IP/09/1841 Brussell, it-30 ta' Novembru 2009 It-teknoloġija tas-simulazzjoni tista’ tgħin fil-prevenzjoni ta’ kriżijiet finanzjarji fil-ġejjieni Il-politiki ekonomiċi kif se jadattaw fl-2020 meta kwart tal-popolazzjoni tal-UE tkun qabżet l-età ta’ 65 sena? Jistgħu l-istudji ekonomiċi ibassru kif se jirreaġixxu l-banek għal nixfiet tal-kreditu fil-ġejjieni, u x’se jkun l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija b’mod aktar ġenerali? Kif se taħdem l-ekonomija meta r-riżorsi naturali dejjem aktar skarsi jagħmluha dejjem aktar diffiċli biex nissodisfaw il-ħtiġijiet enerġetiċi tagħna? Il-Kummissjoni Ewropea llum żvelat riċerka pijuniera li tista’ tgħin lill-ekonomisti jwieġbu mistoqsijiet bħal dawn permezz ta’ softwer għas-simulazzjonijiet ekonomiċi. Prodott minn proġett ta’ riċerka bl-appoġġ tal-UE, b’valur ta’ €2.5 miljun li nġieb fi tmiem sodisfaċenti llum, is-softwer japplika teknoloġija ta’ simulazzjoni użata wkoll għall-immaġnijiet ġenerati mill-kompjuter (CGI) fiċ-ċinematografija. Jipprevedi l-interazzjoni bejn popolazzjonijiet kbar ta’ atturi ekonomiċi differenti, bħalma huma djar privati u kumpaniji, banek u debituri jew min iħaddem u min ifittex ix-xogħol, min jinnegozja u jikkompeti bħal nies veri. Billi jagħtu l-imġiba u interazzjonijiet individwali u realistiċi lil kull aġent simulat, li juru kif sejrin jevolvu s-swieq, dawn is-simulazzjonijiet fuq skala enormi jistgħu jittestjaw b’mod aħjar politiki ġodda li jindirizzaw sfidi soċjali tal-ġejjieni. “Din ir-riċerka Ewropea tal-aqwa klassi tista’ tgħinna nimxu mill-ekonomija tal-karta u l-lapes lejn l-ekonomija tas-superkompjuters,” qalet Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja. “ Ir-riżultati ta’ dan il-proġett ta’ riċerka se jikkomplementaw l-istatistika u l-assunzjonijiet tradizzjonali tal-ekonomija dwar kif jirreaġixxu l-atturi ekonomiċi billi jippermettu testjar aħjar tal-effett ta’ politika fuq in-nies filwaqt tkun għada fl-istadju tat-tfassil. Nistenna li r-riċerkaturi tal-gvernijiet u l-istituti nazzjonali tar-riċerka se jaġixxu malajr biex din l-għodda titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, malajr kemm jista’ jkun.” Din it-teknoloġija tas-simulazzjoni żviluppata permezz tar-riċerka appoġġata mill-UE tuża esperimenti bbażati fuq il-kompjuter biex tiffoka fuq ir-relazzjoni bejn popolazzjonijiet kbar ta' atturi ekonomiċi differenti madwar bosta swieq interkonnessi. Hija l-ewwel darba li din it-teknoloġija tiġi applikata fuq skala kbira bħal din permezz ta’ kompjuters ta’ qawwa kbira. F’kull dar (jew negozju, jew bank) simulat/a, jittieħdu deċiżjonijiet differenti b’reazzjoni għal diversi politiki monetarji, fiskali jew favur l-innovazzjoni, fosthom dwar jekk jinżammx l-istess xogħol inkella ssirx tiftixa għal xogħol ieħor, xi proporzjon tal-paga jiġi mfaddal, minfuq jew użat għall-investiment. Dan ifisser li l-impatt ta’ politika waħda f’suq wieħed f’punt wieħed taż-żmien ma għadux jiġi vvalutat għalih waħdu, indipendentement minn fatturi oħra. L-istudji ekonomiċi tradizzjonali naqsu milli jbassru l-iskala tar-riperkussjonijiet tan-nixfa tal-kreditu fuq l-ekonomija dinjija. Is-softwer il-ġdid juri kif il-banek jirreaġixxu b'modi differenti billi jqis firxa wiesgħa ta’ fatturi bħalma huma r-riżervi li għandhom iżommu, fi proporzjon mal-investimenti, ix-xejriet ta’ konsum/investiment u tfaddil tad-depożitarji, u fatturi psikoloġiċi