IP/09/845 Brussell, i t-28 ta' Mejju 2009 Inwasslu benefiċċji veri għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa: il-kisbiet tal-Kummissjoni 2004-2009 Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat sinteżi tal-kisbiet tagħha hekk kif qed joqorbu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ew ropew. Il-Kummissjoni Ewropea wasslet biex l-Unjoni Ewropea magħquda mill-ġdid taħdem għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha u ġabet stabbiltà u prosperità akbar f'Unjoni ta' 27 Stat Membru. Irreaġiet b'mod deċiżiv għall-kriżi finanzjarja u ekonomika. Implimentat approċċ integrat rigward il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-iżgurar tal-fornitura tal-enerġija. Il-Kummissjoni ppruvat tinfluwenza l-globalizzazzjoni b'mod li tkun inklussiva, demokratika, orjentata lejn l-estern kif ukoll aperta. Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso stqarr: "Din il-Kummissjoni, l-ewwel waħda ta' Unjoni li kibret għal 27 Stat Membru, affaċċjat uħud mill-aktar żmenijiet diffiċli li l-Unjoni Ewropea qatt għaddiet minnhom, fi żmien ta' bidla ekonomika u soċjali kbira. Il-kisbiet tagħna juru li aħna bqajna fidili lejn il-valuri u l-għanijiet ewlenin li wasslu sabiex l-Unjoni jkollha tant suċċes u li se nħallu kontribut qawwi għall-iżvilupp futur tal-proġett Ewropew. Ninsab partikolarment kburi bir-reazzjoni tagħna għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-aġenda ambizzjuża tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħolqien ta' politika Ewropea vera tal-enerġija. Issa qegħdin fuq quddiem fit-tiswir tal-globalizzazzjoni b'valuri Ewropej u fil-promozzjoni dinjija tal-interess Ewropew. Issa huwa ż-żmien għaċ-ċittadini Ewropej biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-futur fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Nistieden liċ-ċittadini Ewropej biex jużaw dan id-dritt demokratiku tagħhom." Sinteżi tal-kisbiet tal-Kummissjoni tinsab f'dokument komprensiv li ġie ppubblikat illum u li hu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Matul l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni Barroso bniet il-kredibbiltà tagħha maċ-ċittadini, l-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew. Uriet li tista' tipproponi inizjattivi ambizzjużi iżda realistiċi u li tiżgura li dawn jitwettqu. Dan għamlitu fi żmenijiet ta' tibdil istituzzjonali u ta' kriżi ekonomika. Kien hemm qbil dwar leġiżlazzjoni importanti ġdida li poġġiet is-Suq Uniku deċiżivament għas-servizz taċ-ċittadini, pereżempju, billi żiedet id-drittijiet tal-passiġġieri fil-każ tat-trasport, billi naqqset l-ispejjeż tat-telefoni ċellulari jew billi ffaċilitat ħlasijiet transfruntiera. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ssimplifikat il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea billi pproponiet li titħassar kważi 10 fil-mija mil-leġiżlazzjoni superfluwa u li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq in-negozju, b'mod partikolari fuq l-impriżi żgħar u ta' daqs medju. L-enfasi tal-Kummissjoni fuq it-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-istrateġija mġedda ta' Liżbona u tal-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir poġġiet lill-Ewropa f'pożizzjoni aħjar biex tirreaġixxi għall-kriżi ekonomika, finanzjarja u fl-impjiegi li għaddejja bħalissa. Il-Kummissjoni kienet l-ewwel istituzzjoni internazzjonali li ppreżentat pjan ta' rkupru kredibbli u hija mexxiet ir-reazzjoni