IP/09/ 1781 Brussell, l-20 ta’ Novembru 2009 Simplifikazzjoni tal-PAK: Il-Kummisjoni tadotta proġetti ta' aktar simplifikazzjoni Illum, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea ħareġ rapport bir-reazzjonijiet għad-39 suġġeriment għas-simplifikazzjoni li f'April l-Istati Membri ressqu flimkien lill-Kummissjoni. Id-dokument ta' ħidma jipprovdi informazzjoni dwar l-eżitu tal-proċess ta' evalwazzjoni u rendikont tal-progress li sar minn Marzu 2009. Ir-rapport se jkun diskuss matul il-Kunsill tal-Agrikoltura f'Diċembru. "Il-bdiewa Ewropej m'għandhomx jinżammu lura minn regoli kkumplikati bla bżonn u mill-burokrazija, b'mod partikolari fis-sitwazzjoni ekonomika attwali," qalet Mariann Fischer Boel. Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "Dan ir-rapport huwa xhieda tal-fatt li aħna nappoġġjaw dan l-approċċ. Aħna mhux qed nittrattaw is-simplifikazzjoni bil-kliem biss iżda bil-fatti." Il-maġġoranza tad-39 proposta li waslu kellhom evalwazzjoni pożittiva. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiżviluppa dawn il-proposti u li timplimentahom malajr. Filfatt, diġà sar progress f'numru ta' suġġerimenti u dawn ġew inklużi fir-regoli riveduti għall-ħlasijiet diretti, li se jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2010. Id-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni jippreżenta wkoll firxa ta' ideat addizzjonali għas-simplifikazzjoni, bħal pereżempju programmi ta' promozzjoni iktar diretti għall-prodotti agrikoli. Il-Kummissjoni tqis l-eliminazzjoni possibbli tar-regoli dwar l-ittikkettar voluntarju tal-laħam taċ-ċanga u toħloq il-possibbiltà tal-armonizzazzjoni tal-iskadenzi tal-ħlasijiet għal ċertu miżuri tal-Iżvilupp Rurali ma' dawk tal-Ħlasijiet Diretti. Il-Kummissjoni ilha tiffoka fuq is-simplifikazzjoni tal-PAK mill-ewwel Komunikazzjoni dwar is-suġġett li kienet ippubblikata fl-2005. L-attivitajiet tagħha huma inkorporati b'mod sħiħ fl-istrateġija ġenerali dwar Regolamentazzjoni Aħjar, li fost l-oħrajn timmira li sal-2010, ikun hemm 25 % tnaqqis mill-piż amministrattiv. Ir-rapport huwa disponibbli fil-websajt: http://ec.europa.eu/agriculture/simplification/index_en.htm