IP/09/ 1572 Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2009 Il-Premju taż-Żgħażagħ juri l-impenn taż-żgħażagħ Ewropej fil-ġlieda kontra l-faqar Il-Premju taż-Żgħażagħ għall-Iżvilupp 2008/9 ngħata llum fi Stokkolma matul il-Jiem Ewropej għall-Iżvilupp 2009. Il-kwalità għolja tal-parteċipanti fil-kompetizzjoni tal-posters u l-vidjows turi kemm iż-żgħażagħ Ewropej huma impenjati fil-ġlieda kontra l-faqar. Karel De Gucht, il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja qal: "L-istudenti trattaw is-suġġett ta' dis-sena – l-iżvilupp uman fl-Afrika – b'immaġinazzjoni u sensittività kbar. Dan juri li huma fehmu perfettament x'inhuma l-għanijiet tagħna tal-għajnuna għall-iżvilupp u għaliex hija meħtieġa l-għajnuna tal-Ewropa. Dawn iż-żgħażagħ Ewropej huma ambaxxaturi reali għall-iżvilupp u l-koperazzjoni bejn l-Ewropa u l-Afrika." L-54 finalist tal-kompetizzjoni tal-posters u l-vidjows immirata għall-etajiet bejn is-16 u t-18-il sena, ingħataw il-premjijiet tagħhom waqt ċerimonja tal-premjazzjoni fil-Kulturhuset fi Stok kolma. Il-Kummissarju tal-UE Karel De Gucht ħabbar ir-rebbieħa tal-ewwel u t-tieni premju u tahom il-premjijiet rispettivi tagħhom: Is-27 rebbieħ tal-ewwel premju – wieħed minn kull stat membru tal-UE – se jmorru fuq vjaġġ ta' ħamest ijiem fl-Afrika sabiex jaraw b'għajnejhom stess kif isseħħ il-koperazzjoni fl-iżvilupp. Huma se jżuru proġetti tal-iżvilupp, iżda se jkollhom ukoll opportunitajiet sabiex jiltaqgħu ma' nies tal-età tagħhom. Huwa ttamat li huma jaqsmu din l-esperjenza mal-ħbieb u l-familja tagħhom u f'dan is-sens isiru ambaxxaturi tal-iżvilupp. Is-27 rebbieħ tat-tieni premju rċevew iċ-ċertifkati tagħhom fiċ-ċerimonja tal-għoti u ħadu sehem fil-programm tal-kuntatt maż-żgħażagħ tal-Jiem Ewropej għall-Iżvilupp fi Stokkolma, inkluż kwiżż dwar l-iżvilupp u attività mużikali. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet kienet moderata minn Shire Raghe, preżentatur tat-Televiżjoni Żvediża u tal-MTV. Il-posters tar-rebbieħa ntwerew f'esebizzjoni matul l-avveniment. Aktar minn 1200 żagħżugħ u żagħżugħa Ewrope j ħadu sehem fl-edizzjoni ta' din is-sena tal-Premju taż-Żgħażagħ għall-Iżvilupp. Dan is-suċċess juri li ż-żgħażagħ huma ġenwinament interessati fi kwistjonijiet tal-iżvilupp u huma impenjati fil-ġlieda kontra l-faqar. Sfond: Il-Premju Ewropew taż-Żgħażagħ għall-Iżvilupp huwa organizzat mill-Kummissjoni Ewropea sabiex iqajjem kuxxjenza dwar l-iżvilupp fost iż-żgħażagħ. Studenti mill-Unjoni Ewropea bejn l-etajiet ta' 16 u 18-il sena jistgħu jipparteċipaw. Il-premju, li nbeda fl-2006, jagħmel enfasi fuq l-Afrika u l-kwistjonijiet tal-iżvilupp. Is-suġġetti ta' din is-sena kienu "l-ugwaljanza bejn is-sessi", "it-tfal u ż-żgħażagħ" jew "id-diversità kulturali" billi t-tema ġenerali kienet l-iżvilupp uman fl-Afrika. Il-ġurija kienet tikkonsisti f'esperti minn oqsma differenti, inkluża l-edukazzjoni dwar l-iżvilupp, l-arti u l-midja. Il-Jiem Ewropej għall-Iżvilupp (EDD) huwa forum tal-iżvilupp organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiż li jkollu l-Presidenza tal-UE (Stokkolma, 22 - 24 Ottubru 2009). Huwa jiġbor flimkien madwar 4 000 persuna u 1 500 organizzazzjoni mill-komunità tal-iżvilupp. Delegati minn 125 pajjiż huma rappreżentati, inklużi kapijiet ta' stat u figuri internazzjonali importanti, fosthom rebbieħa tal-premju Nobel. Il-Premju Ewropew taż-Żgħażagħ għall-Iżvilupp: http://www.dyp2008.org/ Il-lista sħiħa tar-rebbieħa, il-posters u l-vidjows (disponibbli biex jitniżżlu u jintużaw mingħajr ħlas ta' dritt mill-midja) jistgħu jinstabu hawn: http://www.dyp2008.org/ww/en/pub/dyp2008/enter.htm Jiem għall-Iżvilupp: http://www.eudevdays.eu/about_the_event/introduction_en.htm