IP/09/1166 Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009 Il-Bulgarija u r-Rumanija: Huwa meħtieġ kunsens politiku sabiex jissaħħu l-progress fuq ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni Appoġġ politiku wiesa' fost il-partiti differenti issa huwa meħtieġ sabiex jiġi sostnut il-progress fir-riformi fiż-żewġ Stati Membri. Madankollu, irid isir iżjed sabiex jinkisbu riżultati konvinċenti fir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u fil-każ tal-Bulgarija, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Din hija l-konklużjoni prinċipali li tista' tinġibed miż-żewġ rapporti adottati llum mill-Kummissjoni. Matul l-aħħar sena, ir-Rumanija ppreżentat proposti importanti għar-riforma tal-liġi kriminali, il-liġi ċivili u l-proċeduri ġudizzjarji iżda huwa meħtieġ appoġġ politiku akbar sabiex jittieħdu deċiżjonijiet effettivi mingħajr dewmien, minn ġudikatura indipendenti, dwar każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli. Il-Bulgarija bdiet tirristruttura s-servizz tal-prosekuzzjoni tagħha u b'riżultat ta' dan irreġistrat numru akbar ta' akkużi u kundanni. Fl-istess ħin, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata teħtieġ appoġġ politiku aktar qawwi – u huwa ċar li dan għandu jkun ta' prijorità għall-gvern il-ġdid. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huma meħtieġa aktar appoġġ u sorveljanza u tistieden lill-Istati Membri l-oħra sabiex ikomplu jgħinu lill-Bulgarija u lir-Rumanija fil-proċess tar-riformi. Sabiex jiggwidaw dan il-proċess, ir-rapporti jinkludu serje ta' rakkomandazzjonijiet konkreti li għandhom jiġu implimentati miż-żewġ pajjiżi matul is-sena d-dieħla. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José-Manuel Barroso, qal: "Il-progress tajjeb li nkiseb fir-riformi issa jrid jissaħħaħ permezz ta' kunsens politiku nazzjonali li jinvolvi l-partiti politiċi u l-istituzzjonijiet kollha, u permezz tal-kisba ta' riżultati aktar konvinċenti. Iċ-ċittadini fiż-żewġ pajjiżi u madwar il-bqija tal-Ewropa għandhom iħossu li ħadd mhu 'l fuq mil-liġi. Nittama li ż-żewġ gvernijiet jimplimentaw malajr ir-rakkomandazzjonijiet konkreti għal riforma li ressqet il-Kummissjoni" Bħal ma sar fir-rapporti preċedenti, l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq valutazzjoni tal-progress li sar mill-awtoritajiet Bulgari u Rumeni u fuq informazzjoni mill-Istati Membri, organizzazzjoni jiet internazzjonali, esperti indipendenti u diversi sorsi oħra. Il-Kummissjoni wettqet diversi missjonijiet fil-Bulgarija u r-Rumanija, inkluż bl-appoġġ ta' esperti ta' livell għoli minn Stati Membri oħra. Ir-rapporti jqisu wkoll ir-risposti tal-Bulgarija u r-Rumanija għal kwestjonarji dettaljati mħejjija mill-Kummissjoni. Ir-rapport dwar il-progress fil- Bulgarija jinnota bidla pożittiva fl-attitudni u jidentifika numru ta' passi tekniċi meħuda mill-Bulgarija f'rispons għar-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju 2008. Il-Bulgarija ħadet azzjoni inizjali sabiex tikseb riżultati aħjar fil-prosekuzzjoni ta' reati serji: riorganizzazzjoni tal-prosekuzzjoni u bidla fil-metodoloġija rriżultaw f’żieda fin-numru ta' nies li jitressqu l-qorti, b'mod partikolari fir-rigward ta' frodi li jirrigwarda fondi tal-UE u f'xi wħud mill-ewwel kundanni dwar kriminalità organizzata. Minbarra dan, il-Bulgarija analizzat dewmien f'każijiet kriminali serji u ħarġet rakkomandazzjonijiet biex jitnaqqas id-dewmien fil-proċeduri tal-qorti li ġew implimentati parzjalment u wasslu għall-konklużjoni ta' xi kawżi fi żmien qasir. L-ispezzjoni tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem kisbet riżultati inkoraġġanti u kkontribwiet, flimkien mal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, għal titjib fl-applikazzjoni ugwali tal-liġi. Madankollu, dawn is-sinjali ta' progress għadhom ma kellhomx impatt fuq ir-realtà ta' kuljum għall-Bulgari li għadhom mhumiex qed jaraw titjib fl-istat tad-dritt. Fil-perċezzjoni pubblika il-ġustizzja fil-Bulgarija taħdem bil-mod u xi kultant ma tkunx ekwa, u li xi prosekuturi u maġistrati huma allegatament suġġetti għal influwenza u interferenza. Il-Bulgarija għad għandha l-problema ta' Kodiċi Kriminali li mhux aġġornat maż-żminijiet, u formaliżmu eċċessiv fil-prattika ġuridika. Riforma sħiħa tal-ġudikatura għadha ma bdietx u r-riżultati pożittivi tal-isforzi riċenti għar-riforma għadhom