IP/09/718 Brussell, 7 ta’ Mejju 2009Is-Samit tal-UE dwar l-Impjiegi jaqbel fuq modi ta' azzjoni biex tiġi ttrattata ż-żieda fil-qgħadIllum l-UE organizzat samit speċjali fi Praga ddedikat għal kif se jiġi ttrattat l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq ix-xogħlijiet fl-Ewropa. Il-Presidenzi tat-Trojka (il-gvernijiet Ċeki, Żvediżi u Spanjoli) ingħaqdu mal-Kummissjoni Ewropea, ma' min iħaddem u mas-sindikati biex ilaqqgħu l-aħjar ideat dwar kif jistgħu jgħinu lin-nies iżommu l-impjiegi tagħhom u kif jistgħu jgħinuhom isibu triqthom lura għal xogħlijiet ġodda. Is-samit identifika għaxar azzjonijiet li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-qgħad u għall-ħolqien ta' xogħlijiet ġodda. Il-Kummissjoni se tibni fuq id-diskussjonijiet tas-samit waqt li tifformola l-kontribut tagħha lill-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta' Ġunju. Il-President Barroso qal: Is-samit tal-UE dwar l-impjiegi li sar illum huwa pass sinifikanti lejn aktar azzjoni dwar l-impjiegi li tkun ikkoordinata b'mod aħjar. Aħna ma nistawx nipprevjenu din il-kriżi milli tikkawża l-qgħad. Imma jekk naġixxu issa nistgħu nnaqqsu t-telf ta' impjiegi, u ngħinu lil miljuni ta' nies biex isibu xogħolijiet ġodda u aħjar. Li naġixxu issa jfisser ukoll li nkunu qed inwittu t-triq għal irkupru sostenibbli. L-azzjoni tal-UE dwar l-impjieg la se tibda u lanqas se tieqaf mas-samit tal-lum. Imma bis-samit tal-lum aħna qed ngħidu liċ-ċittadini li aħna rridu li l-impjiegi tagħhom ikunu l-għan numru wieħed tal-Ewropa. Jiena nappella lill-Istati Membri kollha biex jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien biex jitħaffef ir-ritmu tal-azzjoni dwar l-impjiegi." "L-ewwel prijorità tagħna f'din il-kriżi huma n-nies - li ngħinuhom iżommu x-xogħlijiet tagħhom u li nerġgħu nsibulhom xogħlijiet malajr kemm jista' jkun. Aħna rridu nużaw l-għodda kollha għad-dispożizzjoni tagħna biex nillimitaw l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija reali, u fuq in-nies u b'mod partikolari fuq l-għajxien tagħhom" qal Vladimir Špidla, il-Kummissjarju tal-UE għall-Impjiegi. "Dan is-samit kien pass importanti fid-determinazzjoni ta' kif l-aħjar nittrattaw il-qgħad u kif noħolqu xogħlijiet ġodda. L-istrateġija tagħna għandha tkun ibbażata fuq djalogu soċjali b'saħħtu, filwaqt li naġixxu flimkien u noħolqu sinerġija bejn il-politiki soċjali u ekonomiċi. M'hemmx bilanċ bejn valuri soċjali fundamentali u suq intern kompetittiv." Is-samit wera li hemm qbil wiesa' bejn il-parteċipanti dwar it-triq 'il quddiem. Il-messaġġi ewlenin li kien hemm qbil dwarhom jenfasizzaw li kull azzjoni li se tittieħed fil-futur dwar l-impjiegi għandha tkun iggwidata min-numru ta' prinċipji u għandha ikollha l-għan li żżomm n-nies fl-impjiegi tagħhom u li toħloq xogħlijiet; iżżid l-aċċess għall-impjiegi speċjalment għaż-żgħażagħ u ttejjeb l-ħiliet, tqabbel il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u tippromwovi l-mobilità. Qed jiġi ssuġġerit li għaxar azzjonijiet konkreti, li jindirizzaw kemm l-isfidi fuq medda qasira ta' żmien kif ukoll dawk fuq medda twila, jiġu implimentati kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew flimkiem mal-imsieħba soċjali:1. Jinżammu kemm jista' jkun possibbli nies f'xogħlijiet, b'aġġustament temporanju fis-siegħat ta' ħidma flimkien ma' taħriġ mill-ġdid u mogħtija sostenn permezz ta' fondi pubbliċi (inkluż mill-Fond Soċjali Ewropew). 2. Jitħeġġeġ l-intraprenditorjat u l-ħolqien tal-impjiegi, eż. billi jitnaqqsu l-ispejjeż mhux relatati mal-pagi tax-xogħol u flessigurtà; 3. Tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi ta' impjiegi nazzjonali billi jingħata servizz intensiv ta' pariri, taħriġ u tfittxija ta' xogħol fl-ewwel ġimgħat ta' qgħad, speċjalment għaż-żgħażagħ bla xogħol. 4. Żieda b'mod sinifikanti fin-numru ta' apprendistati ta' kwalità għolja u ta' taħriġ sal-aħħar tal-2009. 5. Jitħeġġu s-swieq tax-xogħol li huma aktar inklussivi billi jiġu żgurati inċentivi għax-xogħol, politiki effettivi għal suq tax-xogħol attiv u modernizzazzjoni ta' sistemi li joffru protezzjoni soċjali li jwasslu wkoll għal integrazzjoni aħjar ta' gruppi żvantaġġati inklużi persuni b’diżabilità, persuni bla sengħa u l-emigranti. 6. Jitjiebu l-ħiliet fil-livelli kollha flimkien ma' tagħlim li jissokta matul il-ħajja, biex b'mod partikolari dawk li jħallu l-iskola jingħataw il-ħiliet neċessarji biex isibu impjieg. 7. Il-mobilità tax-xogħol tintuża biex ikun hemm bilanċ bejn il-provvista u d-domanda għall-ħaddiema biex jinkiseb l-aħjar riżultat. 8. Identifikazzjoni tal-opportunitajiet ta' xogħol u rekwiżiti ta' ħiliet, u titjib tat-tbassir tal-ħiliet sabiex tinkiseb offerta tajba għal taħriġ. 9. Għajnuna lil persuni bla xogħol u liż-żgħażagħ biex jibdew in-negozju tagħhom, eż. billi jingħataw taħriġ dwar sostenn ta' negozju u kapital biex jibdew bih, jew billi titnaqqas jew tkun eliminata t-tassazzjoni għall-impriżi l-ġodda. 10. Antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni permezz ta' tagħlim reċiproku u skambju tal-aqwa prassi.Is-samit iddiskuta wkoll kif l-azzjoni f'livell nazzjonali kif ukoll dik f'livell Ewropew jistgħu jaħdmu flimkien biex jinkiseb l-aħjar riżultat, u kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu tal-għodda u r-riżorsi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropej u l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni Ewropea. Iż-żewġ fondi ġew irreveduti dan l-aħħar biex l-effettività tagħhom tkun immassimizzata fi żmien ta' kriżi. Biex tipprepara s-samit, il-Kummissjoni Ewropea organizzat serje ta' workshops mal-Presidenzi attwali u futuri tal-UE (li nżammu f'Madrid fil-15 ta' April, fi Stokkolma fl-20 ta' April u fi Praga fis-27 ta' April). B'żieda ma' dan, inżamm dibattitu speċjali fil-Parlament Ewropew fi Brussell fil-5 ta' Mejju. Dan il-proċess ta' konsultazzjoni ġabar fehmiet mill-iżjed firxa wiesgħa possibbli ta' partijiet interessati inklużi l-imsieħba soċjali fil-livelli kollha, rapreżentanti minn diversi istituzzjonijiet tal-UE, Stati Membri, servizzi ta' impjiegi nazzjonali, akkademiċi u s-soċjetà ċivili. Għal aktar informazzjoni: Messaġġi ewlenin tas-samit dwar l-Impjiegi http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=88&langId=en&eventsId=173&furtherEvents=yesConsolidated report from the preparatory workshops http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=2623&langId=en MEMO/09/223 fuq is-samit dwar l-Impjiegi Il-websajt fi żmien ta' kriżi tal-President Barroso: http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/focus/credit_crunch/index_en.htm Il-websajt ta' DĠ Impjiegi / Il-Kummissarju Spidla dwar l-impatti soċjali tal-kriżi: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=736 Infoklipp: Reċessjoni Ekonomika l-061271: Impjiegi: IP/09/703: It-triq għall-irkupru: Il-Politika ta' Koeżjoni se tgħin lill-Ewropa biex toħroġ mill-kriżi, jgħidu l-Kummissarji Hübner u Špidla: MEMO/09/221: Reviżjoni tal-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni Ewropea (EGF):