IP/091803 Brussell, 23 ta' Novembru 2009 Is-swieq tax-xogħol Ewropej huma milquta sew mill-kriżi, iżda iktar reżiljenti milli mistenni Il-kriżi attwali qed tagħmel tagħha fis-swieq tax-xogħol tal-UE u reġġgħet lura ’l biċċa l-kbira tat-tkabbir tal-impjiegi miksub mis-sena 2000, skont ir-rapport 'Impjiegi fl-Ewropa’ ippubblikat illum. L-irġiel, iż-żgħażagħ, il-ħaddiema b’ħiliet baxxi u l-ħaddiema bil-kuntratti fissi sofrew minħabba n-nuqqas ta’ impjiegi. L-impjiegi fl-UE naqsu b’iktar minn 4 miljuni mill-bidu tal-kriżi, anke jekk it-telf tal-impjiegi kien relattivament ristrett minħabba l-użu ta’ sigħat iqsar ta’ xogħol u skemi oħra. Iżda dawn il-miżuri fil-medda qasira ta’ żmien, għalkemm importanti, waħedhom mhumiex suffiċjenti biżżejjed biex jiżguraw ħruġ b’suċċess mill-kriżi. Il-politiki tal-impjiegi għandhom jiffukaw biex iħejju għat-tranżizzjoni għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi tad-dijossidu tal-karbonju. Vladimír Špidla, Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs, qal: “Dan ir-rapport juri kemm huwa importanti li jkun rikonoxxut ir-rispons għall-kriżi fil-medda qasira ta' żmien bir-riformi strutturali tagħna fuq medda twila ta’ żmien. Dawn ir-riformi huma essenzjali għas-swieq tal-ekonomija u tax-xogħol tal-UE li ħarġu minn dan it-tnaqqis attwali mħejji sew għall-isfidi fil-ġejjieni, b’mod partikolari t-tranżizzjoni għal ekonomija b’inqas emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.” B’din l-isfida fil-ħsieb, ir-rapport tal-21 edizzjoni annwali tal-Impjiegi fl-Ewropa jagħti titwila iktar profonda lejn iż-żewġ kwistjonijiet ewlenin għall-politika futura tal-UE: iċ-ċaqlieq lejn, minn jew bejn l-impjiegi u l-implikazzjonijiet tal-bidla fil-klima għas-suq tax-xogħol. Is-swieq tax-xogħol huma iktar dinamiċi minn kif spiss maħsub iżda l-qgħad fit-tul baqa’ theddida serja. Is-swieq Ewropej urew dinamiżmu konsiderevoli fis-snin riċenti, billi kull sena madwar 22% tal-ħaddiema Ewropej ibiddlu l-impieg. Dinamiżmu bħal dan mhuwiex limitat għal pajjiżi li s-soltu narawhom bħala ‘flessibbli’ bħar-Renju Unit jew id-Danimarka, iżda jikkonċerna l-pajjiżi kollha tal-UE, għalkemm iċ-ċifri jvarjaw minn 14% tal-ħaddiema fil-Greċja u 16% fl-Iżvezja għal ’l fuq minn 25% fir-Renju Unit, il-Finlandja, Spanja u d-Danimarka. Dan jidher li jagħmel parti minn żieda iktar sostenibbli, sa mill-aħħar tad-disgħinijiet, fi tranżazzjonijiet minn inattività u qgħad lejn l-impjiegi fl-UE, li jissuġġerixxi titjib strutturali fundamentali fis-swieq tax-xogħol tagħna. Madakollu, mhux il-ħaddiema kollha bbenefikaw l-istess minn din it-tendenza pożittiva. Għalkemm l-għadd tal-qiegħda fuq medda twila ta’ żmien niżel mis-snin disgħin, din il-problema baqgħet sfida serja. Fis-snin riċenti, kważi 45% tal-perjodi kollha tal-qgħad damu iktar minn sena fl-UE, meta mqabbel ma madwar 10% biss fl-Istati Uniti. Mindu bdiet il-kriżi, sar iktar urġenti li din il-kwistjoni tiġi indirizzata; Il-politiki bil-għan li jappoġġjaw il-mixja tal-ħaddiema lejn l-impjiegi skont il-prinċipji tal-flessisigurtà huma importanti biex inaqqsu l-qgħad fit-tul u jippreżervaw l-impjegabilità. Il-politiki dwar emissjonijiet baxxi tad-dijossidu tal-karbonju se jkunu xprun sinifikanti fil-bdil tal-istrutturi tal-impjiegi fl-UE Il-mossi tal-UE lejn ekonomija kompetittiva b'emissjonijiet baxxi tad-dijossidu tal-karbonju se jsiru l-forzi importanti li jixprunaw minn perspettiva tas-suq tax-xogħol. Għalkemm l-effett totali nett tal-ħolqien tax-xogħol jista’ ma jkunx kbir ħafna – minħabba li l-ħolqien ta' impjiegi ġodda 'ħodor' u l-t-tkabbir tal-kompatibilità ambjentali tal-impjiegi se jiġu bbilanċjati wkoll bit-telf ta’ xi impjiegi eżistenti - il-bidliet strutturali ta’ bażi se jinvolvu r-riallokazzjoni tal-ħaddiema fis-setturi ekonomiċi u fit-tipi ta’ ħiliet. Il-bidla fil-klima u l-miżuri ta’ politika relatati għalhekk se jkollhom impatt importanti fuq id-domanda futura għall-ħiliet. Il-kompetenzi ġodda meħtieġa minn ekonomija b’emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju iktar baxxi sejrin, għallinqas inizjalment, jiffavorixxu lil ħaddiema b’ħiliet avvanzati. Madankollu, permezz tat-tqassim tat-teknoloġiji ġodda fis-suq, il-ħaddiema b’ħiliet iktar baxxi għandhom ikunu jistgħu jimlew l-impjiegi ġodda - sakemm dawn jirċievu t-taħriġ adegwat. Għaldaqstant, il-fokus tal-politika dwar il-ħiliet - biex it-tranżizzjonijiet lejn impjiegi ġodda jiġu ffaċilitati u biex jiġu limitati l-lakuni u n-nuqqas tal-ħiliet - flimkien ma djalogu soċjali adegwat huma l-ingedjenti ewlenin meħtieġa biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tad-dijossidu tal-karbonju. Ir-rapport dwar l-Impjiegi fl-Ewropa jifforma l-bażi analitika għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (JER) li għalih il-Kummissjoni sejra tippreżenta l-proposta tagħha fid-9 ta' Diċembru. Il-JER huwa l-parti tal-analiżi tal-impjiegi u l-parti tar-rapportaġġ mill-Istrateġija tal-UE dwar ix-Xogħol u t-Tkabbir. MEMO/09/514 Ir-rapport dwar l-Impjiegi fl-Ewropa 2009: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=119&langId=en Inkiteb fin-newsletter bl-e-mail mingħajr ħlas tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs http://ec.europa.eu/social/e-newsletter