IP/09/941 Brussell, 17 June 2009 “Immaġina dinja ġdida" hi l-isfida tal-Kummissjoni għalik...permezz tal-fotografija Fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (SEKI) 2009, il-Kummissjoni Ewropea għadha kif nediet il-kompetizzjoni għall-aħjar ritratti bit-tema “Immaġina dinja ġdida” . Il-fotografi professjonali u dilettanti ta’ kull età minn madwar l-UE kollha qed jiġu mistiedna jesprimu l-kreattività tagħhom. Ġurija prestiġjuża se tagħżel ir-rebbieħa li għandhom jirċievu premjijiet ta' tagħmir fotografiku u ta' vjaġġi fi bliet tal-UE. Il-kompetizzjoni għandha l-websajt tagħha: www.imagine2009.eu . Il-31 ta’ Awissu 2009 hi d-data ta’ għeluq għall-preżentazzjoni tar-rittratti. L-immaġinazzjoni hi fakultà vitali għall-bniedem: L-immaġinazzjoni tgħin biex l-esperjenza tingħata tifsira u biex jinftiehem l-għerf; hu bis-saħħa tal-immaġinazzjoni li nistgħu nagħmlu sens mid-dinja. F’dawn iż-żminijiet ta’ bidla mgħaġġla, jinħtiġilna nkunu flessibbli u kreattivi, li nagħmlu użu sħiħ mill-immaġinazzjoni u l-kapaċità għall-innovazzjoni u biex nipproġġettaw lilna nfusna fil-futur. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistieden lill-fotografi professjonali u dilettanti, lill-istudenti tal-fotografija u lit-talenti l-oħra kollha biex jippreżentaw ir-ritratti tagħhom għall-kompetizzjoni ta’ fotografija bit-tema “Immaġina dinja ġdida” . Din hi miftuħa għal kull min hu residenti fi Stat Membru tal-UE, f’pajjiż kandidat jew l-Iżlanda, il-Liechtenstein jew inkella fin-Norveġja, u li jaqsam il-ħerqa tagħna għal fotografija. Il-ġurija tal-kompetizzjoni “Immaġina dinja ġdida" se tkun ippreseduta mill-Professur tal-Fotografija u President tal-Lega Ewropea tal-Istituti tal-Arti (ELIA) Chris Wainwright. Il-parteċipanti se jiġu ġġudikati minn ġurija internazzjonali ta’ professjonisti magħrufin fil-qasam tal-fotografija u tal-arti u li se jagħżlu r-rebbieħa: Claude Bussac , id-Direttur ta’ PhotoEspaña, Spanja; François Hébel , id-Direttur ta’ Rencontres d'Arles, Franza; Orsolya Kőrösi , id-Direttriċi li timmaniġġja l-Kamra Ungeriża tal-Fotografija, l-Ungerija; Vangelis Ioakimidis , id-Direttur tal-Mużew tal-Fotografija ta’ Salonika, il-Greċja; Elina Brotherus , il-fotografa u l-artista tal-vidjos, il-Finlandja; Klavdij Sluban , il-fotografu Franċiż b'oriġini Slovena. Il-pubbliku Ewropew se jintalab li jagħżel ir-rebbieħ tal-“Premju l-Favorit tal-Pubbliku” permezz ta’ proċess ta’ votazzjoni onlajn. L-erba’ rebbieħa tal-kompetizzjoni se jirċievu premjijiet importanti li jinkludu kameras, tagħmir fotografiku, vjaġġi fi bliet Ewropej u rikonnoxximent wiesa' tat-talent tagħhom fix-xena Ewropea. Il-kompetizzjoni tar-ritratti hi waħda minn diversi avvenimenti organizzati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni 2009 (SEKI). Permezz tas-slogan " Immaġina, Ikkrea, Innova ", is-SEKI 2009 għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-kreattività u tal-innovazzjoni bħala kompetenzi prinċipali għall-iżvilupp personali, soċjali u ekonomiku. Bl-enfasi fuq il-kreattività u l-innovazzjoni, l-UE għandha l-għan li ssawwar il-ġejjieni tal-Ewropa f'kompetizzjoni globali billi tinkoraġġixxi l-potenzjal kreattiv u innovattiv f'kull wieħed u waħda minna. Biex tkun taf aktar: Il-websajt uffiċjali tal-kompetizzjoni: www.imagine2009.eu Il-websajt uffiċjali tas-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni http://create2009.europa.eu