IP/09/1887 Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2009 In-netwerk tal-“European Master's in Translation” beda jiffunzjona In-netwerk tal-“European Master's in Translation” (EMT) inġabar għal-laqgħa kostitwenti tiegħu fi Brussell fit-8 u d-9 ta' Diċembru. L-universitajiet membri li jipprovdu l-programmi ta taħriġ għat-tradutturi qed jiltaqgħu biex jistabbilixxu struttura li tirregola n-netwerk u biex jippjanaw liema kompetenzi traduttur professjonali jista' jkollu bżonn fil-futur. F'Settembru li għadda, 34 programm tat-traduzzjoni fil-livell ta' Master's minn universitajiet mill-Ewropa kollha ntgħażlu biex ikunu membri tan-netwerk tal-EMT għall-perjodu inizjali ta' erba' snin. Ser titnieda sejħa oħra fi tmiem l-2010. Bin-netwerk tal-EMT, qiegħda titwieled tikketta ta' kwalità għall-programmi tat-traduzzjoni fil-livell ta' Master's. Din twitti t-triq għal edukazzjoni ta' kwalità għolja għall-istudenti tat-traduzzjoni, twessa' l-orizzonti professjonali tagħhom filwaqt li trawwem ukoll impjegati kompetenti għall-istituzzjonijiet pubbliċi. "Skont studju dwar l-industrija tal-lingwa ppreżentat minna reċentement, it-traduzzjoni hija xogħol b'futur. Fl-istess ħin , huwa xogħol f'evoluzzjoni kontinwa li jinvolvi kitba ta' subtitling, localising, editjar, editjar tal-web eċċ. Jista' jinvolvi wkoll kompetenzi li mhumiex stretttament relatati mat-traduzzjoni, pereżempju, project management, negozjar mal-klijenti, time and budget management, fatturar - biex insemmu xi wħud. Il-proġett tal-EMT huwa l-ewwel wieħed li ħa in konsiderazzjoni dawn l-elementi kollha. Jekk il-European Master’s in Translation għandha l-effett anċillari li tistimula dibattitu fuq x'hemm bżonn biex tkun traduttur professjonali tal-ewwel klassi, se tgħin ukoll biex torjenta r-riċerka f'dan il-qasam u, fuq medda twila ta' żmien, il-kwalità tat-taħriġ tat-traduttur," qal Leonard Orban, il-Kummissarju għall-Multilingwiżmu. Fl-ewwel laqgħa, il-parteċipanti qed jeleġġu l-bord tan-netwerk tal-EMT u jwaqqfu tliet gruppi ta' ħidma . Il-gruppi jipprovdu forum għad-diskussjoni u l-azzjoni fi tliet oqsma wesgħin relatati mat-taħriġ tat-traduttur: il-futur tal-professjoni tat-traduttur, l-għodda tat-traduzzjoni u t-teknoloġija (ir-riċerka applikata) kif ukoll l-edukazzjoni tat-traduzzjoni u r-rizultati tat-tagħlim. L-ewwel jum tal-laqgħa huwa ddedikat lid-diskussjoni bejn l-universitajiet membri. Fit-tieni jum, l-universitajiet li l-applikazzjonijet tagħhom ma ntlaqgħux mal-ewwel sejħa se jkunu mistiedna li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-proġett. L-iskop ta' din il-laqgħa tan-netwerk tal-EMT huwa wkoll biex tkun varata analiżi li tħares 'l quddiem tal-kompetenzi li traduttur jeħtieġ fil-futur u li allura għandhom ikunu provduti mill-universitajiet involuti fil-programm tal-EMT. Skont is-sett ta' kriterji preżenti li rregolaw l-għażla tal-34 programm ta' traduzzjoni f'Settembru, l-istudenti miktubin fil-programmi ta' Master's li juru t-tikketta ta' kwalità tal-EMT se jiksbu kompetenzi li jippermettulhom jipprovdu servizzi tat-traduzzjoni fis-sens wiesa', inklużi t-tipi kollha ta' komunkazzjoni multilingwistiċi u multimedjali . Għalhekk, huma se jiżviluppaw ħiliet fl-għoti tas-servizz tat-traduzzjoni, inklużi l-marketing, ir-relazzjonijiet mal-klijent, time and budget management u invoicing. Huma se jiksbu kompetenzi lingwistiċi u interkulturali , inkluża l-ħila li jqassru t-testi u jifhmu l-presuppożizzjonijiet jew l-allużjonijiet, eċċ. Huma se jkunu jafu kif ifittxu għall-informazzjoni u jiżviluppaw kemm i l-kompetenza teknoloġika tagħhom (l-għodda tat-traduzzjoni u t-terminoloġija, id-database management, eċċ) kif ukoll l-kompetenza tematika (għarfien ta' oqsma ta' speċjalizzazzjoni u l-applikazzjonijiet). Wieħed jista' jara reġistrazzjoni tal-konferenza fuq: http://scic.ec.europa.eu/str/basic/charduri/ The conference can be viewed on 8 December from 9:30 to 16:00 and on 9 December from 9:30 to 12:00 and from 15:00 to 17:30. Il-lista tal-programmi tat-traduzzjoni magħżulin fin-netwerk hija disponibbli fis-sit : http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/emt/network/index_en.htm . Għal aktar tagħrif dwar il-proġett tal-EMT: http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/emt/index_en.htm