IP/09/851 Brussell, 29 ta' Mejju 2009 It-tibdil fil-klima: Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li kien hemm fl-2007 għat-tielet sena konsekuttiva Illum il-Kummissarju għall-Ambjent Stavros Dimas laqa' l-aħbar li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE naqsu għat-tielet sena konsekuttiva. L-inventarju tal-emissjonijiet miġbur mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-2007, l-aktar sena riċenti li hemm id-dejta sħiħa disponibbli dwarha, juri li mill-2006 lil hawn l-emissjonijiet tal-grupp tal-UE-15 niżlu b’1.6% filwaqt li l-ekonomija kibret bi 2.7%. Bis-saħħa ta’ dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-grupp tal-UE-15, il-livelli tagħhom jinsabu 5.0% taħt dawk tas-sena bażi (f’ħafna każijiet din hija l-1990). Dan ifisser li l-grupp tal-UE-15 jinsab tabilħaqq fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu skont il-Protokoll ta’ Kjoto, jiġifieri li bejn il-perjodu tal-2008 u l-2012 il-medja tal-emissjonijiet tinżamm 8% taħt il-livelli tas-sena bażi. L-emissjonijiet tal-UE-27 niżlu b’1.2% matul is-sena u jinsabu 12.5% taħt il-livelli tas-sena bażi. Il-Kummissarju Dimas qal: “It-tnaqqis riċenti tal-emissjonijiet fost il-grupp tal-UE-15 iqawwilna qalbna li se nilħqu b’suċċess il-mira tagħna ta’ Kjoto. B’iktar minn nofs l-Istati Membri tal-UE-15 li għal darb'oħra rreġistraw tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet fl-2007, it-tħassib ewlieni tagħna bħalissa huwa li niżguraw li, fil-konferenza ta' Kopenħagen li se ssir f’Diċembru, jintlaħaq ftehim ambizzjuż dwar il-klima globali għall-perjodu ta’ wara l-2012. Dan għandu joħloq qafas għat-tnaqqis tal-emissjonijiet madwar id-dinja għall-ġejjieni." Żied jgħid: “Għalkemm parti mit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE-15 fl-2007 kien riżultat tal-kundizzjonijiet tajbin tat-temp f’xi wħud mill-Istati Membri, ix-xejra ’l isfel tal-emissjonijiet li kien hemm f'dawn l-aħħar tliet snin tindika li l-politiki u l-miżuri proattivi dwar il-klima meħudin fuq livell nazzjonali u tal-UE issa bdew jagħtu r-riżultati. Il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija li ġie adottat ix-xahar li għadda jiżgura li għandu jkun hemm iktar tnaqqis fis-snin li ġejjin. It-tendenza li jonqsu l-emissjonijiet minkejja t-tkabbir ekonomiku It-tnaqqis ta’ 1.6% tal-emissjonijiet tal- UE-15 bejn l-2006 u l-2007 jaqta’ kuntrast maż-żieda ta’ 2.7% fil-PGD matul dak il-perjodu. Dan ifisser li l-UE rnexxielha tkompli tifred l-emissjonijiet mit-tkabbir ekonomiku. L-emissjonijiet kienu naqsu wkoll fis-sentejn ta’ qabel, b’0.9% fl-2005 u b’0.6% fl-2006. Ir-raġunijiet ewlenin għalfejn naqsu l-emissjonijiet fl-2007 - li ammontaw għal 64 miljun tunnellata f'ekwivalenti ta' CO 2 – kienu riżultat tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-djar minħabba li għamel temp iktar sħun u mill-industrija tal-manifattura u mill-produzzjoni tal-ħadid u l-azzar. Min-naħa l-oħra, żdiedu l-emissjonijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir ta' refriġerazzjoni u tal-arja kondizzjonata. Il-maġġoranza tas-setturi rreġistraw tnaqqis fl-emissjonijiet bejn is-sena bażi u l-2007. L-emissjonijiet mill-proċessi industrijali naqsu b'14.1%, mis-settur tal-enerġija għajr dak tat-trasport b'7.4%, mill-użu tas-solventi u prodotti oħra b'23.7%, mill-agrikoltura bi 11.3% u mill-iskart b'38.9%. Min-naħa l-oħra, b’mod ġenerali, l-emissjonijiet mit-trasport żdiedu b’23.7% u b’24.7% mis-settur tat-trasport