IP/09/1688 Brussell, l-10 ta' Novembru 2009 Stqarrija ta’ Paweł Samecki, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, dwar ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Ninsab ferm kuntent li r-rapport tal-lum tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-kontijiet tal-2008 juri li qed niksbu riżultati pożittivi u li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Ikklikkja hawn għal verżjoni mxandra tal-istqarrija (bl-EN biss) Il-Kummissjoni qed tistinka biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jnaqqsu r-rata ta' żbalji fi proġetti kkofinanzjati mill-Unjoni Ewropea. L-isforzi konġunti tagħha qed iħallu l-frott, iżda, naturalment nistgħu nagħmlu iktar u se nagħmlu iktar. Il-metodoloġija tagħna hija waħda stretta, iżda hija wkoll ġusta u bilanċjata. Is-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea nediet pjan ta’ azzjoni b'37 punt, bil-għan li titnaqqas ir-rata ta' żbalji fuq medda medja ta' żmien. Il-pjan tagħna, li komplejna nimplimentawh fl-2009, għandu strateġija fuq żewġ binarji: Li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu assistiti ħalli jiċċekkjaw aħjar l-eliġibbiltà tan-nefqa ta' proġett qabel ma jippreżentaw talbiet għal pagamenti lill-Kummissjoni Ewropea; kif ukoll Li jittieħdu miżuri iktar ħorox u mgħaġġla biex jitwaqqfu l-ħlasijiet jew biex jinġabru lura l-flus jekk l-Istati Membri ma jżommux l-istandards. Għandna r-responsabbilità konġunta li namministraw il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, li niżguraw li l-kontrolli finanzjarji fis-seħħ fl-Istati Membri jkunu effettivi u li nirkupraw kwalunkwe fondi li ma kellhomx jintalbu. Fi kliem ieħor, il-pjan ta’ azzjoni tagħna jirrigwarda l-ħarsien tal-flus maħruġa minn dawk li jħallsu t-taxxa fl-UE. S’issa, din is-sena, ġbarna lura €629 miljun fi ħlasijiet li ntalbu b’mod skorrett. Nistmaw li se nirkupraw nofs biljun ewro ieħor sa tmiem l-2009. Dan minbarra il-€1.5 biljun f'korrezzjonijiet li wettaqna fl-2008. Dawn l-irkupri, jew korrezzjonijiet finanzjarji kif jissejħu, juru li l-Kummissjoni hija impenjata li tieħu azzjoni dwar żbalji serji. Ir-rapport tal-lum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jistima li 11 % tal-fondi trasferiti lill-Istati Membri għal proġetti tal-politika ta' koeżjoni mhux suppost intalbu jew tħallsu. Din ir-rata ta’ żbalji hija għolja wisq. Imma wieħed ma jridx jaħseb li rata ta’ żball ta’ 11 % tfisser li ma nafux x’sar minn 11 % tal-baġit ta’ koeżjoni tal-UE jew li dawk il-flus għebu f’xi bir bla qiegħ. F'kull każ ta’ żbalji li jirriżulta fi ħlasijiet skorretti, il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tirkupra l-fondi – anki jekk dan jieħu żmienu. M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna rridu li r-rata ta’ żball tittaffa kemm jista’ jkun malajr. Ninsab kunfidenti li dan iseħħ hekk kif il-miżuri li qed nimplimentaw jidħlu bis-sħiħ fis-seħħ. Iżda l-iżbalji jridu jiġu analizzati fil-kuntest proprju tagħhom. Huwa importanti li ma nintilfux fid-dettall a skapitu tal-istampa ġenerali. Il-flus li ninvestu permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jwasslu għal differenza pożittiva f’ħajjet in-nies, differenza li, jekk xejn, saret iktar importanti minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-flus imorru fejn huma l-aktar meħtieġa - fl-ekonomija reali. Il-politika ta' koeżjoni tal-UE għenet biex toħloq madwar 600,000 impjieg mis-sena 2000 'l hawn; din tittrasforma l-ekonomiji reġjonali u nazzjonali, billi tinvesti fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, fit-titjib ambjentali, fin-negozji ż-żgħar u f’ħiliet in-nies. Mill-2000 ’il hawn, il-politika kkofinanzjat mal-100,000 kilometru ta’ toroq u motorways ġodda jew li ġew żviluppati mill-ġdid, 4,000 kilometru ta' linji ġodda tal-ferrovija, u mmodernizzat 130 port u mat-30 ajruport. Dan l-investiment jikkontribwixxi sabiex jagħmel l-Ewropa iktar kompetittiva fis-suq dinji u sabiex iwassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul ta' żmien. Ir-regoli tal-finanzjament li għandna fis-seħħ huma sensibbli u proporzjonati. Dawn jilħqu l-bilanċ bejn l-aqwa kontrolli possibbli u l-assikurazzjoni li nwasslu l-aqwa valur għall-flus f’dawk li huma benefiċċji miksuba. Huwa veru li xi problemi li nħabbtu wiċċna magħhom ifeġġu minħabba regoli li ma jinftehmux sew jew li ma jiġux applikati kif suppost. Minħabba f’hekk inkomplu nikkonċentraw fuq is-simplifikazzjoni tar-regolamenti u t-tnaqqis tal-burokrazija żejda. Nistmaw li dawk is-simplifikazzjonijiet għenu biex inaqqsu l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji b'aktar minn 20 % mill-2007 'l hawn. Ngħidu aħna, dan l-aħħar emendajna r-regoli tagħna biex nippermettu l-użu ta’ pagamenti b’rata fissa u somom f’salt, u m’aħniex se nieqfu hemm. Fl-aħħar nett, nixtieq nindirizza punt li spiss jinftiehem ħażin: il-kelma żball ma tfissirx frodi . Meta l-awdituri tal-Qorti u tal-Kummissjoni jitħaddtu dwar żbalji, huma jfissru nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet biex wieħed jingħata finanzjament mill-UE. Il-frodi jmorru 'l hinn minn nuqqas ta' konformità; frodi jfissru qerq apposta jew kriminali. Skont l-OLAF, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, il-frodi suspettati jaffettwaw anqas minn 0.2 % tal-pagamenti kollha għall-politika ta' koeżjoni magħmula mill-Kummissjoni fis-snin mill-2000 sal-2008. Fi kliem ieħor: 99.8 % tal-flus imħallsa mill-baġit tal-UE skont il-politika ta’ koeżjoni ma kellhomx involviment ta' frodi. Flus l-UE huma flusek u tista' sserraħ rasek li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li sal-anqas ewro jiġi mħares u minfuq sew. Grazzi.