IP/09/1563 Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2009 Il-Kummissjoni Ewropea tagħti bidu għal riflessjoni dwar Suq Diġitali Uniku għall-Kontenut Kreattiv Online Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument ta' riflessjoni dwar l-isfida li joffri l-ħolqien ta' Suq Diġitali Uniku f'livell Ewropew għall-kontenut kreattiv, bħalma huma l-kotba, il-mużika, il-films u l-logħob tal-kompjuter. Skont studji li saru mill-Kummissjoni, Suq għall-Kontenut Kreattiv Online li jkun tassew Uniku u mingħajr fruntieri għandu jippermetti l-possibbiltà li d-dħul mill-bejgħ għas-settur tal-kontenut kreattiv jiżdied b'erba' darbiet aktar, dejjem jekk l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi jadottaw miżuri favur il-konsumatur li jkunu ċari (ara IP/07/95 ). Għalhekk, id-disponibbiltà tal-kontenut diġitali toffri opportunitajiet kbar lill-Ewropa, iżda toffri għadd ta' sfidi wkoll. L-ewwel nett, l-ostakoli regolatorji u territorjali xorta għadhom ta' xkiel għad-distribuzzjoni diġitali ta' prodotti u servizzi kulturali u jistgħu joħonqu l-kreattività u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, il-prattika ta' tniżżil illegali fuq skala kbira tista' tikkomprometti l-iżvilupp ta' Suq Uniku għall-kontenut diġitali li jkun vijabbli ekonomikament; jeħtieġ li l-offerti transkonfinali legali jingħataw aktar promozzjoni. F'dan il-kuntest, id-dokument ta' riflessjoni – li tfassal b'mod konġunt bejn is-servizzi tal-Kummissarji Reding u McCreevy – jindika l-isfidi attwali għat-tliet gruppi interessati – id-detenturi tad-drittijiet, il-konsumaturi u l-utenti kummerċjali – u jistieden lil kull min hu interessat biex jipparteċipa f'dibattitu wiesa' dwar kif l-Ewropa tista' tirreaġixxi għal dawn l-isfidi. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu sal-5 ta' Jannar 2010. "Id-drittijiet tal-awtur u l-internet huma żewġ muturi b'saħħithom li jippromwovu l-kreattività u l-innovazzjoni għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha. Dawn għandhom jintużaw flimkien fil-proġett il-ġdid għall-ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali kompetittiv u prosperu. Dan is-Suq Uniku Diġitali jista' jiġi żviluppat biss bil-kollaborazzjoni tal-ħallieqa tal-kontenut; u b'ġenerazzjoni ta' individwi diġitali mit-twelid bħala utenti interessati u konsumaturi innovattivi," qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Il-prijorità ewlenija tiegħi fis-snin li ġejjin se tkun li naħdem, b'kooperazzjoni ma' Kummissarji oħra, biex noħolqu qafas legali li jkun sempliċi u adegwat għall-esiġenzi tal-konsumatur sabiex il-kontenut diġitali jsir disponibbli bejn il-fruntieri tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni konkreta tad-drittijiet tal-awtur u l-ħlas xieraq għall-kreaturi tal-kontenut." "Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u industrijali – id-drittijiet tal-awtur, il-privattivi, il-marki jew id-diżinji – hija l-qofol ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien u hija meħtieġa biex l-Ewropa ttejjeb il-kompetittività tagħha. Din hija prijorità għar-riforma: ibbażata fuq prinċipji ekonomiċi konkreti, mhux fuq kunċetti legali biss, u tiffoka fuq soluzzjonijiet li jrawmu l-innovazzjoni u l-investiment fil-ħajja ta' kuljum", qal Charlie McCreevy, il-Kummissarju tal-UE għas-Suq Intern. Illum, il-Kummissjoni Ewropea nediet dokument ta' riflessjoni dwar Suq Diġitali Uniku f'livell Ewropew u nediet ukoll konsultazzjoni pubblika li ssejjaħ għal ideat ġodda li jkomplu jqanqlu s-suq tad-distribuzzjoni online ta' kontenut kreattiv. Id-dokument jenfasizza l-importanza tad-drittijiet tal-awtur bħala bażi għall-kreattività fil-patrimonju kulturali Ewropew. Il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa ta' regoli li jiffavorixxu lill-konsumatur u l-kompetittività biex jinħoloq Suq Uniku Awtentiku għall-kontenut kreattiv fuq l-internet. