IP/09/1686 Brussell, id-9 ta’ Novembru 2009 16% tal-Ewropej jirrapportaw li qed jesperjenzaw id-diskriminazzjoni - stħarriġ ta' opinjoni ġdid Madwar wieħed f’kull sitt min-nies fl-Ewropa jiddikjaraw li esperjenzaw id- diskriminazzjoni personalment fis-sena li għaddiet, skont stħarriġ ta' opinjoni ġdid rilaxxat mill-Kummissjoni Ewropea llum. Sadanittant, 64% tal-Ewropej jinsabu mħassba li r-riċessjoni se tikkontribwixxi għal iktar diskriminazzjoni tal-età fis-suq tax-xogħol. L-aħħar riżultati tal-Ewrobarometru waslu f’waqthom qabel is-Samit Ewropew tal-Ugwaljanza ta’ din is-sena, li għandu jsir fi Stokkolma fis-16 u 17 ta’ Novembru. “Id-diskriminazzjoni baqgħet problema madwar l-Ewropa u l-perċezzjonijiet tagħha huma stabbli f’mod wiesa’ meta mqabbla mas-sena li għaddiet,” qal il-Kummissarju tal-Opportunitajiet Indaqs, Vladimír Špidla. “Qasam ta’ tħassib huwa li qed jidher li se jkun hemm żieda fid-diskriminazzjoni tal-età bħala riżultat tar-riċessjoni. Dawn ir-riżultati juru li minkejja l-progress, għad baqa’ triq twila qabel ma naslu biex inġibu lin-nies konxji tad-drittijiet tagħhom għal trattament ugwali, partikolarment fil-livell nazzjonali u niżguraw li l-ugwaljanza ma tibqax frażi vojta iżda issir realtà,” żied jgħid il-Kummissarju. L-esperjenza personali tad-diskriminazzjoni skont dawk li wieġbu, baqgħet il-biċċa l-kbira l-istess mill-aħħar stħarriġ li sar is-sena li għaddiet, bl-età tingħata bħala l-iktar raġuni komuni (6% ta’ dawk li wieġbu). Kollox ma' kollox, fl-2009, 16% tal-Ewropej irrapportaw li esperjenzaw id-diskriminazzjoni (fuq il-bażi ta’ razza, reliġjon, età, diżabilità, jew orjentazzjoni sesswali), l-istess bħal fl-2008. Madankollu, kien hemm żieda qawwija fid-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età u d-diżabilità. Tmienja u ħamsin fil-mija tal-Ewropej iqisu li d-diskriminazzjoni tal-età hija mifruxa sew f’pajjjiżhom, meta mqabbla mat-42% fl-2008, filwaqt li 53% ddikjaraw diskriminazzjoni minħabba f’diżabilità (45% fl-2008). Hemm ukoll rabta ċara mal-qagħda ekonomika kurrenti, b'64% tan-nies li qed jistennew li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku se jwassal għal iktar diskriminazzjoni tal-età fis-suq tax-xogħol. Dan jista’ jirrifletti ż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ f'bosta pajjiżi tal-UE bħala riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u jista' jirrifletti wkoll għarfien li kull ma jmur dejjem jikber ta’ dawn it-tipi ta' diskriminazzjoni. Kollox ma' kollox, wieħed minn kull tliet Ewropej huma konxji mid-drittijiet tagħhom fil-każ li jsiru vittmi ta’ diskriminazzjoni jew intimidazzjoni. Madankollu, din iċ-ċifra tostor differenzi konsiderevoli fil-livell nazzjonali. L-għarfien żdied mill-aħħar stħarriġ fl-2008 fir-Renju Unit (+8 punti), Franza (+7), l-Irlanda u l-Iżvezja (kull wieħed +6), iżda naqas fil-Polonja (-12) u fil-Portugall (-11). Iż-żieda fl-għarfien pubbliku huwa proċess fit-tul li jeħtieġ sforzi konġunti fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali, inklużi atturi importanti bħall-Entitajiet Nazzjonali tal-Ugwaljanza. Il-Kummissjoni Ewropea qed issegwi sforzi f’dan il-qasam permezz tal-kampanja pan-Ewropea ta’ informazzjoni “Favur id-Diversità. Kontra d-Diskriminazzjoni”, billi jiġu ffinanzjati proġetti nazzjonali li jżidu l-għarfien permezz tal-programm PROGRESS, u preċedentement permezz tas-Sena Ewropea għal Opportunitajiet Indaqs 2007. Fit- termini ta’ rapportaġġ ta' każijiet ta’ diskriminazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej l-ewwel ma jikkuntattjaw huma l-pulizija (55%), filwaqt li 35% jikkuntattjaw lill-entità ta' ugwaljanza tagħhom u 27% lil xi trejdjunjin. Il-fiduċja fid-diversi organizzazzjonijiet li jittrattaw il-kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni tvarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor. Id-dejta tal-istħarriġ tqawwi l-qlub għax titfa' d-dawl fuq l-mekkaniżmi soċjali li bihom tista’ tinstab soluzzjoni għad-diskriminazzjoni. Ir-rapport juri li ċ-ċrieki soċjali, l-edukazzjoni u l-isforzi biex jiżdied l-għarfien qed jikkontribwixxu għal aċċettanza aħjar tad-diversità. L-isforzi u l-politiki li jfittxu li jittrattaw din ir-realtà bla dubju se jikkontribwixxu iktar biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jippromwovu d-diversità. Sfond Fis-16-17 ta’ Novembru 2009, il-Presidenza Żvediża tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea se jorganizzaw it-tielet Samit tal-UE dwar l-Ugwaljanza fi Stokkolma. Dan l-avveniment annwali jimmira li jixpruna l-kwistjonijiet tad-diskriminazzjoni u d-diversità sal-quċċata tal-aġendi tal-UE u tal-gvernijiet nazzjonali, u biex jaqsam l-għarfien u l-esperjenzi sabiex jiġu żviluppati mezzi iktar effettivi biex jiġġieldu kontra kull tip ta' diskriminazzjoni. Dan huwa it-tielet f’serje ta’ stħarriġiet speċjali tal-Eurobarometru dwar id-diskriminazzjoni fl-Ewropa u jimmira li jsegwi kif inbiddlu l-opinjonijiet u l-perċezzjonijiet fis-snin riċenti. Dan l-aħħar stħarriġ sar bejn id-29 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ġunju 2009, b’kampjun ta’ 26 756 persuna li ġew intervistati fi 30 pajjiż Ewropew (is-27 Stat Membru tal-UE u t-tliet pajjiżi kandidati). Din id-darba, żdiedu xi mistoqsijiet fuq l-impatt tar-riċessjoni fuq il-livell ta’ diskriminazzjoni. Barra minn hekk, u għall-ewwel darba, l-istħarriġ kopra wkoll it-tliet Pajjiżi Kandidati: il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (FYROM) u t-Turkija. L-istħarriġiet preċendenti twettqu f'Settembru 2006 u 2008. Aktar tagħrif MEMO/09/495 Stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar id-diskrinimazzjoni – sommarju, rapport u ‘factsheets’ nazzjonali. http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm It-tielet Samit dwar l-Ugwaljanza – Nikkooperaw għall-ugwaljanza http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=88&langId=en&eventsId=220&furtherEvents=yes Nittrattaw id-diskriminazzjoni http://ec.europa.eu/antidiscrimination www.stop-discrimination.info Inkiteb fin-newsletter bl-e-mail mingħajr ħlas tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs http://ec.europa.eu/social/e-newsletter