IP/09/1596 Brussell, 28 ta’ Ottubru 2009 Internet tal-ġejjieni biex is-sistemi tal-Ewropa jsiru intelliġenti u effiċjenti: inqas konġestjoni, emissjonijiet aktar baxxi, kura tas-saħħa aqwa Fost l-oħrajn, l-Internet tal-Ġejjieni jista’ jirrendi toroq b’inqas konġestjoni, twassil aħjar u iktar effiċjenti tal-enerġija jew kura medika eċċellenti ġestita mid-dar. L-Internet ser jgħaqqad oġġetti fiżiċi bħal karozzi jew apparati mobbli mal-infrastrutturi (pereżempju sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku), sabiex ammonti kbar ta’ dejta jkunu jistgħu jintużaw verament fil-ħin reali biex itejbu l-proċess u l-effiċjenza tan-negozju tagħhom. Illum, il-Kummissjoni Ewropea żvelat strateġija biex tqiegħed lill-Ewropa fuq quddiem nett fl-iżvilupp ta’ infrastrutturi intelliġenti li jitmexxew bl-internet. Dan jirrikjedi li l-gvernijiet tal-Ewropa u s-settur Ewropew tal-ICT (it-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni) jisfruttaw id-domanda li qed tikber għal applikazzjonijiet innovattivi tal-internet biex l-infrastrutturi eżistenti bħal sistemi ta’ kura tas-saħħa, sistemi tal-enerġija jew tal-ġestjoni tat-traffiku jsiru ‘intelliġenti’. Il-Kummissjoni se tniedi partenarjat bejn awtoritajiet pubbliċi u atturi ewlenin tal-ICT għal dan il-għan, b’baġit ta’ € 300 miljun għall-2011-2013 iddedikati għal proġetti li jridu jintgħażlu fil-ġejjieni qrib, biex tikkumplimenta l-appoġġ annwali ta’ € 200 miljun għall-ICT għar-riċerka kontinwa għat-teknoloġija sottostanti tal-internet. "L-internet jista’ jgħin biex negħlbu l-isfidi tal-ġejjieni u huwa l-għodda ewlenija li biha l-ekonomija Ewropea tista’ toħroġ mill-kriżi. Applikazzjonijiet u teknoloġiji onlajn jistgħu jtejbu t-trasport fl-ibliet, li dalwaqt se jkunu jilqgħu 70 % tal-popolazzjoni dinjija. Dawn jistgħu u jridu jtejbu s-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija tagħna, għax il-konsum tal-elettriku se jkun irdoppja sal-2030. U b’popolazzjoni tal-UE dejjem tikber fl-età, l-internet jista’ jippermetti li sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna jsiru aktar effiċjenti u li tingħata kura lill-pazjenti mill-bogħod,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. "Huma l-Ewropa u l-impriżi tagħha li għandhom jaħtfu l-opportunità u jiżviluppaw dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet li jistgħu jtejbu ferm l-effiċjenza ekonomika u soċjali tal-proċessi ta’ kuljum." Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet strateġija għall-innovazzjoni tal-Internet fl-UE kollha li tgħaqqad gvernijiet u setturi industrijali differenti madwar l-Ewropa. L-istrateġija għandha l-għan li ttejjeb l-infrastrutturi ewlenin tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna billi tagħmilhom aktar kapaċi li jipproċessaw ammonti kbar ta’ dejta fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum. It-traffiku tad-dejta fuq l-internet bħalissa qiegħed jiżdied b'60 % kull sena. Billi l-internet jingħaqad ma’ biljuni ta’ sondi u apparati mobbli onlajn biex jipproduċi informazzjoni dejjem iżjed sofistikata, dawn l-infrastrutturi jeħtieġu jkunu ‘intelliġenti’ biżżejjed biex jużaw ammonti kbar ta’ dejta bħal dawn fil-ħin reali. Pereżempju, permezz ta’ teknoloġija tal-internet bħal