IP/09/1828 Brussell, 27 ta' Novembru 2009 L-industrija tal-lingwi tal-UE mistennija tegħleb il-kriżi L-industrija tal-lingwi kienet inqas affettwata mill-kriżi ekonomika mis-setturi l-oħra, skont studju li sar mill-Kummissjoni Ewropea. L-istudju, l-ewwel wieħed li analizza d-daqs tal-industrija tal-lingwa madwar l-UE, ikopri t-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, il-lokalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni, is-sottotitoli u d-doppjaġġ, l-għodod teknoloġiċi tal-lingwi, l-organizzazzjoni ta' laqgħat multilingwi u t-tagħlim tal-lingwi. Huwa jivvaluta li l-fatturat madwar l-UE huwa ta' EUR 8.4 biljun (2008). Dan huwa mistenni jogħla b'tal-inqas 10% kull sena, matul il-ftit snin li ġejjin, għal bejn EUR 16.5 biljun u EUR 20 biljun sal-2015. Din hija waħda mill-ogħla rati ta' tkabbir fl-industriji tal-UE. " L-industrija tal-lingwi hija ta' importanza kemm ekonomika u kemm strateġika. Ekonomika, minħabba d-daqs tagħha, ir-reżistenza tagħha għall-kriżi preżenti u speċjalment il-potenzjal futur tagħha. Strateġika, għax hija essenzjali għall-preżervazzjoni tal-identitajiet u l-kultura tan-nies u biex wieħed ilaħħaq mad-dinja globalizzata. Dan l-istudju jagħti immaġni iktar preċiża tal-industrija tal-lingwa fl-UE u huwa mod ta' kif tressaqha fiċ-ċentru tal-attenzjoni fis-suq tal-impjiegi, " qal Leonard Orban, il-Kummissarju għall-Multilingwiżmu. Il-karatteristiċi tas-suq tal-lingwi jinkludu żieda fil-konsolidazzjoni fost l-atturi prinċipali imma ftit ostakli għad-dħul fis-suq tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, li jfisser li hemm ħafna atturi u kompetizzjoni sostanzjali. Barra minn hekk, il-globalizzazzjoni titlob traduzzjoni u interpretazzjoni f'lingwi ġodda, kif ukoll f'servizzi ġodda relatati mal-lingwi. " L-industrija hija differenti minn dik li kienet snin ilu. Hija rat żieda f'oqsma ġodda bħas-sottotitoli, il-lokalizzazzjoni u l-editjar. Għalhekk il-professjonisti li jaħdmu fil-qasam għandhom bżonn li jakkwistaw kompetenzi ġodda. Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-iżvilupp ta' kompetenzi bħal dawn, pereżempju permezz tal-promozzjoni tal-Master's Ewropew fit-Traduzzjoni , ikkummenta l-Kummissarju Orban. L-analiżi saret fuq il-bażi ta' kwestjonarji mibgħuta lil għaqdiet professjonali, awtoritajiet nazzjonali, individwi, fornituri ta' servizz tal-lingwi u dipartimenti ta' servizz tal-lingwi. Kien hemm iktar minn 1000 tweġiba. L-istudju jinkludi dokumenti tal-fatti skont il-pajjiż għal kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE analizzati. Għal aktar tagħrif: Il-konferenza fejn se jiġi ppreżentat l-istudju se jixxandar hawnhekk: http://webcast.ec.europa.eu/eutv/portal/_vi_fl_300_en/player/index_player.html?id=7853&userlocale=en It-test tal-istudju huwa disponibbli hawnhekk: http://wcmcom-ec-europa-eu-wip.wcmvue.cec.eu.int:8080/dgs/translation/publications/studies/index_en.htm DĠ Traduzzjonijiet: http://ec.europa.eu/dgs/translation