IP/09/1666 Brussell, 3 ta' Novembru 2009 Antitrust: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar abbozz ta' gwida għal skema ta' Debitu Dirett taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (Single European Payments Area - SEPA) Il-Kummissjoni Ewropea stiednet kummenti dwar dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni li l-għan tiegħu hu li jipprovdi gwida addizzjonali lil parteċipanti fl-iskema tad-Debitu Dirett tas-SEPA (SEPA Direct Debit - SDD) sabiex tiżgura li l-arranġamenti ta' finanzjament kollettivi applikati f'din l-iskema jkunu konformi mar-regoli ta' kompetizzjoni tat-Trattat tal-KE. L-iskema tal-SDD, imnedija mill-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti (European Payments Council - EPC) fit-2 ta' Novembru 2009, tippermetti lill-konsumaturi u negozji biex għall-ewwel darba jużaw sistema pan-Ewropea għat-tranżazzjonijiet transkonfinali ta' debitu dirett. Id-dokument ta' ħidma jikkumplimenta indikazzjonijiet fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni diġà mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali (ara IP/09/637 ) u fl-istqarrija għall-istampa konġunta u l-istqarrijiet ta' Settembru 2008 u Marzu 2009 tal-Kummissjoni/Bank Ċentrali Ewropew (ara IP/08/1290 u IP/09/468 ). Il-kummenti jistgħu jintbagħtu sal-14 ta' Diċembru 2009. Il-konsultazzjoni pubblika tirrifletti l-impenn tal-Kummissjoni biex tibqa' fi djalogu mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha. Wara dawn il-konsultazzjonijiet il-Kummissjoni tista', jekk ikun xieraq, tiddeċiedi li tadotta gwida finali. Il-Kummissarju għall-kompetizzjoni Neelie Kroes stqarret "Illum nipprovdu iktar ċarezza lill-partijiet interessati kollha sabiex id-Debitu Dirett tas-SEPA jkun mgħammar sew għall-iżvilupp b'suċċess tiegħu. Is-SEPA għandha ġġib benefiċċji reali lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej, iżda hu importanti li tkun konformi mar-regoli ta' kompetizzjoni biex b'hekk jintlaħqu l-benefiċċji kollha mingħajr ma jkun hemm effetti negattivi fuq il-konsumaturi tal-banek. Il-Kummissjoni qiegħda tistenna b'ħerqa il-kontribut mill-partijiet interessati biex tirfina l-analiżi tagħna". Id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni jiffoka fuq il-prinċipji ġenerali dwar l-arranġamenti tat-tariffa ta' skambju multilaterali ( multilateral interchange fee - MIF) applikati fuq bażi ta' kull tranżazzjoni u dwar tranżazzjonijiet li ma jistgħux jiġu eżegwiti b'mod sew (pereżempju minħabba li m'hemmx biżżejjed fondi fil-kont ta' min iħallas jew minħabba li n-numru tal-kont hu ħażin – l-hekk imsejħa tranżazzjonijiet "R") u arranġamenti alternattivi ta' pagament. Għandhom ikunu possibbli valutazzjonijiet iktar dettaljati wara l-kontribut mill-partijiet interessati dwar: Il-possibbiltà ta' mekkaniżmi ta' finanzjament kollettivi fid-dawl ta' sitwazzjonijiet tas-suq nazzjonali speċifiċi; l-impatt li x'aktarx se jkollu l-qafas ġenerali previst tal-Kummissjoni dwar skemi ta' wirt; u Il-prezz jew l-esperjenza ta' kwalità tal-SDD b'paragun mas-sistemi at twali nazzjonali ta' debitu dirett. Il-messaġġ ewlieni fid-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni hu li f'dan l-istadju l-fehma preliminari tal-Kummissjoni tibqa' li MIF għal kull tranżazzjoni stabbilita b'mod kollettiv mhux se tkun konformi mal-Artikolu 81. Madankollu, fil-prinċipju, jista' jkun hemm għanijiet ta' effiċjenza differenti għall-arranġament kollettiv għal tariffi multilaterali għat-tranżazzjonijiet R jekk ikunu mfassla b'mod xieraq. Tali effiċjenzi, jekk ikunu sostanzjati b'mod xieraq, jistgħu jippermettu lill-Kummissjoni biex issib sistema kollettiva għat-tranżazzjonijiet R li tkun konformi mal-Artikolu 81. Sfond Is- SEPA ( S ingle E uro P ayments A rea - iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro) hija inizjattiva tal-industrija bankarja Ewropea, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, li tfittex li toħloq żona ta' pagamenti bl-euro integrata u tiżgura li l-pagamenti transkonfinali huma faċli u effiċjenti daqs dawk domestiċi. Is-SEPA tkopri trasferimenti ta' kreditu, karti ta' pagamenti u debitu dirett. Bl-SDD il-ġdida, il-klijenti ta' banek u ta' fornituri oħra ta' servizz ta' pagamenti għall-ewwel darba se jkunu jistgħu jagħmlu arranġamenti għad-debiti diretti transkonfinali minn u għal kontijiet tal-bank f'kull wieħed mit-32 pajjiż Ewopew li qed jipparteċipa fis-SEPA (l-UE, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u Monako) biex iħallsu fatturi rikorrenti, bħal pereżempju kera, self ipotekat, kontijiet tal-elettriku u tat-telefown u sottoskrizzjonijiet ma' rivisti. L-SDD tista' tintuża wkoll sabiex jitħallsu debiti diretti nazzjonali, u maż-żmien id-debiti diretti tal-euro kollha x'aktarx se jkunu trasferiti lejn l-SDD il-ġdida. Peress li s-SEPA tinvolvi arranġamenti bejn (potenzjalment) partijiet li qed jikkompetu, arranġamenti finanzjarji kollettivi għall-SDD iridu jkunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat tal-KE. F'dan ir-rigward, ir- Regolament 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità ta perjodu ta' tranżizzjoni għall-mekkaniżmi ta' ħlasijiet interbankarji kollettivi fuq bażi ta' kull tranżazzjoni sal-31 ta' Ottubru 2012 (ara IP/09/637 ). Iċ-ċertezza u ċ-ċarezza legali pprovduti mir-Regolament 924/2009 matul il-perjodu ta' tranżizzjoni għandhom jiffaċilitaw t-tnedija u t-trasferiment mill-banek lejn is-sistema l-ġdida tal-SDD. Fir-rigward tal-arranġamenti finanzjarji fit-tul, l-istqarrija konġunta tal-Kummissjoni u tal-BĊE tal-24 ta' Marzu 2009 tagħmilha ċara li " tariffa ta' skambju multilaterali ġenerali għal kull tranżazzjoni ("MIF") għat-tranżazzjonijiet ta' debitu dirett ma tidhirx iġġustifikata għal raġunijiet ta' effiċjenza kemm għat-tranżazzjonijiet nazzjonali kif ukoll għal dawk transkonfinali u b'hekk ma tidhirx kumpatibbli mar-regoli tal-antitrust tal-UE “(ara IP/09/468 ). Għat-test sħiħ tad-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni, ara: http://ec.europa.eu/competition/sectors/financial_services/SEPA_working_document.pdf Id-data ta' għeluq għall-kontribuzzjonijiet hija l-14 ta' Diċembru 2009, qabel il-ħin ta' għeluq. Għal iktar tagħrif dwar is-SEPA, ara: http://ec.europa.eu/internal_market/payments/sepa/index_en.htm http://ec.europa.eu/competition/sectors/financial_services/banking.html