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni indikat tliet oqsma fejn għandha tittieħed azzjoni leġiżlattiva: Jiġi żgurat li l-kreattività tiġi ppremjata sabiex il-ħallieqa, id-detenturi tad-drittijiet u d-diversità kulturali tal-Ewropa jkunu jistgħu jipprosperaw fid-dinja diġitali; Il-konsumaturi jingħataw mezzi legali, bi prezzijiet ċari, għall-aċċess fi kwalunkwe ħin u post għal firxa wiesgħa ta' kontenut permezz ta' netwerks diġitali; Jippromwovu ambjent ta' kundizzjoniet indaqs għal mudelli ġodda ta' impriżi u soluzzjonijiet innovattivi għad-distribuzzjoni tal-kontenut kreattiv fl-UE. Fl-Ewropa, is-settur kulturali u kreattiv (li jinkludi l-kontenut ta' pubblikazzjonijiet bħal ma huma l-kotba, il-gazzetti u r-rivisti, ix-xogħlijiet mużikali u r-reġistrazzjonijiet awdjo, il-films, il-forniment ta' vidjows fuq talba ( video on demand ) u l-logħob tal-kompjuter) jiġġenera kummerċ ta' aktar minn € 650 biljun fis-sena, filwaqt li jikkontribwixxi għal 2.6% tal-PDG tal-UE u jħaddem aktar minn 3% tal-forza tax-xogħol fl-UE. Għalhekk, dawk li jfasslu l-politiki tal-UE għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu d-drittijiet tal-awtur, speċjalment fil-kuntest tal-iżvilupp tal-ekonomija u tat-teknoloġija. Bħala parti mid-diskussjonijiet attwali dwar il-prijoritajiet li għandha jkollha Aġenda Diġitali Ewropea , u biex tikkontribwixxi għal dibattiti simili li qed isiru fuq livell nazzjonali, issa l-Kummissjoni tixtieq tiffoka d-dibattitu fuq is-soluzzjonijiet prattiċi li jinkoraġġixxu mudelli ġodda ta' impriżi, jippromwovu inizjattivi industrijali u soluzzjonijiet innovattivi, kif ukoll fuq il-ħtieġa eventwali li r-regoli applikabbli tas-suq uniku tal-UE jiġu armonizzati, aġġornati u riveduti. Sfond: F'diskors li għamlet fid-9 ta' Lulju, il-Kummissarju Reding indikat il-viżjoni għal Aġenda Diġitali Ewropea ambizzjuża ( SPEECH/09/336 ). Bħala kontribut għal din l-Aġenda, id-dokument ta' riflessjoni li ġie ppubblikat illum jagħti sommarju tal-konklużjonijiet li ħarġu minn żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi (ara IP/06/1071 u IP/08/5 ), mill-" Content Online Platform" tal-Kummissjoni (ir-Rapport Finali fuq http://ec.europa.eu/avpolicy/docs/other_actions/col_platform_report.pdf ) u minn inizjattivi relatati tal-Kummissjoni (ara r-" Report on Opportunities and barriers to online retailing" tal-Online Commerce Roundtable, IP/08/1338 u http://ec.europa.eu/competition/sectors/media/online_commerce.html u l-Istqarrija Konġunta mill-parteċipanti tar-Roundtable tad-19 ta' Ottubru 2009 dwar "prinċipji ġenerali għat-tqassim online tal-mużika", IP/09/1548 ). Id-dokument ta' riflessjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li jġib l-isem "Creative Content in a European Digital Single Market: Challenges for the Future" huwa disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/avpolicy/other_actions/content_online/index_en.htm