IP/09/1800 Brussell, l-20 ta’ Novembru 2009 Telekomunikazzjonijiet: Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' b'sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-Ministri tal-UE ta' riforma wiesgħa biex twassal għal suq uniku kompetittiv tat-telekomunikazzjonijiet Illum, il-Kunsill t al-Ministri tal-UE approva unanimament il-pakkett ta' riforma tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE, li kien oriġinarjament propost mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007. Id-deċiżjoni tal-lum tal-Kunsill seħħet wara li ntlaħaq qbil politiku dwar il-pakkett f'laqgħa kruċjali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-5 ta' Novembru ( MEMO/09/491 ). Ir-regoli l-ġodda ser itejbu l-kompetizzjoni u l-investiment fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet tal-Ewropa, billi jipprovdu aktar ċertezza lill-kumpaniji li jinvestu fin-netwerks tal-fibrottika ta' veloċità qawwija u netwerks bla fili. Ser tiftaħ ukoll il-frekwenzi għal servizzi mobbli ġodda. Il-Parlament Ewropew ser jivvota l-ġimgħa d-dieħla, fis-sessjoni plenarja tiegħu fi Strasburgu, biex formalment japprova l-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet. Ir-regoli riformati tat-telekomunikazzjonijiet ser isiru liġi tal-UE ladarba jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fl-Diċembru 2009. "L-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ministri tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet illum tagħti sinjal ċar għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni u l-investiment f'netwerks u servizzi ġodda u aktar veloċi tat-telekomunikazzjonijiet f'suq uniku aktar f'saħħtu. Il-Kummissjoni Ewropea mbuttat din ir-riforma għal sentejn sħaħ, u jien nilqa' b'sodisfazzjon li bosta mill-ambizzjonijiet Ewropej tagħna ġew approvati mill-ministri, grazzi għat-tmexxija tal-Presidenza Żvediża", qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tat-Telekomunikazzjonijiet fl-UE. "L-approvazzjoni tal-Kunsill tar-riforma tat-telekomunikazzjonijiet ġiet f'waqtha. Fi żmien kriżi ekonomika u finanzjarja, fejn il-PGD tal-UE huwa mistenni jiċkien b'4 % din is-sena, ir-riforma ser tħalli impatt makroekonomiku pożittiv ħafna. Ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE ser ikunu ta' kontribut sostanzjali favur suq uniku tat-telekomunikazzjonijiet aktar f'saħtu, kompetittiv u skont il-bżonnijiet tal-konsumaturi b'netwerts aktar veloċi tal-fibra u mobbli madwar l-Ewropea. Ser tipprovdi wkoll lill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, kemm jekk antiki kif ukoll jekk ġodda fis-suq, ċertezza legali u tiżgura li d-deċiżjonijiet madwar l-Istati Membri jittieħdu b'mod konsistenti." Dwar it- 12 l-aktar riformi importanti tal-pakkett il-ġdid tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE , ara l- MEMO/09/513 . Il-passi li jmiss: Vot finali dwar il-pakkett ta' riforma fit-tielet qari fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew (skedat għall-24 ta’ Novembru 2009); Id-dħul fis-seħħ tal-pakkett sħiħ ta' riforma tat-telekomunikazzjonijiet bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (Diċembru 2009); L-istabbilment ta' Korp Ewropew tar-Regolaturi tat-Telekomunikazzjonijiet BEREC (ir-rebbiegħa 2010); It-traspożizzjoni tal-pakkett ta' riforma tat-telekomunikazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-27 Stat Membru tal-UE (sa Ġunju 2011). Għal iktar tagħrif: It-test preliminari tal-pakkett ta' riforma miftiehem: http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/index_en.htm MEMO/09/513