IP/09/1165 Brussell,20 ta’ Lulju 2009 Miguel Induráin jagħti l-appoġġ tiegħu għall-għażla tad-disinji finali tal-Logo Organiku uffiċjali tal-UE Fl-20 ta' Lulju 2009, iċ-ċelebrità taċ-ċikliżmu, Miguel Induráin, wera l-appoġġ tiegħu għall-Kompetizzjoni tal-L ogo Organiku tal-UE organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. Miguel Induráin, magħruf għar-rebħ tat-Tour de France għal ħames darbiet wara xulxin kif ukoll talli rebaħ darbtejn il-Giro d'Italia, iltaqa' mal-ġurija tal-kompetizzjoni biex jagħżlu l-aħjar sottomissjonijiet tal-logo għall-avveniment pan-Ewropew. Miguel Induráin, iben bidwi, qatta' ħajtu jtejjeb l-għarfien tiegħu tan-nutrizzjoni, u għandu esperjenza personali ta' kif dan għandu jkun applikat fil-prattika. L-ispirtu atletiku determinat tiegħu u l-konvinzjoni b'saħħitha fl-importanza ta' dieta tajba ssarrfu f'għajnuna prezzjuża lill-ġurija għad-deċiżjoni dwar liema logos jirrappreżentaw bl-aqwa mod il-prodotti organiċi u liema se jiġu ppreżentati għall-istadju finali tal-kompetizzjoni. Il-ġurija li ngħaqad magħha Miguel Induráin għall-għażla finali kienet iffurmata minn grupp ta' esperti fil-qasam tal-biedja u l-produzzjoni organika, u professjonisti tad-disinn magħrufa internazzjonalment. Fost il-membri prominenti tal-ġurija nsibu lil Erik Spiekermann, mill-Ġermanja , id-Direttur Kreattiv u Sieħeb fit-Tmexxija; Riitta Brusila-Räsänen , mill-Finlandja, Professur tad-Disinn Grafiku fl-Università ta' Lapland; Szymon Skrzypczak , mill-Polonja, disinjatur żagħżugħ rebbieħ ta' diversi premjijiet; Elisabeth Mercier , minn Franza, Direttriċi tal-Aġenzija BIO; Urs Niggli , mill-Iżvizzera, Direttur tal-Istitut ta' Riċerka fil-Biedja Organika (FiBL); Tom Václavík , mir-Repubblika Ċeka, espert tal-marketing għal prodotti organiċi u President tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Bejjiegħa ta’ Prodotti Organiċi ; u Craig Sams , mir-Renju Unit, li huwa l-President tas-Soil Association . Rob Vermeulen , li fil-passat kien il-president tal- Pan-European Brand Design Association, ippresieda l-ġurija tal-Kompetizzjoni . L-aħjar disinji magħżula se jiġu ppreżentati lill-pubbliku Ewropew sabiex ikun jista' jivvota għalihom . Id-disinji magħżula se jitpoġġew fuq is-sit http://ec.europa.eu/agriculture/organic/logo/index_mt.htm sal-aħħar tas-sena. Kull ċittadin tal-UE jista' jieħu sehem fl-għażla tal-logo rebbieħ. Il-logo l-ġdid se jibda jkun applikat fuq il-prodotti organiċi kollha mal-Unjoni Ewropea kollha minn Lulju 2010. B'kuntrast mal-logo organiku eżistenti tal-UE, li kien jintuża fuq bażi volontarja, il-logo l-ġdid se jkun obbligatorju għall-prodotti organiċi kollha li jkunu ppakkjati minn qabel u li joriġinaw mis-27 Stat Membru . Il-logo l-ġdid se jgħin biex ikompli jagħti ċertezza lill-konsumaturi Ewropej li l-prodotti li jixtru huma ta' oriġini organika ġenwina, u li l-prodotti huma ta' kwalità standardizzata mal-Unjoni Ewropea kollha.