IP/09/1833 Brussell, it-2 7 ta' Novembru 2009 L-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI): il-Kummissjoni u l-industrija farmaċewtika jvaraw it-tieni sejħa għall-proposti ta' riċerka li jwasslu għal metodi aktar effiċjenti ta' żvilupp tal-mediċini Illum, l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) varat b'mod uffiċjali t-tieni sejħa tagħha għall-proposti. Is-sħubija bejn is-settur pubbliku u s-settur privat u l-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA) qed tistieden lill-konsorzja tar-riċerka sabiex jissottomettu proposti għal disa' suġġetti xjentifiċi. L-għan tas-Sejħa huwa li jitħaffu l-iskoperta u l-iżvilupp ta' mediċini ġodda għal mard bħall-kanser u l-mard infjammatorju u infettiv. L-IMI se tiffinanzja wkoll proġetti sabiex jittejjeb l-iskambju ta' dejta bejn l-industrija u l-komunità xjentifika, aspett importanti tal-ġestjoni tal-għarfien. Huwa mistenni li ammont ekwivalenti għall-kontribut tal-Kummissjoni ta' €76.8 miljun għal din it-tieni Sejħa tal-anqas jiġi pprovdut in natura mill-kumpaniji membri tal-EFPIA. Dr. Michel Goldman, id-Direttur Eżekuttiv tal-IMI qal: "Din it-tieni Sejħa għall-proposti se tgħin sabiex tibni l-potenzjal tal-IMI għall-provvediment ta' appoġġ għat-tip ta' innovazzjoni li neħtieġu u se telimina l-ostakli attwali fl-iżvilupp tal-mediċini." Il-Kummissarju Ewropew għax-Xjenza u r-Riċerka, Janez Potočnik, żied jgħid: "Fl-2004, sibna mod kif l-Ewropa ssir ċentru tar-riċerka bijomedika filwaqt li neħħejna l-ostakli fir-riċerka tal-mediċina: wara kollox dan hu l-għan ewlieni tal-IMI. L-IMI tinsab fil-qofol tat-trijanglu tal-għarfien, fejn tibni kooperazzjoni aħjar bejn is-setturi pubbliċi u privati u tgħinna negħlbu l-akbar sfidi li qegħdin naffrontaw, b'mod li jkun kompetittiv u sostenibbli mil-lat ekonomiku. Jidher ukoll li din is-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-industrija tagħti r-riżultati." Is-Sur Arthur Higgins, is-CEO tal-Bayer Healthcare u l-President tal-EFPIA qal: “L-IMI hija dikjarazzjoni ċara li l-Ewropa trid tkun minn ta' quddiem fil-qasam tal-innovazzjoni bijofarmaċewtika. Din l-inizjattiva rnexxielha tlaqqa' flimkien kumpaniji farmaċewtiċi li normalment jikkompetu bejniethom mal-partijiet interessati akkademiċi fi sforz li qatt qabel ma kien hemm bħalu sabiex inħaffu l-iskoperta tal-mediċini innovattivi.” Fis-16 ta' Novembru 2009, l-IMI saret uffiċjalment awtonoma. Kisbet indipendenza finanzjarja u operazzjonali miż-żewġ membri fundaturi tagħha, il-Kummissjoni Ewropea u l-EFPIA. Tim ġdid, immexxi mid-direttur eżekuttiv il-ġdid Michel Goldman, se jkun qed imexxi l-Uffiċċju Eżekuttiv tal-IMI bbażat fi Brussell u se jkun responsabbli għall-ħruġ tal-għotjiet skont it-tieni Sejħa għall-Proposti tal-IMI. Mid-disa' suġġetti koperti bis-Sejħa, tlieta huma relatati mat-titjib tal-ġestjoni tal-għarfien li huwa essenzjali għall-progress fil-ġejjieni