IP/09 /1685 Brussell, 9 ta’ Novembru 2009 L-UE tfakkar il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin, tirriproduċi l-effett domino Illum il-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, il-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvernijiet kif ukoll mijiet ta' eluf ta' ċittadini jingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw l-20 anniversarju mill-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin, ġrajja unika fl-istorja kontemporanja u mument importanti ħafna għall-integrazzjoni Ewropea. Il-President Barroso, li jipparteċipa fil-"Festival tal-Libertà" uffiċja li quddiem il-Bieb ta' Brandenburg f'Berlin illejla, qal: "Il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin tirrappreżenta mhux biss il-kollass tat-totalitarjaniżmu fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, imma wkoll simbolu impressjonanti tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja u tal-Ewropa kollha kemm hi. Id-9 ta’ Novembru 1989 kien mument fejn kollox deher possibbli, immarkat minn kuntentizza, xewqa għal-libertà u l-idea ta' rivoluzzjoni paċifika. Jum tassew storiku li fakkarni minn ħafna aspetti fir-rivoluzzjoni Portugiża tal-1974 li esperjenzajt bħala student ta' 18-il sena." "L-1989 kienet sena li bidlet l-Ewropa u l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin kienet l-iktar immaġni simbolika li tolqtok ta' żminijietna," qalet Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea inkarigata mir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Istrateġija tal-Komunikazzjoni. Bl-islogan "L-Ewropa Sħiħa u Libera" l-Kummissjoni Ewropea organizzat bosta azzjonijiet u avvenimenti fil-livell tal-UE matul is-sena biex tfakkar il-waqgħa tal-purtiera tal-ħadid. Illejla, mijiet ta' eluf ta' nies huma mistennija jinġabru f'Berlin sabiex jattendu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin. Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso se jkun fosthom u se jagħmel diskors qasir għall-pubbliku. Mument ċentrali tal-"Festival tal-Libertà" se jkun proġett artistiku li jirriproduċi l-effett domino tal-ġrajjiet tal-1989. Bl-organizzazzjoni mill-Belt ta' Berlin u bil-parteċipazzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f'Berlin, 1000 biċċa ġganteska tad-dominos li tpoġġew wara xulxin tul 1.2 km fuq fejn qabel kien hemm il-ħajt ta' Berlin minn Checkpoint Charlie sar-Reichstag se jitwaqqgħu hekk kif kien twaqqa' l-ħajt. Il-biċċiet simboliċi tad-dominos inżebgħu madwar id-dinja kollha, l-iktar minn tfal tal-iskola imma wkoll minn diversi personalitajiet pubbliċi fosthom il-President tal-Kummissjoni Barroso u l-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek li se jagħtu sehemhom biex jitwaqqgħu d-dominos f'Berlin. Għal aktar tagħrif : www.europa1989-2009.eu http://www.mauerfall09.de/en/home.html