IP/09/1690 Brussell, l-10 ta' Novembru 2009 Opinjoni pożittiva dwar il-kontijiet tal-UE – determinazzjoni qawwija dwar l-isfidi li fadal Għat-tieni sena konsekuttiva, il-kontijiet annwali tal-UE rċevew opinjoni pożittiva mill-awdituri esterni. F'dak li jirrigwarda l-ħlasijiet, sa mill-2004 l-ammonti b''karta ħamra' mill-awdituri tnaqqsu bin-nofs grazzi għal titjib sinifikanti fil-ġestjoni finanzjarja tal-UE. 'Nirringrazzja lill-Qorti tal-Awdituri għar-rapport tagħha li jikkorrobora li l-isforzi tagħna qed jagħtu l-frott', qal Siim Kallas, il-viċi-president tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-amministrazzjoni, il-verifika u l-miżuri ta' kontra l-frodi. 'Il-kontijiet tagħna diġà huma kompletament affidabbli, wara riforma li rnexxiet tas-sistema tal-kontijiet tagħna. Jien sodisfatt ħafna li għandna opinjoni globalment pożittiva dwar il-ħlasijiet taħt il-politika agrikola, l-aktar grazzi għar-riformi riċenti tal-KAP li ssimplifikaw l-affarijiet ħafna għall-bdiewa u għall-amministrazzjonijiet. F'dak li jirrigwarda l-iżbalji fil-ħlasijiet magħmula lir-reġjuni tal-UE mill-istati membri, m'aħniex se nittolleraw laxkezza f'dan il-qasam: il-Kummissjoni Ewropea se tieħu lura l-flus kull darba li l-amministrazzjonijiet nazzjonali ma jirnexxilhomx jonfquhom b'mod korrett.' Opinjoni pożittiva dwar is-sussidji agrikoli L-istampa globali hi pożittiva ħafna. Instab li l-kontijiet huma 'veri u ġusti', li jfisser opinjoni pożittiva. F'dak li jirrigwarda l-infiq, il-Kummissjoni rnexxielha tnaqqas bin-nofs l-infiq 'aħmar' minn aktar minn 60% tal-infiq totali fl-2004 għal madwar 30% s-sena li għaddiet: Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED Estimu tar-riskju ta' żbalji fl-infiq tal-UE Sa 70% tal-baġit tal-UE issa għandu riskju baxx ta' żbalji (l-impatt finanzjarju tagħhom huwa stmat li huwa ta' 5% jew anqas); il-bqija huma ħlasijiet taħt il-politika ta' koeżjoni magħmula mill-istati membri, fejn iż-żieda fl-irkupru tal-flus effettivament tnaqqas ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE. Globalment, l-Agrikoltura ngħatat opinjoni pożittiva mill-awdituri. Żieda ta' erba' darbiet fl-irkupri L-awdituri jqisu li mill-anqas 11% tal-ħlasijiet magħmula mill-istati membri f'isem l-UE għall-proġetti reġjonali u tal-impjiegi taħt il-politika ta' koeżjoni fl-2008 ma kellhomx jiġu rimborsati. Għalkemm bosta minn dawn l-iżbalji kienu jirrigwardaw applikazzjoni mhux korretta tal-proċeduri finanzjarji tal-UE u ma jimplikawx falliment ta' proġetti jew ħela ta' fondi, il-Kummissjoni qed tieħu t-twissija tal-awdituri bis-serjetà ħafna u hija determinata li tirkupra mingħand l-istati membri l-ħlasijiet kollha li ma kinux korretti. Fl-2008, tnedew proċeduri ta' rkupru għal total ta' EUR 2.9 biljun fl-oqsma ta' politika kollha. Għall-ħlasijiet ta' koeżjoni biss, l-irkupru mitlub mill-Kummissjoni u l-istati membri żdied b'erba' darbiet meta mqabbel mal-2007, u laħaq il- EUR 1.6 biljun ; huwa mistenni li EUR 1.1 biljun oħra jiġu rkuprati sa tmiem l-2009. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tissospendi l-ħlasijiet sakemm jittieħdu azzjonijiet korrettivi mill-istati membri: ittieħdu total ta' 15-il deċiżjoni ta' sospensjoni tal-ħlasijiet matul is-sentejn li għaddw, u qed jitħejjew proċeduri ta' sospensjoni li jkopru 28 programm. Miżuri preventivi Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma tal-Qorti li bosta mill-iżbalji jirriżultaw mill-kumplessità tar-regoli. Għaldaqstant, fuq in-naħa tal-prevezjoni, il-Kummissjoni qed iżżid l-isforzi tagħha sabiex tagħti linji gwida lill-istati membri f'oqsma li fihom hemm tendenza li jsiru l-iżbalji u xxerred il-prattiċi tajba ta' kontroll. Proċeduri finanzjarji simplifikati (pereżempju użu aktar wiesa' ta' ħlasijiet b'rata fissa fil-proġetti tar-riċerka), li diġà japplikaw għall-programmi l-ġodda (2007-13), huma mistennija li jkomplu jnaqqsu r-riskju ta' żbalji. Minbarra dan, bħalissa hija miftuħa konsultazzjoni pubblika dwar kif għandhom jiġu mtejba l-proċeduri finanzjarji tal-UE. Għal aktar tagħrif: 1) Kun af il-fatti! L-Infiq tal-UE – Fatti u ħrejjef: http://ec.europa.eu/budget/sound_fin_mgt/myths_en.htm 2) Press pack: http://europa.eu/press_room/press_packs/auditors/index_en.htm