bħall-kunfidenza fis-suq. Jista’ jagħti lil dawk li jfasslu l-politika – li jridu jkunu jafu kif ir-riformi fiskali u monetarji se jaffettwaw il-banek u l-klijenti – twissija aħjar dwar l-iskala tal-impatt ta' kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali. Is-softwer jista’ jissimula wkoll l-istess xenarju b’demografija ta’ età akbar, biex ikunu jistgħu jsiru pjanijiet għal Ewropa aktar imdaħħla fiż-żmien, jew bi provvisti tal-enerġija limitati. Is-softwer, li huwa ddiżinjat biex jaħdem fuq is-superkompjuters li jippermettu simulazzjonijiet fuq skala enormi, imma li huwa aċċessibbli għal kwalunkwe desktop PC li jkun imqabbad, jista’ jintuża mill-ekonomisti u minn dawk li jfasslu l-politika mingħajr il-ħtieġa li jkunu mħarrġa fl-ipprogrammar tal-kompjuters. Billi jgħaqqad mijiet ta’ eluf ta’ azzjonijiet u reazzjonijiet simulati żgħar madwar l-ekonomija, is-softwer jista’ jagħti lil dawk li jfasslu l-politika stampi aħjar u akbar tal-impatt li l-politika tagħhom ikollha fuq ħajjet u fuq xogħol in-nies. Il-proġett ta’ tliet snin sar minn ekonomisti u xjenzjati tal-kompjuter minn tmien universitajiet (fl-Italja, Franza, il-Ġermanja, it-Turkija u r-Renju Unit), miġbura flimkien mill-UE u ffinanzjati mill-baġit tal-Kummissjoni allokat għar-riċerka dwar it-teknoloġija. Sfond Il-proġett ta’ riċerka li nġieb fi tmiemu llum irriżulta fil-pjattaforma tas-softwer għas-softwer tas-simulazzjoni ekonomika msejjaħ EURACE , li jopera fuq teknoloġija tas-simulazzjoni msejħa FLAME (Flexible Large-scale Agent Modelling Environment). Il-proġett kien kofinanzjat b’€2.1 miljun mill-programm kumplessiv tal-Kummissjoni għar-Riċerka ( Is-Sitt Programm Kwadru 2001-2006), li beda fl-2006. Kien parti mill-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lir-riċerka ta’ riskju għoli f’teknoloġiji tal-informazzjoni futuri u emerġenti ( IP/09/608 ). Il-Kummissjoni dan l-aħħar appellat lill-pajjiżi tal-UE biex iżidu l-investiment fir-riċerka ta’ riskju għoli, biex jilħqu mal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Ġappun. Il-Kummissjoni se tmexxi bl-eżempju, u żżid il-finanzjament annwali attwali ta’ €100 miljun b’70% sal-2013 ( IP/09/397 ). Pakkett għall-istampa b’aktar tagħrif dwar dan il-proġett u dwar ir-riċerka ta’ riskju għoli appoġġata mill-UE jinsab fuq: http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=5433 Annex Researchers participating in EURACE project Country Project coordinator Organisation Profession Contact details France Christophe Deissenberg Université de la Méditerranée Economist christophe.deissenberg@univmed.fr + 33 4 4293 5985 Germany Herbert Dawid University of Bielefeld Economist hdawid@wiwi.uni-bielefeld.de +49 521 106484 Italy Silvano Cincotti University of Genoa Economist silvano.cincotti@unige.it +39 010 353 2080 Italy Michele Marches Università degli Studi di Cagliari Computer Scientist michele@diee.unica.it +39 070 6755757 Italy Mauro Gallegati Università Politecnica delle Marche Economist mauro.gallegati@univpm.it +39 071 220 7088 Turkey Kaan Erkan TUBITAK National Research Institute of Electronics and Cryptology Computer Scientist kaan.erkan@uekae.tubitak.gov.tr +90 262 6481402 UK Mike Holcombe University of Sheffield Computer Scientist m.holcombe@dcs.shef.ac.uk +44 1142221802 UK Christopher Greenough Science and Technology Facilities Council Computer Scientist christopher.greenough@stfc.ac.uk +44 1235 445307