IP/09/ 1576 Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2009 L-Ambjent: il-Kumissjoni tibda t-tiftixa għal Kapitali Ekoloġiċi Ewropej 2012 u 2013 Bdiet it-tiftixa għall-ibliet li se jsiru l-Kapitali Ekoloġiċi Ewropej li jmiss. Il-premju prestiġjuż tal-Kapitali Ekoloġiċi Ewropej ( European Green Capital Award ) jirrikonoxxi bliet li jinsabu fuq quddiem nett tal-għajxien urban ekoloġiku. Aktar kmien din is-sena, Stokkolma u Ħamburg issemmew bħala l-ewwel rebbieħa tat-titlu għall-2010 u l-2011, rispettivament. Issa bdiet it-tellieqa biex jinstabu l-ibliet li se jirbħu t-titlu prestiġjuż għall-2012 u l-2013. Il-premju annwali għandu l-għan li jgħin lill-ibliet Ewropej isiru aktar attraenti u f’saħħithom – “tajbin għall-ħajja”. Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: “L-awtoritajiet lokali għandhom rwol kruċjali fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien għal min jgħix fl-ibliet. Il-Premju tal-Kapitali Ekoloġika Ewropea qiegħed jispira lill-ibliet sabiex isolvu l-problemi ambjentali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini billi l-ambjent jitqies sistematikament fl-ippjanar urban.” It-tnedija tal-Premju tal-Kapitali Ekoloġika Ewropea 2012 u 2013 L-ibliet kollha tal-UE li għandhom popolazzjoni ta’ aktar minn 200 000 ruħ jistgħu japplikaw għat-titlu tal-Kapitali Ekoloġika ewropea 2012 u 2013. L-iskema għall-għoti tal-premju hija miftuħa għas-27 Stat Membru tal-UE, għall-pajjiżi kandidati (it-Turkija, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) u l-Kroazja)) u għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein). Il-kandidati se jiġu evalwati abbażi ta’ 11-il kriterju ambjentali, fosthom, il-kontribut lokali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-produzzjoni u l-ġestjoni tal-iskart, in-natura u l-bijodiversità, it-trasport, l- arja u l-ilma. L-ibliet jistgħu japplikaw permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni online. L-iskadenza għall-applikazzjonijiet għat-titli tal-2012 u l-2013 hija l-1 ta' Frar 2010. Ir-rebbieħa se jitħabbru f'Ottubru 2010. Il-ġurija hija magħmula minn rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ambjentali ewropea u organizzazzjonijiet ewlenin Ewropej u internazzjonali. Bliet aktar ekoloġiċi Erba' minn kull ħames ċittadini Ewropej joqogħdu fi nħawi urbani, u l-kwalità ta' ħajja tagħhom hija influwenza ta direttament mill-istat tal-ambjent urban. Il-Premju Ewropew għall-Kapitali Ekoloġika ġie konċepit bħala inizjattiva biex jitħeġġu u jkunu ppremjati l-isforzi, biex l-ibliet jitrawmu fl-impenn tagħhom għal aktar azzjoni, u biex ikunu esposti u mħeġġa l-iskambji tal-aqwa prattiki fost l-ibliet Ewropej. Il-premju jingħata lil belt li wriet b’mod konsistenti li tilħaq standards ambjentali għolja u li hija impenjata fuq bażi permanenti lejn azzjoni ambizzjuża, aktar titjib ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli. L-għan huwa li l-ibliet rebbieħa jispiraw bliet Ewropej oħra u jħeġġu l-aqwa prattiki. Stokkolma u Ħamburg kellhom jitħabtu kontra kompetizzjoni b’saħħitha biex irnexxielhom ikunu l-ewwel rebbieħa tal-Kapitali Ekoloġika Ewropea fi Frar din is-sena. Il-kapitali tal-Iżvezja se tkun il-Kapitali Ekoloġika Ewropea fl-2010, u warajha jkun imiss lil Ħamburg fl-2011. L-ibliet intgħażlu bħala mudelli għall-bqija tal-Ewropa minħabba l-miżuri li ħadu biex itejbu l-ambjent urban għaċ-ċittadini tagħhom, fosthom azzjonijiet ambizzjużi biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-ajra, il-konġestjoni tat-traffiku u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Sfond Il-Premju għall-Belt Ewropea Ambjentali huwa frott ta’ inizjattiva li ttieħdet minn bliet b’viżjoni ekoloġika. Il-kunċett oriġinali tfassal waqt laqgħa li saret fil-15 ta’ Mejju 2006 f’Tallinn, l-Estonja, fuq inizjattiva tas-Sur Jüri Ratas, li qabel kien Sindku ta’ Tallinn, meta 15-il belt Ewropea flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-ibliet Estoni ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim konġunt dwar it-twaqqif ta’ dan il-premju. Bħalissa, din l-inizjattiva tgawdi l-appoġġ ta' aktar minn 40 belt, fosthom 21 belt kapitali mill-UE. Għal iktar tagħrif: Għal aktar tagħrif dwar il-Premju għall-Belt Ewropea Ambjentali jekk jogħġbok żur: www.europeangreencapital.eu Is-sit fuq l-internet tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp urban: http://ec.europa.eu/environment/urban/home_en.htm