frammentarji. Huma jeħtieġu li jiġu appoġġjati b'mod xieraq minn kunsens politiku wiesa' u strateġija konvinċenti sabiex il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni jsiru l-ogħla prijorità għall-Bulgarija. Ir-rapport isejjaħ għal impenn politiku ċar u fit-tul mill-Bulgarija sabiex jinżamm u jiżdied il-pass kurrenti tal-progress sabiex jiġu rreġistrati riżultati aktar sostanzjali fl-investigazzjoni, prosekuzzjoni u ġudizzju ta’ każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli u tal-kriminalità organizzata. Ir-rapport dwar ir- Rumanija jinnota li l-awtoritajiet irreaġixxew b'mod effettiv għat-tħassib espress fir-rapport interim tal-Kummissjoni ta' Frar 2009 bl-adozzjoni ta' Kodiċijiet Kriminali u Ċivili ġodda u billi ġew ippreżentati proposti għal riforma tal-proċeduri ġudizzjarji. Ir-riżultati pożittivi tal-prosekuzzjoni f'każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli tkomplew u ġew miżjuda b'passi sabiex titjieb is-sitwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta' persunal fil-qrati u fl-uffiċċji tal-prosekuturi u b'azzjonijiet sabiex tittejjeb il-konsistenza tal-ġurisprudenza bħal appelli fl-interess tal-liġi mressqa mill-Prosekutur Ġenerali u rakkomandazzjonijiet ta' grupp ta' ħidma. L-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità issa hija operattiva u tat riżultati pożittivi billi kompliet il-ħidma fuq dikjarazzjonijiet tal-assi filwaqt li l-ewwel kawżi ġudizzjarji mressqa mill-ANI għadhom pendenti fil-qrati. Madankollu, dawn l-isforzi għar-riforma għadhom frammentarji, għadhom ma' stabbilixxewx għeruq b'saħħithom u għadhom iridu jipproduċu riżultati prattiċi għaċ-ċittadini Rumeni. Il-Parlament għandu juri l-impenn sħiħ tiegħu favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'livell għoli. Nuqqas ta' inizjattiva biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni lokali hija apparenti. Il-ġurisprudenza għadha kontradittorja u l-varjetà ta' ordinanzi ta' emerġenza u regoli ta' implimentazzjoni toħloq inċertezza legali. B'mod ġenerali, għad m'hemmx kunsens politiku wiesa' favur ir-riforma u għad irid jintwera impenn ċar mill-partiti politiċi differenti favur progress veru. Hemm ir-riskju reali li l-konfużjoni dejjem ikbar ta' leġiżlazzjoni, regoli ta' implimentazzjoni u prattiki li jirriżultaw minn ġlied permanenti bejn il-partiti politiċi jistgħu jwasslu sabiex tiddgħajjef l-enfasi fuq l-għan finali, li huwa li tiġi stabbilita ġudikatura indipendenti. Ir-rapport isejjaħ għal kunsens politiku fir-Rumanija sabiex is-sistema ġudizzjarja tkun tista' taħdem b'mod indipendenti u jkun possibbli li investigazzjonijiet mhux partiġġjani dwar il-korruzzjoni jwasslu għal deċiżjonijiet bla dewmien u effettivi. Iż-żewġ rapporti jirrikonoxxu li aktar assistenza u monitoraġġ mill-Kummissjoni huma meħtieġa sabiex jiġi appoġġjat il-proċess ta' riforma fil-Bulgarija u r-Rumanija sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji kollha u l-mekkaniżmu għall-koperazzjoni u l-verifika jkun jista' jiġi rtirat. L-Isfond Fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet Mekkaniżmu għall-Koperazzjoni u l-Verifika biex tivvaluta l-impenji li daħlu għalihom il-Bulgarija u r-Rumanija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Il-Kummissjoni ntalbet tirrapporta dwar il-miżuri anċillari fuq bażi regolari. Il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel rapport tagħha fis-27 ta’ Ġunju 2007 u minn dak iż-żmien 'l hawn ħarġet rapporti darbtejn fis-sena. Ir-rapporti tal-Kummissjoni ppubblikati llum jagħtu valutazzjoni tal-progress li nkiseb fl-ilħuq tal-kriterji stabbiliti fi żmien l-adeżjoni dwar ir-riforma ġudizzjarja, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, fil-każ tal-Bulgarija, dwar il-kriminalità organizzata. Ir-rapporti jużaw informazzjoni mogħtija mill-Gvernijiet tal-Bulgarija u tar-Rumanija, mill-Kummissjoni u mir-rappreżentanzi tal-Istati Membri fiż-żewġ pajjiżi, minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, minn assoċjazzjonijiet u u minn esperti. Ir-rapporti tal-Kummissjoni huma ssupplimentati minn rapporti tekniċi fil-fond dwar iż-żewġ pajjiżi. Ħarsa aktar dettaljata lejn il-Mekkaniżmu għall-Koperazzjoni u l-Verifika u l-klawsoli ta' salvagwardja tinstab hawn: MEMO/07/260 . Il-kopji tar-rapporti sħaħ jinstabu hawn: http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/cvm/index_en.htm