IP/09/1731 Brussell, it-18 ta’ Novembru 2009 Minkejja kollox, l-internet bil-broadband ikompli jikber fl-UE B’iktar minn 11-il miljun linja fissa ġdida f’sena, l-użu tal-internet bil-broadband ikompli jikber fl-Ewropa. Skont rapport ippubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea, 24 % tal-popolazzjoni tal-UE kellhom abbonament għall-aċċess għal linja tal-broadband f’Lulju 2009, perċentwal li tela’ minn 21.6 % f’Lulju 2008. Ir-rapport juri wkoll li l-broadband mobbli qed jirranka fl-Ewropa, b’żieda ta’ 54 % minn Jannar u issa b’rata ta’ penetrazzjoni ta’ 4.2 % għal kull 100 ċittadin. L-aħħar u mhux l-inqas, il-konnessjonijiet tal-internet bil-broadband fl-Ewropa qed isiru dejjem aktar veloċi. 80 % tal-linji tal-broadband fl-UE issa għandhom veloċitajiet ta’ tniżżil tad-dejta ta’ 2 megabits fis-sekonda (Mbps) jew iktar (li jippermetti l-użu tal-Web 2.0 u l-istreaming ta' filmati), li huma 5 % ogħla mis-sena l-oħra. "Minkejja it-tnaqqis fil-pass ekonomiku, l-Ewropa jkompli jkollha suq tal-broadband dinamiku ħafna. Il-kompetizzjoni miżjuda qed twassal għal servizzi aħjar, u llum il-ġurnata l-konsumaturi jqisu l-aċċess tagħhom għall-internet bil-broadband bħala parti essenzjali mill-ħajja," qalet il-Kummissarju tal-UE għal-Telekomunikazzjoni, Viviane Reding. "Dan huwa punt tat-tluq tajjeb għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Is-swieq vibranti tal-broadband b’veloċità għolja f’suq kompetittiv waħdieni tat-telekomunikazjoni huma prijotità strateġika fl-Aġenda Diġitali Ewropea li attwalment qed tiġi mħejjija fil-Kummissjoni. L-internet bil-broadband b’veloċità għolja, kemm jekk ikun b’netwerks bil-fibri kif ukoll mingħajr wajers, huwa prekundizzjoni għal ekonomija diġitali fl-Ewropa u għat-tmexxija Ewropea fit-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet il-ġodda. Wara li fil-5 ta’ Novembru l-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar qafas regolatorju ġdid u favur il-kompetizzjoni għas-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-Ewropa ( MEMO/09/491 ), jiena nistenna li t-triq għall-firxa tal-internet b’veloċità għolja issa se tissaħħaħ madwar l-Istati Membri kollha tal-UE. Huwa ċar li l-Ewropa hija lesta biex l-għaxar snin li jmiss ikunu kompletament diġitali." Iċ-ċifri l-ġodda li ġew ippubblikati llum mill-Kummissjoni juru li fis-sena li għaddiet, l-għadd ta’ linji tal-broadband kompla jikber madwar l-UE b’10.7 % bħala medja (bejn Lulju 2008 u Lulju 2009, minkejja l-ambjent ekonomiku negattiv. Fl-1 ta’ Lulju 2009, kien hemm madwar 120 miljun linja fissa tal-broadband fl-UE, li minnhom 11.5-il miljun linja żdiedu minn Lulju 2008 ’l hawn. Id-Danimarka u l-Olanda jibqgħu l-mexxejja dinjin fl-użu tal-broadband, b’madwar 40 % tal-popolazzjoni li għandhom konnessjoni tal-broadband, iżda r-rati tat-tkabbir qed inaqqsu l-pass minħabba li qed jilħqu l-livell ta’ saturazzjoni. Disa’ pajjiżi tal-UE ( id-Danimarka 37.3 %, l-Olanda 36.2 %, l-Iżvezja 31.3 %, il-Finlandja 30.7 %, il-Lussemburgu 28.8 %, ir-Renju Unit 28.4 %, Franza 27.7 %, il-Ġermanja 27.5 % u issa wkoll il-Belġju 27.5 % ) qabżu r-riżultati tal-Istati Uniti, fejn il-livell tal-użu tal-broadband huwa 25.8 % u qed inaqqas il-pass