IP/09/1802 Brussell, 23 ta' Novembru 2009 It-tradutturi mill-iskejjel għat-tielet darba jissieltu bejniethom Xi 3 000 student minn skejjel imxerrdin mal-Ewropa kollha, inkluż Kalix li jinsab ħdejn iċ-Ċirku Artiku fl-Iżvezja, Heraklion fi Kreta, Saint Martin fil-Karibew u Paralimni f’Ċipru, se jħaddmu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom fit-tielet kompetizzjoni Juvenes Translatores ippjanata għall-24 ta’ Novembru. Il-kompetizzjoni tat-traduzzjoni, li isimha jfisser “tradutturi żgħażagħ” bil-Latin, issir fl-istess ħin fl-iskejjel kollha li qed jipparteċipaw, bejn l-għaxra u nofsinhar ħin ta’ Brussell (GMT+1) taħt is-sorveljanza tal-iskejjel.“Il-kompetizzjoni tat-traduzzjoni għaż-żgħażagħ saret opportunità mistennija bil-ħerqa biex dak li jkun jittestja f’sitwazzjoni vera l-ħiliet fil-lingwa li jkun tgħallem l-iskola u biex iduq ix-xogħol ta’ traduttur professjonali”, spjega Leonard Orban, il-Kummissarju għall-Multilingwiżmu. “Sirna nafu wkoll li xi kompetituri li kisbu suċċess f’din il-kompetizzjoni tħeġġu biex ikomplu jistudjaw il-lingwi f’livelli ogħla tal-istudji tagħhom. Din hija aħbar tajba, billi studju li dalwaqt se jiġi ppubblikat jagħti x’jifhem li l-impjiegi fl-industrija tal-lingwi sejrin tajjeb u għandhom futur tajjeb". qal il-Kummissarju Orban. Il-kompetizzjoni ta’ din is-sena tnediet f’Settembru, meta l-iskejjel postsekondarji kollha fl-UE li kienu interessati setgħu jinkitbu biex jieħdu sehem. Minn fost dawn kollha ġew magħżula bix-xorti 600 skola, u l-ismijiet tagħhom kienu ppubblikati fis-sit tal-internet tal-kompetizzjoni http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/jt/selected/selected_schools_en.htm Sa ħames studenti (li jridu jkunu għalqu s-17-il sena) minn kull skola magħżula se jagħmlu test tad-traduzzjoni fil-ġurnata tal-kompetizzjoni. Filgħodu se jirċievu silta qasira permezz tal-posta elettronika, u jkollhom sagħtejn biex jittraduċuha b’mod kemm jista’ jkun mexxej minn lingwa li jagħżluha huma għal oħra li tkun fost it-23 lingwa uffiċjali l-oħra tal-UE. Wara t-test, it-traduzzjonijiet jintbagħtu lill-Kummissjoni, fejn tradutturi interni tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni se jevalwawhom u jagħtuhom marka. Il-ġurati tal-kompetizzjoni jagħżlu l-aħjar traduzzjoni minn kull Stat Membru, u jippubblikaw l-ismijiet tar-rebbieħa fis-sit elettroniku tal-kompetizzjoni http://ec.europa.eu/translatores għall-aħħar ta’ Jannar 2010. Ir-reazzjonijiet li nġabru wara ż-żewġ kompetizzjonijiet ta’ qabel din juru li ġeneralment l-għalliema japprezzaw din l-opportunità li tħeġġeġ it-tagħlim tal-lingwi barranin. L-istudenti jieħdu gost b’din l-isfida u s-sens ta’ avventura u jimmotivaw ruħhom bil-ħsieb li studenti oħra f’pajjiżi oħra qegħdin jittraduċu l-istess silta. Min-naħa l-oħra, l-iskejjel ħassew li l-limitu tal-età kien wisq restrittiv, għax kienu qegħdin jisperaw li jkunu jistgħu jieħdu sehem numru akbar ta’ studenti. Xi wħud ħassew li s-silta kienet wisq twila, u oħrajn xtaqu li kellhom iżjed ħin għat-traduzzjoni. Bħal ma ġara fis-snin ta' qabel, ir-rebbieħa kollha jirbħu vjaġġ għal Brussell, fejn se ssir iċ-ċerimonja biex jingħataw il-premji tagħhom u fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ xi tradutturi tal-UE. Għadu mhux magħruf jekk din l-opportunità hijiex se taffettwa l-pjanijiet tagħhom tal-futur. Għal iktar tagħrif: Is-Sit tal-Juvenes Translatores: http://ec.europa.eu/translatores Id-DĠ għat-Traduzzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/translation/