mużika fuq l-internet fil-futur u b'hekk iwasslu għal opportunitajiet aħjar fil-qasam tal-mużika fuq l-internet għall-konsumaturi Ewropej ġiet iffirmata mill-parteċipanti fir-raba' laqgħa tal-Forum dwar id-Distribuzzjoni tal-Mużika fuq l-Internet, ippresjeduta mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Neelie Kroes fid-19 ta' Ottubru 2009. Il-parteċipanti fil-Forum kienu Amazon, BEUC, EMI, iTunes, Nokia, PRS for Music, SACEM, STIM u Universal. Wara l-Forum, numru ta' parteċipanti ħabbru passi u impenji konkreti li għandhom jirriżultaw f'aċċess imtejjeb għall-konsumaturi Ewropej għall-mużika fuq l-internet. Il-Kummissarju Kroes iddikjarat: "Il-konsumaturi Ewropej iridu u jixirqilhom offerta mużikali aħjar fuq l-internet. Il-ftehim ta' llum mill-Forum dwar il-prinċipji bażiċi jirrappreżenta progress reali f'din id-direzzjoni. Din hija l-ewwel darba li l-parteċipanti minn partijiet differenti tas-suq qablu dwar pjan komuni. Nilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-passi u l-impenji konkreti li saru u li għandhom itejbu d-disponibilità tal-mużika fuq l-internet għall-konsumaturi." Il-Kummissarju Kroes fetħet il-laqgħa billi fakkret li ġiet rikonoxxuta l-ħtieġa li jitjieb il-liċenzjar tal-mużika għall-użu fuq l-internet. Billi l-mekkaniżmi preżenti tal-liċenzjar huma kumplessi u tqal wisq, dawk interessati qegħdin jitilfu opportunitajiet fid-dinja diġitali. Soluzzjonijiet ta' liċenzjar aktar sempliċi u aktar trasparenti kellhom il-potenzjal li jespandu s-suq u jressqu offerta ġdida u aktar innovattiva ta' mużika fuq l-internet lejn firxa ikbar ta' konsumaturi Ewropej, filwaqt li fl-istess ħin iħarsu d-diversità kulturali u l-interessi tal-awturi. Il-parteċipanti tal-Forum issotteskrivew dikjarazzjoni konġunta li fiha:impenjaw ruħhom li jaħdmu għall-kisba ta' pjattaformi ġodda tal-UE għal-liċenzjar li jinkludu r-repertorji ta' diversi soċjetajiet ta' ġbir. Dawn il-pjattaformi għandhom jikkonsolidaw l-aktar repertorju wiesa' possibbli fil-katalgi tagħhom u għandhom ikunu bbażati fuq koperazzjoni volontarja fost is-sidien tad-drittijiet.qablu li l-amministraturi tad-drittijiet kollettivi għandhom iżommu ma' ċerti kriterji oġġettivi, trasparenti u li ma jiddiskriminawx sabiex jippermettu lil entitajiet oħra jipprovdu liċenzji multiterritorjali.stabbilixxew grupp ta' ħidma sabiex jinħoloq qafas komuni għall-identifikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni dwar is-sjieda tad-drittijiet. Dan se jagħmilha eħfef għall-utenti kummerċjali sabiex jidentifikaw is-sidien tad-drittijiet relevanti u jiksbu d-drittijiet neċessarji.Dawn il-prinċipji bażiċi huma miftuħa għal oħrajn interessati fl-industrija. Huma għandhom jiffaċilitaw il-mod li bih il-mużika għall-użu fuq l-internet hija liċenzjata sabiex is-suq jikber u jibbenefikaw il-konsumaturi. Wara l-Forum:Apple ħabbret li kienet inkoraġġita mill-progress lejn liċenzjar aktar effiċjenti tal-mużika fuq l-internet u li kienet ottimista li tkun tista' tagħmel il-ħanut iTunes disponibbli għall-konsumaturi f'aktar stati Ewropej matul is-sena li ġejja.EMI ħabbret li qed tistenna li tagħmel pass importanti 'l quddiem fil-liċenzjar diġitali fl-Ewropa permezz ta' ftehimiet mhux esklussivi li waslu biex isiru mas-soċjetajiet ta' ġbir ta' Spanja (SGAE) u Franza (SACEM).Amazon enfasizzat li qiegħda