IP/09/510 Brussell, il-31 ta’ Marzu 2009L-Ambjent: l-UE tiċċelebra għeluq it-30 sena tad-Direttiva dwar l-GħasafarL-ewwel liġi tal-UE fuq in-natura, id-Direttiva dwar l-Għasafar, tiċċelebra għeluq it-30 sena tagħha fit-2 ta’ April. Il-leġiżlazzjoni hija waħda mill-akbar kisbiet tal-politika ambjentali Ewropea, u tinsab fil-qalba tal-istrateġija tal-UE biex ma nibqgħux nitilfu l-bijodiversità. Id-Direttiva dwar l-Għasafar kellha rwol ewlieni biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis fl-għadd ta’ wħud mill-għasafar l-aktar mhedda tal-Ewropa, b’mod speċjali permezz tan-netwerk tagħha ta’ Siti Speċjali Protetti (SPAs). Bis-saħħa ta’ azzjonijiet immirati min-naħa tal-Unjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali, il-konservazzjonisti u l-voluntiera li jimplimentawha fil-prattika, bosta għasafar issa għandhom ġejjieni bil-wisq aktar pożittiv. Dawn jinkludu l-Paletta (Platalea leucorodia), l-Ajkla tad-Denb Abjad (Haliaeetus albicilla)u l-Ajkla Imperjali Spanjola (Aquila adalberti). Illum hemm aktar minn 5 000 Sit Speċjali Protett, li jinfirxu fuq aktar minn 10% tal-artijiet tal-UE. Huma parti integrali min-netwerk ekoloġiku Natura 2000. Id-Direttiva dwar l-Għasafar hija eżempju eċċellenti tar-reponsabbiltà konġunta u tal-kooperazzjoni bejn is-27 Stat Membru tal-UE. Il-Kummissarju għall-Ambjent, Stavros Dimas, qal: “Id-Direttiva dwar l-Għasafar hija waħda mill-aqwa suċċessi tal-politika ambjentali tal-UE. Hija espressjoni prattika tal-impenn tagħna favur il-konservazzjoni tal-bijodiversità dinjija. L-għasafar mhux biss huma parti sabiħa u imprezzabbli tal-wirt naturali tagħna, imma huma wkoll indikaturi vitali tas-saħħa tal-ambjent. L-għasafar selvaġġi tal-Ewropa bbenefikaw bil-kbir mill-istandards għoljin li tipprovdi d-Direttiva. Għad hemm xi sfidi importanti li jeħtiġilna negħlbuhom biex niżguraw li fit-tul ikollna popolazzjonijiet b’saħħithom tal-għasafar. Id-Direttiva dwar l-Għasafar għadha rilevanti llum daqs kemm kienet 30 sena ilu, u għal snin twal fil-ġejjieni se tkompli taqdi funzjoni ewlenija fit-twettiq tal-politika tagħna favur il-bijodiversità.” Id-Direttiva dwar l-Għasafar – storja ta’ suċċess Tletin sena wara l-adozzjoni tagħha, id-Direttiva dwar l-Għasafar għadha l-aktar biċċa importanti tal-leġiżlazzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-għasafar. Mill-politiki ambjentali tal-UE, hija wkoll fost l-aktar li rnexxew. Studju ppubblikat fir-rivista Science ikkonferma li tat kontribut sinifikanti biex waqqfet it-tnaqqis ta' wħud mill-aktar għasafar mhedda tal-Ewropa. It-titjib fil-qagħda ta’ għasafar bħal-Kanġu ta’ Zino (Pterodroma madeira), il-Pellikan tad-Dalmazja (Pelecanus crispus) u l-Margun Nanu (Phalacrocorax pygmaeus) seħħ l-aktar bis-saħħa tas-Siti Speċjali Protetti (SPAs). Netwerk ta’ kważi 5 000 SPAs ikopri aktar minn 10% tal-artijiet Ewropej, kif ukoll firxiet sostanzjali ta’ ilmijiet kostali. Id-Direttiva dwar l-Għasafar hija eżempju eċċellenti ta’ kooperazzjoni internazzjonali li rnexxiet. Meta