IP/09/1926 Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2009 Inqajmu mill-ġdid is-swieq tax-xogħol milquta mill-kriżi Skont rapport maħruġ illum mill-Kummissjoni Ewropea, il-miżuri ta’ rispons għall-kriżi u l-appoġġ finanzjarju tal-UE għenu kontra l-impatti negattivi li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku seta' jħalli fuq is-swieq tax-xogħol fl-UE tul l-2009. Dawn il-miżuri, madankollu, iridu jkunu koerenti mar-riformi fil-qasam tal-impjiegi mmirati għal medda twila ta' żmien bi tħejjija ħalli jirnexxielna noħorġu mill-kriżi. L-abbozz tar-‘Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi’ se jiddiskutuh il-ministri inkarigati mill-impjiegi u l-affarijiet soċjali fi ħdan il-Kunsill f'Marzu 2010 u se jikkontribwixxi għall-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi sal-2020, li mistennija tiġi adottata mill-mexxejja tal-UE fir-Rebbiegħa tal-2010. Fi kliem il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso, “Il-miżuri koordinati u l-appoġġ fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri kkontribwew b’mod sinifikanti sabiex jistabbilixxu l-ekonomiji u jrażżnu ż-żidiet fil-qgħad tul l-2009. Madankollu, issa jeħtieġilna nevitaw li jkomplu jintilfu l-impjiegi filwaqt li noħolqu mill-ġdid il-postijiet tax-xogħol li ntilfu matul il-krizi”. “Jeħtieġ li nħarsu 'l quddiem u nkomplu bl-istrateġija koordinata tagħna ħalli niżguraw is-sostenibbiltà tal-impjiegi u t-tkabbir fuq medda twila ta' żmien. Permezz tal-istrateġija futura tagħna UE2020 se nsaħħu mill-ġdid l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna u nwasslu biex l-Unjoni Ewropea ssir ekonomija aktar b’saħħitha, ambjentali u inklużiva.” Il-Kummissarju inkarigat mill-Impjiegi Vladimír Špidla żied: “Il-bilanċ bejn il-miżuri fuq medda qasira ta’ żmien u r-riformi mmirati għat-tul, issa sar l-isfida ewlenija għall-politiki tal-UE dwar l-impjiegi. Jeħtieġilna li l-miżuri li ħadna bħala rispons għall-kriżi nsaħħuhom, nagħtuhom direzzjoni ġdida u mbagħad inneħħuhom gradwalment ħalli ntejbu l-flessibbiltà u s-sigurtà tas-swieq tax-xogħol tal-UE u nsawru ekonomija iktar flessibbli f'każ li jfeġġu kriżijiet oħra fil-ġejjieni." L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-Kummissjoni jippreżenta analiżi ta' azzjonijiet li ttieħdu madwar l-UE sabiex jinżammu l-impjiegi u jiġu assistiti dawk li jiffaċċjaw id-diffikultajiet filwaqt li jagħti titwila lejn l-isfidi li għad għandna quddiemna. Wara t-twegħir qawwi fis-swieq tax-xogħol fl-2009 minħabba n-nuqqas fir-ritmu ekonomiku, il-qgħad mistenni li jkompli jikber tul is-sena d-dieħla fil-pajjiżi kollha tal-UE, anke jekk b'mod aktar imrażżan. Minkejja li l-ekonomija mistennija tirpilja gradwalment tul is-sentejn li jmiss, is-swieq tax-xogħol jieħdu iktar żmien biex jirriflettu dan. Ċerti gruppi ntlaqtu partikolarment ħażin: iż-żgħażagħ, il-migranti u l-ħaddiema mhux tas-sengħa. L-Istati Membri qawwew sew il-politiki soċjali u tal-impjiegi tagħhom skont it-tliet prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Impjiegi, biex wasslu għal stimolu immedjat lill-ekonomija u pproteġew il-gruppi vulnerabbli mill-impatt tal-kriżi. Is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi ssaħħu f’bosta pajjiżi sabiex ilaħħqu maż-żieda fil-qgħad u l-appoġġ finanzjarju tal-UE mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni għen b'mod sostanzjali lill-Istati Memrbi sabiex jiffinanzjaw l-azzjonijiet kontra l-kriżi. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali taw xhieda tal-effettività tagħhom: stabbilizzanti awtomatiċi taffew l-impatti soċjali immedjati tal-kriżi ekonomika, minkejja li dan seħħ fi gradi differenti madwar l-UE. Ħilet l-Istati Membri sabiex jissodisfaw id-domanda li kull ma jmur qed tikber għas-sigurtà soċjali tvarja bil-bosta, b'enfasi fuq il-ħtieġa li jkun hemm politiki b'saħħithom ħalli dawk bla xogħol jingħataw impjieg. It-triq ’il quddiem L-isfida ewlenija għall-UE u l-Istati Membri issa hija li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-irkupru sostenibbli tas-suq tax-xogħol. Strateġiji ta' ħruġ b'suċċess li jħejju kemm lill-indvidwi kif ukoll lill-kumpaniji ħalli minn naħa jilqgħu għall-isfidi strutturali, u min-naħa l-oħra jissodisfaw politiki pubbliċi effiċjenti biex jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol, huma element ewlieni biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u impjiegi aħjar. Ir-rapport imressaq mill-Kummissjoni se jiġi diskuss mill-Ministri tal-UE inkarigati mill-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-laqgħa tal-Kunsill tat-8-9 ta’ Marzu 2010 dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Konsumaturi u se jservi ta’ input għal ħidmet il-Kummissjoni u l-Istati Membri bi tħejjija għall-istrateġija tal-UE2020 f’waqtha għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010 fil-25 ta’ Marzu. Dan isegwi l-passi tar-rapport tal-2009 dwar l-Impjiegi fl-Ewropa, li janalizza f’aktar dettall ix-xejriet riċenti fis-swieq tax-xogħol tal-UE (ara IP/09/1803 ). Ara wkoll MEMO/09/554 Għal aktar tagħrif L-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=654&furtherNews=yes Ir-Rapport dwar l-Impjiegi fl-Ewropa 2009 http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=119&langId=mt Monthly Labour Market Monitor http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=120&langId=mt Inkiteb bla ħlas fin-newsletter bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-opportunitajiet indaqs http://ec.europa.eu/social/e-newsletter