skont l-istatistika tal- OECD għal Mejju 2009 . Fl-2009, il-Lussemburgu (+18.3 %) u l-Portugall (+11.7 %) esperjenzaw tkabbir iktar mgħaġġel mill-2008. Is-sehem medju tas-suq tal-operaturi tat-telekomunikazzjoni responsabbli fl-UE huwa stabbli b’madwar 45% (l-ogħla bi 80 % f’Ċipru, 67 % fil-Lussemburgu u l-Finlandja u l-iktar baxx b’27 % fir-Renju Unit). Madankollu, il-kontroll meħtieġ fuq is-swieq tal-broadband (inkluż il-bejgħ mill-ġdid tal-linji mibjugħa bl-ingrossa) huwa strutturalment fit-triq għan-niżla, għall-benefiċċju tal-kompetizzjoni ta’ bażi tal-infrastruttura (bażikament permezz tal-ftuħ tal-infrastrutturi lokali tas-servizz li jippermetti aċċess għan-netwerk minn partijiet terzi). Infrastrutturi lokali miftuħa u l-linji ta’ aċċess maqsuma jirrappreżentaw 71.4 % tal-Linji Diġitali tal-Abbonat (DSL), jiġifieri żieda minn 65.2 % sena ilu. It-tkabbir fl-għadd ta’ infrastrutturi lokali miftuħa, għalkemm huwa iktar bil-mod mis-sena li għaddiet, iseħħ għas-spejjeż tal-bejgħ mill-ġdid, tip ta' aċċess b'investiment baxx għal membri ġodda, li minn 18.2 % fl-2008 naqas għal 10.6 % tal-linji tad-DSL. Atturi ġodda fil-qasam tat-telekomunikazzjoni dehru li nvestew b’mod progressiv u li kkontribwixxew biex jinħoloq suq tal-broadband iktar kompetittiv. Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-lum juri wkoll li ċ-ċittadini tal-UE qed igawdu minn veloċitajiet ogħla u broadband ta’ kwalità aħjar minn sena ilu. 80 % tal-linji tal-broadband fl-UE joffru veloċitajiet ’il fuq minn 2 Mbps (75 % sena ilu), veloċità mgħaġġla biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jara streaming ta' filmati onlajn, u iktar minn 15 % ’l fuq minn 10 Mbps (sa 10 % minn Jannar 2009). Veloċitajiet ogħla tat-trażmissjoni tad-dejta ġeneralment jipprovdu lill-konsumaturi iktar għażla, u waħda ta’ kwalità aħjar, bi prezz orħos għal kull megabit. F’termini tat-teknoloġija , il-Linja Diġitali tal-Abbonat (DSL) tibqa’ l-iktar teknoloġija b’aċċess tal-broadband mifruxa fl-Ewropa b’94 miljun linja. Is-settur tal-fibre-to-the-home kiber b’40 % bejn Lulju 2008 u Lulju 2009, imma bħalissa jirrappreżenta biss 1.75 % tal-linji totali fl-Ewropa għax jinsab biss fi ftit pajjiżi: Il-Latvja għandha l-ikbar sehem tal-linji tal-fibra mill-għadd totali tal-linji tal-broadband, segwiti mill- Iżvezja li għandha l-ikbar għadd ta’ linji tal-fibra. L-aċċess tal-broadband ibbażat fuq it-teknoloġiji mobbli (li tipikament jippermettu internet mobbli mil-laptops) qed jieħu spinta b’mod partikolari fl- Awstrija (13.8 %), fl-Iżvezja (12.6 %), fil-Portugall (10.8 %) u fl-Irlanda (8.3 %). Il-penetrazzjoni attwali tal-broadband mobbli fl-Ewropa tinsab f’4.2 %, żieda ta’ 54 % minn Jannar 2009 ’l hawn. L-isfond Id-disponibbiltà tal-broadband hija indikatur ewlieni tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ( IP/08/1422 ). Darbtejn fis-sena, il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-iżvilupp tas-swieq tal-broadband fl-UE permezz ta' dejta vvalidata mill-Istati Membri ( IP/08/1831 ). Ir-rapport huwa disponibbli fil-websajt: http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/benchmarking/index_en.htm Annex Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED