IP/09/723 Brussell, 8 ta' Mejju 2009Politika ta' Koeżjoni ta' Klassi Dinjija: Il-Kummissarju Hübner tindirizza l-ewwel konferenza ta' livell għoli dwar il-governanza reġjonali fil-kuntest globaliFil-11 ta' Mejju, il-Kummissarju għall-Politika Reġjonali Danuta Hübner se tkun il-kelliema ewlenija f'konferenza fi Brussell li se tiffoka fuq "il-Governanza Reġjonali f'Kuntest Globali." Il-konferenza, li se tkun l-ewwel avveniment ta' dan it-tip, se tlaqqa' 300 parteċipant inklużi presidenti ta' reġjuni Ewropej u rappreżentanti tal-Brażil, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Kanada, il-Paragwaj, is-Senegal, il-Burkina Faso u pajjiżi oħrajn, flimkien ma' għaqdiet reġjonali bħall-OLAGI (Gvernijiet Intermedji tal-Amerika Latina) u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent. L-għan tal-avveniment huwa li wieħed jara l-esperjenza tal-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u politiki simili f'partijiet oħra tad-dinja, fil-kuntest ta' interess dejjem jikber fil-politika fi ħdan ir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Tema ewlenija se tkun kif se jiġu organizzati sistemi iktar effettivi ta' governanza biex jiġu żgurati li politiki ta' żvilupp reġjonali jilħqu l-impatt massimu tagħhom. Qabel il-konferenza, il-Kummissarju Hübner qalet: "Pajjiżi minn madwar id-dinja jħabbtu wiċċhom ma' sfidi simili, fuq quddiem fosthom il-kriżi ekonomika globali imma wkoll il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, ir-riskji ġejjin mill-bdil fil-klima u tħassib dwar is-sigurtà tal-enerġija. Fl-Unjoni Ewropea, qegħdin niżviluppaw sħubijiet ma' pajjiżi li qegħdin barra l-UE li jwasslu għal benefiċċji għaż-żewġ partijiet. Qed naraw li ħafna pajjiżi qed juru interess dejjem jikber fil-mudell ta' Politika ta' Koeżjoni tal-UE u s-suċċess tagħha fit-trawwim ta' opportunitajiet u żvilupp reġjonali bbilanċjati. Din il-konferenza tipprovdi opportunità eċċellenti għall-qsim ta' esperjenzi u tagħlim minn xulxin." Il-konferenza ta' jumejn hija organizzata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika Reġjonali b'kooperazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Forum tal-Assoċjazzjonijiet Globali tar-Reġjuni (FOGAR). Minbarra li teżamina l-esperjenza tal-UE fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni, il-konferenza se tagħti ħarsa lejn mudelli differenti ta' żvilupp, lejn modi ta' qsim ta' esperjenza f'kooperazzjoni transkonfinali, u r-rwol tar-reġjuni Ewropej fit-trawwim ta' sħubijiet ma' reġjuni fi bnadi oħra. Tagħlim mill-esperjenza tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Ewropa Fid-diskors tagħha, il-Kummissarju Hübner se tfakkar il-premessa fundamentali tal-Politika ta' Koeżjoni, jiġifieri, il-promozzjoni ta' koeżjoni ekonomika u soċjali billi jitnaqqsu d-disparitajiet fil-livell tal-iżvilupp bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Filwaqt li dan jibqa' r-rwol primarju tal-politika, l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni tal-Ewropa nbidlu matul iż-żmien u l-Kummissarju se tenfasizza kif il-politika tal-UE evolviet biex tlaħħaq mar-realtajiet il-ġodda u biex ikollha reazzjoni iktar strateġika u effettiva. Hija se tenfasizza kif l-isfidi l-ġodda tal-globalizzazzjoni, il-bdil fil-klima u l-bidla demografika għandhom dimensjoni "territorjali" qawwija li teħtieġ azzjoni fil-livell lokali u reġjonali. Il-Kummissarju Hübner se tagħfas ukoll fuq is-suċċessi ewlenin tal-Politika ta' Koeżjoni kif ukoll fuq it-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-politika, li jistgħu jkunu utli għall-pajjiżi li mhumiex fl-Ewropa. Il-konferenza hija maqsuma fuq tliet sessjonijiet ta' ħidma: L-ewwel waħda, "Reazzjonijiet reġjonali għall-isfidi globali", se tiffoka fuq il-kontribuzzjoni ta' sistemi differenti ta' governanza reġjonali għal programmi ta' żvilupp, kemm ġewwa u kemm barra l-UE. It-tieni waħda, "Ir-rwol tal-kooperazzjoni reġjonali f'dinja globalizzata", se tesplora l-involviment dejjem jikber tar-reġjuni tal-Ewropa fl-iżvilupp ta' bliet u reġjuni fil-bqija tad-dinja, u teżamina kif netwerks reġjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp u s-sostenibilità. L-aħħar sessjoni, bl-isem "Inugwaljanzi reġjonali ġo pajjiżi emerġenti", se teżamina l-iskala ta' inugwaljanzi f'partijiet differenti tad-dinja u tara jekk approċċ b'bażi ġeografika, bħall-Politika ta' Koeżjoni tal-UE, huwiex l-iktar mezz effettiv biex jiġu indirizzati inugwaljanzi bħal dawn. Nota għall-edituri L-UE ffirmat ftehimiet bilaterali maċ-Ċina, ir-Russja u l-Brażil biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fil-politika reġjonali u waslet biex tiffirma ftehim simili mal-Ukrajna fil-futur qrib. Interessi komuni jinkludu strumenti għas-sostenn tal-iżvilupp reġjonali mmexxi mill-innovazzjoni, il-klassifikazzjoni u d-definizzjoni tar-reġjuni u ppjanar tat-territorju. Il-Parlament Ewropew dan l-aħħar approva wkoll finanzjament (€2 miljun) għal proġett pilota biex jippromwovi l-Politika ta' Koeżjoni fuq skala globali. Iktar informazzjoni dwar il-konferenza tinsab fis-sit: http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/globalreggov/index_en.htmIktar informazzjoni dwar affarijiet internazzjonali fil-Politika ta' Koeżjoni tal-UE tinsab fis-sit: http://ec.europa.eu/regional_policy/international/index_en.htm