IP/09/1594 Brussell, 28 ta' Ottubru 2009 L-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kontrolli fuq il-fondi strutturali qed jagħtu l-frott Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tagħha biex issaħħaħ il-ġestjoni konġunta tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni tal-UE. Ir-rapport, ippreżentat mill-Kummissarji Pawel Samecki (Politika Reġjonali) u Vladimir Špidla (Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs), jenfasizza l-miżuri meħuda biex itejbu l-kontrolli finanzjarji fl-Istati Membri u biex jitnaqqsu l-iżbalji li jistgħu jirriżultaw f'talbiet mhux korretti ta' ħlasijiet mill-baġit tal-UE. Pawel Samecki, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, qal: " Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lit-titjib fis-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll. Bl-appoġġ tal-Istati Membri implimentajna pjan ta' azzjoni li għandu jiżgura ċertifikazzjoni affidabbli u rigoruża tal-infiq. Fit-tul, dan għandu jgħinna nnaqqsu r-rata tal-iżbalji u nħarsu l-flus mit-taxxi tal-poplu. Illum nistgħu naraw li l-isforzi konġunti tagħna qed jagħtu l-frott: il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma impenjati bis-sħiħ biex jieħdu azzjoni xierqa meta jinstabu l-iżbalji. Qegħdin nagħmlu wkoll progress fl-isforzi tagħna biex nissimplifikaw ir-regolamenti tal-finanzjament." Vladimir Špidla, il-Kummissarju għax-Xogħol, Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs qal: "Il-Kummissjoni ħadmet ħafna mal-Istati Membri biex tiżgura li l-flus tat-taxxi tal-poplu jintużaw b'mod effiċjenti u li l-flus tal-UE jaqdu liċ-ċittadini tal-UE. Is-simplifikazzjoni hija partikolarment importanti għall-promoturi tal-proġetti ż-żgħar, u għalhekk introduċejna xi simplifikazzjonijiet fil-kontabilità għar-rapporti tal-ispejjeż indiretti fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali. Il-Kummissjoni ppromwoviet l-użu ta' din is-simplifikazzjoni fil-prattika u jiena għandi pjaċir nirrapporta li qed isir progress tajjeb billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri infurmaw lill-Kummissjoni f'dawn l-aħħar xhur bi skemi li qed jintroduċu għall-programmi kollha tagħhom jew partijiet minnhom." Miżuri aktar ħorox biex jitnaqqsu l-iżbalji Fis-19  ta' Frar 2008, il-Kummissjoni adottat pjan ta' azzjoni b'37 punt. Dan kien imfassal bħala rispons prattiku għar-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament Ewropew u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex jissaħħu s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri u jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji fit-talbiet għall-ħlas. L-Istati Membri huma prinċipalment responsabbli għall-individwazzjoni u l-indirizzar tal-iżbalji: ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiżgura li dan l-għan jintlaħaq. Il-pjan ta' azzjoni għandu l-għan li jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jiċċekkjaw bir-reqqa l-eliġibilità tal-infiq tal-fondi strutturali qabel ma jibagħtu talbiet għall-ħlas lill-Kummissjoni. Jekk l-istandard jitbaxxa, hemm miżuri stretti fis-seħħ biex jitwaqqfu l-ħlasijiet jew jerġgħu jittieħdu lura l-flus permezz ta' korrezzjonijiet finanzjarji (ara MEMO/09/481 ). Ir-rapport tal-lum jenfasizza li l-miżuri iktar stretti introdotti mill-Kummissjoni diġà qegħdin jagħtu riżultati konkreti. S'issa, din is-sena l-Kummissjoni ħadet lura €629 miljun u tistma li se jittieħdu lura iktar minn nofs biljun ewro oħra sa tmiem l-2009. Ir-rapport juri wkoll li l-Istati Membri qegħdin dejjem aktar jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħhom stess – dan jagħtihom aktar libertà biex jagħmlu talbiet għall-ħlas għal proġetti alternattivi eliġibbli. Il-pjan ta' azzjoni jimmira wkoll li jgħin lill-Istati Membri fit-tħejjijiet tagħhom għall-'għeluq' tal-kontijiet tal-programmi tal-fondi strutturali tal-2000-2006, u li jiżgura l-verifika effettiva tal-istrateġiji ta' awditjar u s-sistemi ta' kontroll finanzjarju tal-Istati Membri għall-perjodu baġitarju ta' bejn l-2007 u l-2013. Simplifikazzjoni tar-regoli ta' finanzjament Il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jagħmlu progress sinifikanti fis-simplifikazzjoni tar-regolamenti tal-finanzjament. L-iżbalji ħafna drabi jirriżultaw minn regoli kumplessi li ma jkunux mifhuma jew applikati korrettament. Is-simplifikazzjonijiet jimmiraw li jnaqqsu l-burokrazija żejda mingħajr ma jdgħajfu l-kontrolli finanzjarji. It-tibdiliet riċenti jinkludu miżuri biex ikun permess l-użu ta' ħlasijiet b'rati fissi u somom f'daqqa biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji. Il-Kummissjoni toffri wkoll taħriġ u gwida lill-awtoritajiet ta' tmexxija responsabbli għat-tmexxija tal-programmi tal-fondi strutturali. F'Ġunju, ġie organizzat seminar ewlieni fi Brussell u hemm żewġ sessjonijiet oħra ta' taħriġ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-verifika skedati għal din is-sena. Nota għall-edituri Il-politika ta' koeżjoni tal-UE għenet biex toħloq madwar 600 000 impjieg mill-2000 'l hawn. Il-politika se tinvesti €347 biljun bejn l-2007 u l-2013 fis-27 Stat Membru, somma li tirrappreżenta 35 % tal-baġit totali tal-Komunità għall-istess perjodu ((€975 billjun). Aktar informazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni Ewropea hija disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/regional_policy/index_en.htm http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=325&langId=en (European Social Fund)