sondi, tags intelliġenti ( smart tags ), u xi darba, is-sistema Galileo għan-navigazzjoni tas-satellita, il-konġestjonijiet fit-toroq, li jiswew lill-Ewropa €135 biljun fis-sena, jistgħu jitnaqqsu b’20 % u l-emissjonijiet bi 15 % aktar ( IP/08/1979 ). Il- pjan tal-lum għandu l-għan li jqiegħed lill-Ewropa fuq quddiem nett fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-internet għall-ġejjieni li huma meħtieġa biex l-infrastrutturi f’oqsma li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum, bħall-kura tas-saħħa, it-trasport u l-enerġija jsiru ‘aktar intelliġenti’. Dan għandu mhux biss isaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ICT iżda wkoll l-konsumaturi Ewropej ikunu minn tal-ewwel li jibbenefikaw minn applikazzjonijiet u servizzi ġodda. Diġà għaddejjin proġetti pilota ta’ sistemi intelliġenti f’reġjuni u f’ibliet madwar l-Ewropa. Pereżempju, Stokkolma investiet f’sistema intelliġenti tal-ġestjoni tat-traffiku ( smart traffic management system ) li tnaqqas il-ħin tal-ivjaġġar, ittejjeb it-trasport pubbliku u tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju. Bl-użu ta’ netwerks ta’ sondi u apparati mobbli (kważi) fil-ħin reali, tista’ tinġabar dejta kruċjali għall-ġestjoni ta' sistemi tal-enerġija u tat-trasport. Din l-informazzjoni, pereżempju tista' tintuża biex is-sistema tal-mobbilltà urbana tittejjeb kemm jista’ jkun. Dawn l-apparati bla wajer se jibbenefikaw ukoll mill-ispettru żejjed ipprovdut mid-dividend diġitali ( IP/09/1595 , MEMO/09/482 ) hekk kif jibdew jintużaw b’mod aktar mifrux. Illum, il-Kummissjoni ħeġġet il-gvernijiet u l-industrija biex jaħdmu flimkien sabiex ir-riċerka Ewropea tiffoka aktar fuq teknoloġiji tal-internet ewlenin u l-applikazzjoni bikrija tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Kummissjoni se tagħti spinta għall-bidu ta’ partenarjati privati-pubbliċi b’sejħa għall-proposti fl-2010. B’kollox € 300 miljun huma ppjanati għal din l-inizjattiva għall-perjodu 2011-2013 – ċifra li trid tintlaħaq mill-industrija. Il-Kummissjoni diġà qed tiffinanzja riċerka li tagħmel l-internet innifsu iżjed intelliġenti, b’investiment ta’ € 400 milljun f’aktar minn 90 proġett Ewropew fi ħdan il- programm tagħha ta’ riċerka fl-ICT , u € 200 miljun ieħor fis-sena għall-investiment mill-baġits tar-riċerka tal-2011-2013. Pereżempju, il-ħidma tal-proġett SENSEI biex jgħaqqad id-dinjiet reali u diġitali għall-ħolqien ta’ postijiet ‘intelliġenti’ kullimkien, bħal trażmissjoni ta’ messaġġi b’test lil gruppi li jużaw il-karozza bejniethom, meta jkun hemm xarabank qrib li tkun tista’ twassalhom fid-destinazzjoni tagħhom aktar malajr. Ambitu Il-Komunikazzjoni tal-lum tagħmel parti mit-tħejjijiet għal pjan Ewropew għall-innovazzjoni u għar-riċerka, li ntalab mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008. Jagħmel parti wkoll mit-tweġiba tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Aho sabiex ir-riċerka Ewropea fl-ICT tibda tħajjar aktar kapital ta’ riskju u taħdem aktar għall-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tagħha ( IP/08/1288 , MEMO/08/430 ). Din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinstab fuq is-sit tal-internet: http://ec.europa.eu/information_society/activities/foi/library