ġiet adottata fl-1979, l-UE kienet magħmula minn biss disa’ Stati Membri. Illum il-kooperazzjoni tinfirex fuq l-UE mwessgħa, b’SPAs f’kull wieħed mis-27 pajjiż tagħha. L-istess regoli dwar il-protezzjoni tal-għasafar japplikaw fl-UE kollha kemm hi. Il-Kummissjoni dawn ir-regoli timplimentahom rigorożament, u jekk ikun hemm bżonn saħansitra tfittex lill-Istati Membri fil-qrati. Id-Direttiva dwar l-Għasafar għarfet l-importanza tal-attivitajiet umani, bħalma huma l-kaċċa, is-sajd u l-agrikoltura, li jitwettqu f’kuntatt man-natura. Ħafna mill-artijiet koperti bin-netwerk Natura 2000 x’aktrx li jibqgħu proprjetà privata, b’enfasi fuq l-iżgurar li l-ġestjoni futura tkun sostenibbli, kemm mil-lat ekoloġiku kif ukoll minn dak ekonomiku. L-isfidi quddiemna Minkejja dan il-progress, id-diversità rikka tal-UE ta’ aktar minn 5 000 speċi ta’ għasafar selvaġġi għadha taħt pressjoni serja. Skont l-aħħar studji xjentifiċi, 43% tal-ispeċijiet tal-għasafar Ewropej huma mhedda jew inkella qed jiffaċċaw tnaqqis serju. Dan jippreżenta sfida kbira għat-tlestija tan-netwerk Natura 2000, inkluż il-komponent tagħha fil-baħar. Hemm ukoll ħtieġa għal aktar protezzjoni ta’ għasafar komuni li jiddependu fuq il-kampanja usa’. Tibdiliet fil-politiki agrikoli wasslu għal tnaqqis xejn pożittiv tal-għasafar tar-raba’. L-għadd tagħhom naqas b’madwar 50% mill-1980 ‘il hawn. Minkejja li dan l-għadd issa qed jistabbilizza, għad hemm xi jsir biex ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-għasafar jiġu integrati fil-politika agrikola u f’oħrajn, biex terġa’ tissewwa l-qagħda ta’ speċijiet importanti bħall-Pitarra (Tetrax tetrax) u l-Gallozz aħmar (Crex crex). Is-saħħa tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi hija sintomatika tal-pressjonijiet usa’ li jaffettwaw il-bijodiversità, fosthom it-tibdil fil-klima. Diġà hemm evidenza ta’ bidliet fid-distribuzzjoni ta’ xi popolazzjonijiet ta’ għasafar. Hija sfida ewlenija għall-ġejjieni li niżguraw li n-natura jkollha spazju adegwat, u li nadattaw il-konservazzjoni tal-għasafar għal klima li qed tinbidel. Id-Direttiva dwar l-Għasafar qed tgħin ukoll biex l-UE twettaq l-impenji internazzjonali tagħha favur l-għasafar tal-passa. Minħabba li bosta speċijiet jgħaddu parti minn ħajjithom barra mill-Ewropa, huwa essenzjali li naħdmu ma’ pajjiżi oħra fir-rotta tal-passa, biex inkunu nistgħu nagħtu l-protezzjoni meħtieġa ħalli niżguraw popolazzjonijiet b’saħħithom tal-għasafar. L-isfond Id-Direttiva dwar l-Għasafar ġiet adottata b’risposta għat-tħassib dejjem jiżdied dwar it-tnaqqis fil-popolazzjoniiet tal-għasafar selvaġġi fl-Ewropa minħabba t-tniġġis, it-telf tal-ħabitat u l-attivitajiet mhux sostenibbli. Kienet ukoll għarfien tal-fatt li l-għasafar selvaġġi, li ħafna minnhom huma tal-passa, huma wirt komuni tal-Istati Membri u li l-konservazzjoni tagħhom kienet titlob il-kooperazzjoni internazzjonali.Għal aktar dettalji, ara s-sit (bl-Ingliż): http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/birdsdirective/index_en.htm