IP/09/362 Brussell, 6 ta' Marzu 2009L-ue, l-Indja, it-tnejn bi 23 lingwa uffiċjali, jiffirmaw dikjarazzjoni flimkien dwar il-multilingwiżmuIllum, is-Sur Leonard Orban se jiffirma Dikjarazzjoni Bi Sħab dwar il-multilingwiżmu mal-Gvern tal-Indja, rappreżentat mill-Onor Ministru tal-Istat is-Sinjura Daggubati Purandeshwari. B'din id-Dikjarazzjoni l-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tal-Indja qed jimmiraw li jsaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu tagħhom dwar temi ewlenin, fosthom id-diversità lingwistika u d-djalogu interkulturali; l-impatt tal-lingwi fuq il-kapaċità għall-impjieg, il-kompetittività tan-negozju u l-koeżjoni soċjali; it-tagħlim tal-lingwi tul il-ħajja; teknoloġiji ġodda għat-tagħlim tal-lingwi; u terminoloġija. "L-esperjenza tal-Indja f'li tlaħħaq mad-diversità lingwistika hija unika fid-dinja u nemmen li l-UE u l-Indja jistgħu jitgħallmu mingħand xuxlin f'dan il-qasam," qal Leonard Orban, il-Kummissarju Ewropew għall-Multilingwiżmu. Din id-Dikjarazzjoni bi Sħab qed issegwi s-Samit bejn l-UE u l-Indja li sar f'Marsilja fid-29 ta' Settembru 2008, fejn il-mexxejja tal-UE u l-Indja kkommettew ruħhom li jiżviluppaw djalogu dwar il-promozzjoni tal-lingwi, id-djalogu interkulturali u l-multilingwiżmu. L-ewwel pass lejn dan id-djalogu nkiseb f'Diċembru 2008 bil-konferenza dwar "Il-Multilingwiżmu u d-Djalogu Kulturali fil-Globalizzazzjoni" li sar fi New Delhi, l-Indja, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008. Il-Konferenza kienet organizzata bi sħab mill-Kummissjoni Ewropea, l-Ambaxxata Franċiża, taħt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Nazzjonali Indjana dwar l-Għerf u l-Unjoni Ewropea tal-Istituti Nazzjonali għall-Kultura (EUNIC-India Cluster). L-Università ta' Delhi għoġobha tospita l-Konferenza fil-bini tagħha. Għal aktar informazzjoni dwar il-Konferenza jekk jogħġbok ara http://ec.europa.eu/education/languages/news/news3134_en.htmB'popolazzjoni ta' madwar 1.1 biljun ruħ, l-Indja tirrappreżenta eżempju uniku ta' diversità etnika, soċjokulturali u reliġjuża li ġġib magħha diversità lingwistika tassew rikka. Skont ir-Rapport taċ-Ċensiment 2001, hemm 29 lingwa mitkellma minn aktar minn miljun kelliem nativ, 122 lingwa b'mill-inqas 10 000 nies jitkellmuhom u 234 lingwa oħra li huma mitkellma minn għadd żgħir ta' nies. Il-Kostituzzjoni Indjana tiddikjara li l-Ħindi huwa l-lingwa uffiċjali tal-unjoni. L-Ingliż jista' jintuża għal finijiet uffiċjali u l-pajjiż għandu 22 lingwa reġjonali uffiċjali. Din id-diversità lingwistika rikka ilha fatt tal-ħajja tul l-istorja tal-Indja u hija meqjusa lokalment bħala waħda pjuttost naturali. Din is-similarità fil-qasam lingwistiku mal-Unjoni Ewropea tagħmel lill-Indja interlokutur privileġġjat għall-Ewropa fil-qasam tal-multilingwiżmu. Din id-Dikjarazzjoni bi Sħab tagħti lok għal dibattitu regolari u skambju ta' prattiċi tajba.