fl-iżvilupp ta' mediċini effiċjenti. Notevolment dawn għandhom l-għan li jtejbu l-istandards tad-dejta għall-industrija, l-akkademja u l-awtoritajiet regolatorji sabiex jevalwaw aħjar l-effikaċja u s-sikurezza ta' mediċini ġodda. Jfittxu wkoll li jippermettu skambju eħfef ta' tagħrif li jaċċellera l-iżvilupp tal-mediċini. Is-sitt suġġetti l-oħra għandhom l-għan li jaħdmu fuq l-effikaċja tal-mediċini kontra l-kanser, il-mard infjammatorju u l-mard infettiv. Pereżempju, wieħed mis-suġġetti jiffoka fuq il-fehim tal-kompożizzjoni tat-tumuri tal-kanser u r-reazzjoni tagħhom għat-trattament. Suġġett ieħor għandu l-għan li jħaffef l-iżvilupp ta' dijanjostika għall-mard infettiv li tkun aħjar, orħos u aktar rapida. Is-suġġetti tas-Sejħa, li ġew żvelati f'Settembru sabiex il-konsorzji jkunu jistgħu jħejju l-applikazzjonijiet tagħhom aħjar, qajmu interess kbir. Fis-17 ta' Novembru 2009, aktar minn 420 rappreżentant ta' timijiet akkademiċi, SMEs u organizzazzjonijiet oħra ltaqgħu fil-Brussels Expo għall-Jum ta' Tgħarrif fejn irċevew tagħrif dirett dwar is-Sejħa. Passi oħra Id-data ta' skadenza tal-applikazzjoni għas-Sejħa għall-proposti l-ġdida hija t-8 ta' Frar 2010 u r-riżultati se jitħabbru fis-Sajf tal-2010. Sfond Varata fl-2007, l-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) hija sħubija bejn is-settur pubbliku u s-settur privat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija farmaċewtika Ewropea rrappreżentata mill-EFPIA. L-IMI għandha l-għan li l-Ewropa tkun minn ta' quddiem fl-innovazzjoni bijofarmaċewtika u li tappoġġa skoperti u żvilupp aktar effiċjenti ta' mediċini aħjar għall-pazjenti. Il-baġit totali tal-IMI għall-perjodu 2008-2017 huwa ta' € 2 biljun (biljun ewro mill-Komunità Ewropea u biljun ewro mill-industrija). L-ewwel Sejħa għall-proposti tal-IMI tvarat f'April 2008. Intbagħtu 134 proposta u minnhom intgħażlu 15 sabiex jirċievu € 246 miljun. Għal aktar tagħrif dwar l-IMI u t-tieni Sejħa żur: www.imi.europa.eu Ara wkoll IP/09/1310 , IP/09/802 u IP/08/662 Il-lista tas-suġġetti tat-tieni Sejħa għall-proposti tal-IMI: 1. Bijomarkaturi li jipproduċu immaġnijiet għall-iżvilupp tal-mediċini kontra l-kanser. 2. Għodod ġodda għall-validazzjoni tal-miri sabiex titjieb l-effikaċja tal-mediċina. 3. Bijomarkaturi molekulari: li jħaffu l-iżvilupp tat-terapija għall-kanser u jirfinaw il-kura għall-pazjenti. 4. L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' testijiet dijanjostiċi veloċi li jsiru fil-post tal-kura għad-dijanjożi tal-batterji sabiex jitħaffef it-twettiq tal-provi kliniċi u l-prassi klinika. 5. Għarfien tal-mekkaniżmi anormali tas-sistema immuni adattiva. 6. Riċerka ta' konverżjoni fil-qasam tal-mard kroniku medjat mis-sistema immuni: konnessjoni bejn il-mudelli tal-annimali u l-bnedmin. 7. Mudellar tal-mediċina/mard: librerija u qafas. 8. Spazju farmakoloġiku miftuħ. 9. Reġistri tas-Saħħa Elettroniċi (EHR).