IP/09/1717 Brussell, is-16 ta’ Novembru 2009 Forum dwar il-Governanza tal-Internet: Il-Kummissjoni tilqa' pass ewlieni lejn internet tassew globali Illum, fil-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) f'Sharm El Sheikh (l-Eġittu), il-Kummissjoni Ewropea laqgħet pass ewlieni lejn internet tassew globali (u lokali): id-dikjarazzjoni li "l-Ismijiet Internazzjonalizzati tad-Domains " se jiġu introdotti fl-ogħla livell. Sa issa, l-ismijiet tad-domains tal-internet kienu kompletament jew parzjalment miktuba bl-alfabet Latin "a-z". L-ICANN (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers), li tamministra d-direttorju ċentrali tal-internet, ħabbret li llum se jiġi varat proċess b'ritmu mgħaġġel sabiex tiftaħ id-domains tal-ogħla livell bil-kodiċijiet tal-pajjiżi (bħal ".eu" ta' europa.eu) għall-karattri li mhumiex fl-alfabet Latin. Dan ifisser li l-Ewropej, speċjalment fil-Greċja, fil-Bulgarija u f'Ċipru, se jkunu jistgħu jaraw l-ismijiet tad-domains fl-alfabet tagħhom stess. Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għat-telekomunikazzjoni u l-internet, ħabbret dan l-iżvilupp multilingwali ewlieni. Hi appellat ukoll biex jiġi estiż il-qafas ta' żmien tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet – pjattaforma unika ta' djalogu bejn diversi partijiet interessati għall-komunità tal-internet globali. "Id-dinja onlajn għandha tirrifletti d-dinja multikulturali u multilingwistika offline. Għalhekk l-internet ma għandux ikun biss bl-Ingliż, iżda wkoll bl-Għarbi, bil-Bulgaru, bil-Grieg, bil-Farsi, bil-Ħindi, u biċ-Ċiniż. Nilqa’ b’sodisfazzjon il-passi tal-ICANN biex l-ismijiet tad-domains jibqgħu jinfetħu għal alfabeti differenti. Il-Kummissjoni ilha tappella għal ħafna snin biex dan jitwettaq," stqarret il-Kummissarju Reding. "Fl-Ewropa, diġà qegħdin 'il quddiem sew fil-pjanijiet tagħna biex ikun possibbli li l-ismijiet li jaqgħu taħt dot.eu jkunu jistgħu jużaw ittri Griegi u Ċirilliċi qabel tmiem is-sena u qed nistinkaw biex ikollna verżjonijiet tad-dot.eu bl-alfabet Grieg u Ċirilliku fl-ogħla livell malajr kemm jista' jkun". Id-deċiżjoni tal-ICANN se tippermetti l-utenti tal-internet li jirreġistraw u jużaw l-ismijiet tad-domains tal-internet (bħal europa.eu) b'ittri li mhumiex fl-alfabet Ingliż (a-z u 0-9). L-ismijiet tad-domains tal-internet f'alfabet mhux Latin (bħall-Għarbi, iċ-Ċiniż jew iċ-Ċirilliku) qed jintużaw diġà fit-tieni livell tal-indirizzi tal-internet (bħall-"europa" f'europa.eu) iżda sa issa kien impossibbli li jkun hemm ismijiet internazzjonalizzati b'mod sħiħ. Id-dikjarazzjoni tal-ICANN li se jibdew jilqgħu applikazzjonijiet għal Domains tal-Ogħla Livell bil-kodiċijiet tal-pajjiżi (bħal .bg, jew .eu) bl- ittri tal-alfabet tal-lingwa lokali potenzjalment jippermetti miljuni ta' aktar utenti tal-internet madwar id-dinja li jidħlu onlajn bil-lingwa tagħhom stess. F'Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea bidlet ir-regoli dwar l-ismijiet tad-domains tal-internet sabiex il-karattri tat-23 lingwa uffiċċjali tal-UE jkunu jistgħu jintużaw IP/09/1044) . Mill-10 ta' Diċembru 2009 se jkun possibbli li jiġu reġistrati ismijiet li jaqgħu taħt ".eu" li jużaw ittri bħal "à", "ą", "ä", "ψ" jew "д". Iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej se jkunu jistgħu jirreġistraw ismijiet tad-domain bl-ittri li ma jinstabux fl-alfabet Latin, li hi ħaġa essenzjali għal lingwi bħall-Grieg u l-Bulgaru. Apparti minn hekk, dawk li jitkellmu bl-Ispanol u bil-Bask jistgħu jirreġistraw ismijiet b' "ñ" filwaqt li dawk li jitkellmu bil-Franċiż, bil-Portugiż u bil-Katalan jistgħu jużaw "ç". L-UE se tintroduċi wkoll ismijiet tad-domains internazzjonalizzati fuq id-Domains tal-Ogħla Livell tagħna stess – dot.eu – mill-aktar fis. .eu diġà għandu aktar minn 3 miljun isem ta' domains irreġistrat bl-alfabet l-aktar komuni bbażat fuq il-Latin ( IP/09/536 ) L-UE tappella biex jiġi estiż il-Forum dwar il-Governanza tal-Internet Il-Forum dwar il-Governanza tal-Internet inħoloq fis-Samit Dinji 2003-2005 dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni, u jipprovdi pjattaforma unika ta' diversi partijiet interessati li fiha jistgħu jiltaqgħu l-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ importanza kbira relatati mal-governanza tal-internet. Hu tfassal bħala proċess newtrali, mhux vinkolanti u mhux duplikattiv. L-ewwel IGF sar fl-2006 f'Ateni, segwit minn laqgħat f'Rio de Janeiro (2007) u Hyderebad (2008). Ir-raba' laqgħa qed isseħħ bħalissa f'Sharm El Sheikh, l-Eġittu. Il-qafas ta' żmien oriġinali tiegħu ta’ ħames snin se jiskadi mal-ħames laqgħa f'Vilnius, il-Litwanja, is-sena d-dieħla. Qabel dak iż-żmien, il-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti se jikkunsidraw il-ħtieġa għal estensjoni tal-qafas ta' żmien oriġinali. "Qabel il-laqgħa li jmiss se jkun hemm diskussjonijiet dwar jekk l-IGF għandux ikompli jiltaqa' wara l-2010. Għalija t-tweġiba hija faċli: l-IGF għandu jibqa'" stqarret il-Kummissarju tal-UE Viviane Reding. Sfond Sabiex it-traffiku fuq l-internet jasal fid-destinazzjoni, l-ismijiet u l-indirizzi tad-domains huma essenzjali. L-organizzazzjoni responsabbli mid-definizzjoni tal-politiki għall-koordinazzjoni globali tad-Domain Name System (DNS) hija l-ICANN, korporazzjoni Amerikana fis-settur privat u mingħajr skop ta' profitt, ibbażata f'Kalifornja. Mill-ħolqien tagħha fl-1988, l-ICANN operat skont serje ta' Memoranda ta' Ftehim mal-gvern Amerikan li speċifikaw l-għanijiet tagħha fir-rigward tat-tfassil tal-politika għad-DNS. L-aktar Memorandum ta' Ftehim riċenti skada fit-30 ta' Settembru 2009. Ġiet stabbilita dikjarazzjoni tal-impenni bejn l-Istati Uniti u l-ICANN. F'Ġunju 2009, il-Kummissjoni talbet lill-ICANN biex ittejjeb ir-responsabbiltà tagħha u qalet li għandu jkun hemm parteċipazzjoni akbar minn atturi mhux Amerikani fit-tmexxija tagħha( IP/09/951 ). Fl-aħħar ta' Settembru l-Istati Uniti ħabbret li se ssir riforma tal-ICANN. Il-Kummissjoni laqgħat l-arranġament il-ġdid fil-prinċipju ( IP/09/1397 ). L-ICANN kienet impenjata bl-Ismijiet tad-Domain Internazzjonalizzati fl-ogħla livell u ħabbret li se tvara l-IDN tad-Domains tal-Ogħla Livell bil-kodiċijiet tal-pajjiżi fis-16 ta' Novembru 2009. Dwar id-domaintal-internet Ewropew .eu: http://ec.europa.eu/information_society/policy/doteu/ Dwar il-governanza tal-internet: http://ec.europa.eu/information_society/policy/internet_gov/index_en.htm Il-websajt tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet: http://www.intgovforum.org SPEECH/09/531