bl-art. F’sena, l-emissjonijiet tal- UE-27 naqsu b’1.2%. B’konsegwenza, il-livelli baqgħu 12.5% taħt dawk tas-sena bażi, li għal uħud mill-Istati Membri dan il-valur huwa differenti minn dak li nkiseb fl-1990, u huwa 9.3% taħt il-livelli tal-1990 stess. It-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2006, li ammontaw għal 59.4 miljun tunnellata f’ekwivalenti ta’ CO 2 , jista’ jkun fil-biċċa l-kbira dovut għall-istess raġunijiet fil-każ tal-UE-15. Kienu rreġistrati żidiet fl-emissjonijet mal-UE-27 fis-settur tat-trasport, fil-produzzjoni tas-siment u fil-produzzjoni tal-elettriku għall-pubbliku u s-sħana, kif ukoll fit-tagħmir ta' refriġerazzjoni u tal-arja kondizzjonata Ma hija ffissata l-ebda mira dwar l-emissjonijiet għall-UE-27 skont il-Protokoll ta' Kjoto minħabba li dak iż-żmien, l-UE-12 kienu għadhom ma sarux Stati Membri. Madankollu, l-UE-12 kollha għandhom impenji individwali fil-qafas ta’ Kjoto sabiex inaqqsu l-emissjonijiet għal 6% jew 8% taħt il-livelli tas-sena bażi, ħlief għal Ċipru u Malta li ma għandhom l-ebda mira. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ġabret id-dejta, u ntbagħtet lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). Iktar tagħrif L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent www.eea.europa.eu Anness Emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’ekwivalenti tas-CO 2 (għajr il-ħażniet tal-karbonju) imqabbla mal-miri tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-2008-12 STAT MEMBRU 1990 Il-Protokoll ta’ Kjoto sena bażi 1) 2007 Bidla 2006-2007 Bidla 2006-2007 Bidla 1990-2007 Bidla sena bażi-2007 Miri 2008-12 skont il-Protokoll ta’ Kjoto u “l-qsim tal-piż fl-UE” (miljun tunnellata) (miljun tunnellata) (miljun tunnellata) (miljun tunnellata) (%) (%) (%) (%) L-Awstrija 79,0 79,0 88,0 -3,6 -3,9% 11,3% 11,3% -13,0% Il-Belġju 143,2 145,7 131,3 -5,3 -3,9% -8,3% -9,9% -7,5% Id-Danimarka 69,1 69,3 66,6 -4,4 -6,2% -3,5% -3,9% -21,0% Il-Finlandja 70,9 71,0 78,3 -1,6 -2,0% 10,6% 10,3% 0,0% Franza 562,6 563,9 531,1 -10,6 -2,0% -5,6% -5,8% 0,0% Il-Ġermanja 1215,2 1232,4 956,1 -23,9 -2,4% -21,3% -22,4% -21,0% Il-Greċja 105,6 107,0 131,9 3,8 2,9% 24,9% 23,2% 25,0% L-Irlanda 55,4 55,6 69,2 -0,5 -0,7% 25,0% 24,5% 13,0% L-Italja 516,3 516,9 552,8 -10,2 -1,8% 7,1% 6,9% -6,5% Il-Lussemburgu 13,1 13,2 12,9 -0,39 -2,9% -1,6% -1,9% -28,0% L-Olanda 212,0 213,0 207,5 -1,0 -0,5% -2,1% -2,6% -6,0% Il-Portugall 59,3 60,1 81,8 -2,9 -3,4% 38,1% 36,1% 27,0% Spanja 288,1 289,8 442,3 9,3 2,1% 53,5% 52,6% 15,0% L-Iżvezja 71,9 72,2 65,4 -1,5 -2,2% -9,1% -9,3% 4,0% Ir-Renju Unit 771,1 776,3 636,7 -11,2 -1,7% -17,4% -18,0% -12,5% L-UE-15 4232,9 4265,5 4052,0 -64,0 -1,6% -4,3% -5,0% -8,0% Il-Bulgarija 117,7 132,6 75,5 4,2 5,9% -35,8% -43,0% -8,0% Ċipru 5,5 5,5 10,1 0,2 1,6% 85,3% Mhux applikabbli Mhux applikabbli Ir-Repubblika Ċeka 194,7 194,2 150,8 1,7 1,2% -22,5% -22,4% -8,0% L-Estonja 41,9 42,6 22,0 2,8 14,8% -47,5% -48,3% -8,0% L-Ungerija 99,2 115,4 75,9 -2,9 -3,7% -23,5% -34,2% -6,0% Il-Latvja 26,7 25,9 12,1 0,4 3,5% -54,7% -53,4% -8,0% Il-Litwanja 49,1 49,4 24,7 1,9 8,1% -49,6% -49,9% -8,0% Malta 2,0 2,0 3,0 0,07 2,3% 45,7% Mhux applikabbli Mhux applikabbli Il-Polonja 459,5 563,4 398,9 -0,4 -0,1% -13,2% -29,2% -6,0% Ir-Rumanija 243,0 278,2 152,3 -1,6 -1,0% -37,3% -45,3% -8,0% Is-Slovakkja 73,3 72,1 47,0 -2,0 -4,1% -35,9% -34,8% -8,0% Is-Slovenja 18,6 20,4 20,7 0,2 0,7% 11,6% 1,8% -8,0% L-UE-27 5564,0 5759,8 5045,1 -59,4 -1,2% -9,3% -12.5% Mhux applikabbli