taħdem kontinwament sabiex tipprovdi lill-konsumaturi b'għażla wiesgħa ta' prodotti u prezzijiet baxxi fis-siti tal-internet Ewropej kollha tagħha u issa qed tippermetti l-forniment tal-kategoriji kollha ta' prodotti fiżiċi f'kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. Amazon saħqet li kienet impenjata li tkompli taħdem sabiex tipprovdi lill-konsumaturi l-aktar għażla wiesgħa possibbli ta' mużika fuq l-internet. Amazon laqgħet b'sodisfazzjon il-prinċipji konġunti bħala pass importanti fl-evoluzzjoni tal-qafas tal-liċenzjar tal-UE u fl-iffaċilitar tad-distribuzzjoni fuq l-internet tal-mużika diġitali għall-konsumaturi madwar l-Ewropa.F'konformità mal-prinċipji maqbula fil-Forum, SACEM issa se tikkoopera attivament ma' numru kbir kemm jista' jkun ta' soċjetajiet Ewropej tal-awturi bil-għan li tibni portal komuni, mhux esklussiv li jkun jista' joffri l-akbar repertorju possibbli għas-servizzi fuq l-internet fuq bażi pan-Ewropea.Il-Kummissarju Kroes laqgħet b'sodisfazzjon il-fatt li qed isiru passi konkreti għat-titjib tal-aċċess tal-konsumaturi għall-mużika fuq l-internet wara l-Forum. Issa għandhom ikunu possibbli aktar passi fid-dawl tal-prinċipji maqbula mill-membri tal-Forum. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata li taħdem mas-suq sabiex iġġib benefiċċji reali għall-konsumaturi. Id-dikjarazzjoni konġunta mill-parteċipanti tal-Forum fid-19 ta' Ottubru 2009 dwar "prinċpiji ġenerali għad-distribuzzjoni fuq l-internet tal-mużika" tista' tiġi kkonsultata hawn:http://ec.europa.eu/competition/sectors/media/joint_statement_1.pdf Id-dikjarazzjoni konġunta minn EMI, PRS for Music, SACEM, STIM u Universal Music Group International dwar "Grupp ta' Ħidma dwar Qafas Komuni għall-Informazzjoni dwar is-Sjieda tad-Drittijiet" tista' tiġi kkonsultata hawn:http://ec.europa.eu/competition/sectors/media/joint_statement_2.pdf Sfond L-ewwel laqgħa tal-Forum dwar il-Kummerċ fuq l-Internet (17 ta' Settembru 2008 - ara IP/08/1338) attendew għaliha EMI Music Publishing, Fiat, eBay, Apple/iTunes, Alcatel-Lucent, LVMH, Which? (l-organizzazzjoni tal-konsumaturi fir-Renju Unit), SACEM (is-soċjetà tal-ġbir Franċiża għall-awturi u l-kompożituri) u Sir Mick Jagger u kienet tirrigwarda kemm oġġetti u kif ukoll servizzi fuq l-internet, filwaqt li t-tieni waħda (16 ta' Diċembru 2008) ffukat fuq id-distribuzzjoni tal-mużika fuq l-internet u kienet limitata għall-parteċipanti tal-Forum li kellhom x'jaqsmu ma' din il-kwistjoni. Il-proċedimenti rriżultaw fir-Rapport tal-Forum tal-Kummerċ fuq l-Internet dwar l-Opportunitajiet u l-ostakli għall-bejgħ fuq l-internet. Ir-rapporti huma disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2009_online_commerce/roundtable_report_en.pdf Ir-Rapport kien miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika; il-komunikazzjonijiet riċevuti f'dan ir-rigward jistgħu jiġu kkonsultati hawn: http://ec.europa.eu/competition/consultations/2009_online_commerce/index.html It-tielet laqgħa (fit-8 ta' Settembru 2009) twessgħet għal atturi ewlenin oħra fl-industrija tal-mużika fuq l-internet jiġifieri Amazon, Nokia, PRS for Music (is-soċjetà tal-ġbir tar-Renju Unit), STIM (is-soċjetà tal-ġbir tal-Iżvezja), Universal Music Publishing Group u r-rappreżentanti tal-konsumaturi Ewropej (BEUC – l-Organizzazzjoni tal-Konsumaturi Ewropej).