IP/09/ 1811 Brussell, l-24 ta' Novembru 2009 It-Tielet Forum tal-Protezzjoni Ċivili: l-iżilupp tar-reżiljenza tal-Ewropa għad-diżastri Il-Kummissarju tal-UE dwar l-Ambjent Stavros Dimas għada ser ivara t-tielet Forum tal-Protezzjoni Ċivili fi Brussell. Aktar minn 500 professjonist tal-protezzjoni ċivili ser jinġabru għal konferenza ta' jumejn dwar kif il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiżviluppaw ir-reżiljenza tagħhom għad-diżastri. Il-bidla klimatika x'aktarx iżżid il-frekwenza u l-impatt tad-diżastri naturali u l-Ewropa għandha tkun ippreparata għal dan u għal sfidi oħra bħat-theddid terroristiku, inċidenti kimiċi u aċċidenti oħra. Il-konferenza, "Towards a more resilient society" (Lejn soċjetà aktar reżiljenti), ser tittratta l-isfidi tal-ġejjieni għall-protezzjoni ċivili Ewropea, l-iżviluppi teknoloġiċi u kif għandhom jiġu involuti n-nies fit-tħejjija għad-diżastru. Stavros Dimas, Kummissarju Ewropew għall-Ambjent qal: "L-Ewropa lesta tagħmel kull ma hu possibbli biex issaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għad-diżastri sabiex tnaqqas il-kost għoli għall-ħajja umana. Kull sena eluf ta' nies jitilfu ħajjithom u bosta oħra jħabbtu wiċċhom ma' taqlib għal żmien fit-tul fil-ħajja ta' kuljum tagħhom. Is-sena l-oħra biss, madwar 20 miljun ruħ madwar id-dinja kellhom iħallu djarhom minħabba d-diżastri naturali. Il-kostijiet finanzjarji huma għoljin ukoll: id-diżastri huma stmati li jiswew lill-Ewropa €15-il biljun fis-sena. Il-Forum se jkun pjattaforma vitali għad-diskussjoni dwar l-isfidi li għandna quddiema u sabiex inkunu nistgħu nsaħħu l-prevenzjoni u r-reazzjoni tagħna għad-diżastri." Il-Forum tal-Protezzjoni Ċivili It-tielet Forum tal-Protezzjoni Ċivili ser jiffoka fuq ir-reżiljenza u kif l-Ewropa tista' ssaħħaħ il-miżuri ta' prevenzjoni u ta' rispons biex tindirizza d-diżastri b'mod aktar effikaċi. Ir-reżiljenza għad-diżastri tfisser mhux biss il-kapaċità ta' rkupru minn diżastru kbir imma wkoll il-bini fl-ippjanar tal-kapaċità biex tiflaħ għad-diżastri. Il-Forum ser jiġbor madwar 500 parteċipant biex jitratta l-isfidi futuri għall-protezzjoni ċivili Ewropea. Tliet dibattiti b'kelliema ta' livell għoli mix-xena politika dinjija, kummerċ u riċerka ser jippermettu skambju ħieles ta' ideat dwar meta u kif wieħed jitħejja għad-diżastri; il-perċezzjoni tar-riskji u l-awtosuffiċjenza fost iċ-ċittadini u x'għamla għandu jkollha strateġija għall-immaniġġjar tad-diżastri fl-Ewropa. Il-kelliema ser jinkludu l-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent Stavros Dimas, l-Assistant Segretarju Ġenerali tal-Istrateġija Internazzjonali tan-NU għat-Tnaqqis tad-Diżastri (UN International Strategy for Disaster Reduction) Margareta Wahlstr öm u s-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tad-Difiża fl-Iżvezja Håkan Jevrell. Il-konferenza ser tkun akkumpanjata minn wirja li tinvolvi sħab internazzjonali, organizzazzj onijiet tat-taħriġ u teknoloġiji innovattivi. Din tinkludi pjattaforma ta' simulazzjoni tat-terremoti, bħala parti minn eżibizzjoni tad-diżastru li laqat il-belt Taljana ta' L'Aquila aktar kmieni din is-sena. Il-Kummissjoni u l-Protezzjoni Ċivili Il-Kummissjoni tappoġġja u tissupplementa l-prevenzjoni tad-diżastri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u tmexxi Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) li jaġixxi bħala ċentru għal-fażi tar-rispons tal-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili. Il-Mekkaniżmu Komunitarju tal-UE jiffaċilita l-kooperazzjoni fir-rispons għad-diżastri. Wieħed u tletin pajjiż jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Komunitarju (UE 27 flimkien mal-Kroazja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja). Permezz tal-Mekkaniżmu, jiġbru flimkien ir-riżorsi li jistgħu jsiru disponibbli għall-pajjiżi milquta mid-diżastri. Kwalunkwe pajjiż fid-dinja jista' jiltob lill-UE għall-għajnuna. Sa mill-ħolqien tiegħu fl-2001, l-UE għenet f'diżastri madwar id-dinja, inkluż l-Uragan Katrina fl-Istati Uniti fl-2005, it-terremot fl-2008 fiċ-Ċina u n-nirien forestrali fin-Nofsinhar tal-Ewropa dan is-sajf. Il-MIC issa jwieġeb għal aktar minn 20 emerġenza fis-sena. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex issaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex twieġeb għad-diżastri. Dan is-sajf, ittestjat assi fil-livell tal-UE. Żewġ ajruplani għat-tifi tan-nar kienu disponibbli minn Lulju sa Settembru biex jgħinu lill-Istati Membri fit-tifi tan-nirien forestrali. Il-Kummissjoni ser titgħallem minn dan il-proġett pilota. Qed jinbeda wkoll xogħol fuq għadd ta' inizjattivi ta' prevenzjoni biex jiġi żviluppat approċċ tal-UE għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem. Dan jinkludi l-iżvilupp ta' linji gwida dwar il-valutazzjoni tar-riskji u l-ippjantar tar-risjku, bl-iżvilupp ta' perspettiva transsettorjali tar-risjki ewlenin li l-UE tista' tiffaċċja u t-twaqqif ta' netwerk Ewropew għall-prevenzjoni tad-diżastri. Nota lill-edituri: It-tielet Forum tal-Protezzjoni Ċivili: "Lejn soċjetà aktar reżiljenti," ser iseħħ fil-bini tal-Kummissjoni Ewropea Charlemagne, 170 Rue de la Loi, Brussell fil-25-26 ta' Novembru 2009. Għal aktar tagħrif dwar il-Forum żur: www.civilprotectionforum.eu Għal aktar tagħrif dwar il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili żur: http://ec.europa.eu/environment/civil/