rigward assi mgħarrqa, ir-rikapitalizzar, l-għajnuna mill-Istat u l-miżuri biex ikun hemm irkupru minflok salvataġġ f'setturi speċifiċi, bħal pereżempju s-settur tal-karozzi. Il-Kummissjoni qiegħda tmexxi l-ġlieda fil-livell tal-G-20 u fil-livell Ewropew permezz tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport de Larosière. Il-Kummissjoni Barroso mexxiet il-bidla kunċettwali fl-approċċ tal-Ewropa lejn it-tibdil fil-klima u l-enerġija. Bil-pakkett ambizzjuż ta' miżuri leġiżlattivi mħejji mill-Kummissjoni Barroso, l-Ewropa żvelat li hija lesta li tmexxi u li se tkompli tagħmel dan fil-preparazzjoni għat-taħdidiet ta' Kopenħagen dwar it-tibdil fil-klima. Dan jiżgura li l-miżuri fuq medda qasira ta' żmien, li huma reazzjoni għall-kriżi ekonomika, jkunu għal kollox kompatibbli mal-għanijiet fit tul tagħna. Il-Kummissjoni Ewropea stinkat biex tfassal l-ambjent globali li qed jinbidel b'tali mod li jindirizza l-faqar, kwistjonijiet globali rigward is-saħħa, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Uriet l-influwenza tagħha fil-każ ta' kriżijiet fil-Ġeorġja, il-Lvant Nofsani u l-Afrika. Fl-istess ħin, investiet fl-istabbiltà reġjonali tal-viċinat tagħha u ħeġġet sħubijiet effettivi u ambizzjużi mas-setgħat globali biex jiġu difiżi l-interess Ewropew u l-valuri Ewropej. Tinħtieġ aktar ħidma. Għad trid tiġi konkluża il-Konferenza ta' Doha dwar il-Kummerċ. Il-Kummissjoni ressqet diversi proposti għar-riforma tas-swieq finanzjarji, biex jiżdiedu l-impjiegi u biex jiġu indirizzati sfidi urġenti oħra, iżda dawn għadhom jeħtieġu l-approvazzjoni finali mill-UE. Filwaqt li nkomplu naffrontaw l-effetti tal-kriżi ekonomika ta' bħalissa, jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura toħroġ Unjoni aktar b'saħħitha minnha. Ħa tibqa' iffukata fuq il-ħtieġa tar-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona, li jagħti lill-Unjoni aktar ħila biex taġixxi. Il-Kummissjoni Barroso ħadet l-inizjattiva li tipproponi soluzzjonijiet għall-problemi tal-lum. Il-pjan ta' rkupru ekonomiku, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, is-sigurtà fl-enerġija, il-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-biljun f'faċilità tal-ikel għall-iżvilupp, l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija, il-5 biljuni għal proġetti tal-enerġija u tal-faxx wiesa' għal komunitajiet rurali u l-patt tal-migrazzjoni – kollha tnisslu mill-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni wriet li l-UE tista' taħdem b'27 membru, li tista' tmexxi d-dibattitu u tagħti r-riżultati. Il-Kummissjoni kienet il-mutur li jmexxi l-aġenda Ewropea 'l quddiem. Bniet fuq il-kunsens tas-27 Stat Membru kollha f'kull Kunsill Ewropew kemm fiż-żminijiet it-tajbin u dawk il-ħżiena. Dan huwa l-wirt li se tħalli din il-Kummissjoni. Sfond Il-Kummissjoni Barroso bdiet il-ħidma tagħha fit-22 ta' Novembru 2004. Il-mandat tagħha hu ppjanat li jasal fit-tmiem tiegħu fil-31 ta' Ottubru 2009. Matul l-aħħar erba' snin u nofs, il-Kummissjoni adottat proposti leġiżlattivi ambizzjużi. Sa mill-bidu tal-2005, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rnexxielhom jaslu għal ftehim dwar 470 proposta bil-proċedura ta' kodeċiżjoni. Jista' jinkiseb aktar tagħrif dwar il-kisbiet tal-Kummissjoni f'oqsma ta' politika speċifiċi mill-uffiċċju ta' kull Kummissarju. Hemm kopja tad-dokument li jelenka l-kisbiet tal-Kummissjoni fuq: http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/priorities/bilan/index_en.htm