IP/09/948 Brussell, 18 ta' Ġunju 2009 Liv għall-ġenituri: L-imsieħba soċjali Ewropej jiffirmaw reviżjoni tal-ftehim qafas Il-ftehim qafas il-ġdid konkluż mill-imsieħba soċjali Ewropej iżid it-tul ta' liv tal-ġenituri minn tlieta għal erba' xhur għal kull ġenitur u japplika għall-ħaddiema kollha impjegati, indipendentement mill-forma tal-kuntratt tagħhom. Il-ftehim huwa riżultat ta' sitt xhur negozjati bejn I-imsieħba soċjali u jirrifletti l-bidliet li seħħew fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol mindu kien iffirmat l-ewwel ftehim qafas għal-liv tal-ġenituri fl-1995. Vladimír Špidla, il-Kummissarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs, dalgħodu attenda għall-firma uffiċjali. "Dan il-ftehim huwa l-prova li s-sħubija soċjali Ewropea taħdem u tipproduċi riżultati konkreti għall-ħaddiema u għall-intrapriżi fl-Ewropa," saħaq Vladimír Špidla, il-Kummissarju għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs. Huwa żied jgħid: "Dan il-ftehim jilħaq b'mod konkret waħda mill-miri prijoritarji għall-ugwaljanza tan-nisa u tal-irġiel u juri rieda biex jinstabu soluzzjonijiet biex jitjieb l-ekwilibriju bejn il-ħajja fil-familja u l-ħajja professjonali, konsiderazzjoni totali tad-diversità fl-oqfsa regolamentarji nazzjonali, tal-prattiki u t-tradizzjonijiet. " Il-ftehim il-ġdid dwar il-liv tal-ġenituri kien iffirmat dalgħodu mill-imsieħba soċjali Ewropej: l-ETUC, BUSINESSEUROPE, is-CEEP u l-UEAPME. Il-ftehim il-ġdid: Iżid iż-żmien tal-liv tal-ġenituri minn tlieta għal erba' xhur għal kull ġenitur. Wieħed mill-erba' xhur se jkun mhux trasferibbli minn ġenitur għal ieħor; jiċċara li huwa japplika għall-ħaddiema kollha, indipendentement mill-forma tal-kuntratt tagħhom (xogħol bi żmien determinat, xogħol part-time, u l-bqija); joffri b'mod indaqs lill-ġenituri li jmorru lura għax-xogħol wara l-liv tal-ġenituri li jitolbu adattament għall-kundizzjonijiet tagħhom tax-xogħol (pereżempju l-ħinijiet tax-xogħol); jagħti żieda ta' protezzjoni mhux biss kontra t-tkeċċija iżda wkoll kontra kull trattament mhux favorabbli minħabba l-eżerċitar tad-dritt għal-liv tal-ġenituri. Il-Kummissjoni għandha teżamina id-dispożizzjonijiet tal-ftehim. Qabel is-sajf hija se tipproponi lill-Kunsill biex il-ftehim jiddaħħal fis-seħħ b'Direttiva, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar id-djalogu soċjali. Id-direttiva għandha tkun addotata mill-Kunsill b'maġġoranza kwalifikata. L-Isfond Wara ż-żewġ fażijiet ta' konsultazzjoni fuq ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata, professjonali u fil-familja, li involvew lill-imsieħba soċjali Ewropej, l-organizzazzjonijiet tad-djalogu soċjali interprofessjonali għażlu li jinnegozjaw ftehim li jkopri l-liv tal-ġenituri. Ir-riżultat li nkiseb kien l-ewwel ftehim qafas fil-livell Komunitarju, konkluż f'Diċembru 1995, li kien segwit b'direttiva tal-Konsull fl-1996 (id-Direttiva 96/34/KE). Kważi 15-il sena wara, meta qiesu li kien wasal iż-żmien li jkun aġġornat il-kontenut ta' dan il-ftehim, l-imsieħba poġġew madwar mejda biex jipproduċu viżjoni riveduta. In-negozjati bdew f'Settembru 2008 u ntemmu f'Marzu 2009. Biex tkun taf aktar Aktar informazzjoni dwar id-djalogu soċjali: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=329&langId=fr Aktar informazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=418&langId=fr Ir-rapport annwali tal-2009 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel: http://ec.europa.eu/employment_social/publications/booklets/equality/pdf/eul1450_090330_bas_en.pdf Il-websajt dwar il-kampanja fuq id-differenza fil-pagi: http://ec.europa.eu/equalpay Aħbarijiet bil-vidjo: Fighting the gender pay gap in Europe http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=detail&prodid=8786&src=1 Aħbarijiet bil-vidjo: Women to the top http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=detail&prodid=8787&src=1