IP/09/1305 Brussell, il-11 ta’ Settembru 2009 Strateġija tal-UE biex tittejjeb il-governanza marittima fil-Baħar Mediterran Il-Kummissjoni Ewropea illum ippreżentat strateġija mmirata biex jiġu indirizzati diversi sfidi marittimi fil-baċir tal-baħar Medite rran. Il-governanza mtejba tal-affarijiet marittimi isservi ta’ xprun importanti għal tkabbir aktar sostenibbli fir-reġjun, filwaqt li tindirizza kwistjonijiet komuni ta’ tħassib. Il-kompetizzjoni għall-ispazju tal-baħar, theddidiet għas-sikurezza marittima, degradazzjoni ambjentali u l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima lkoll jixhdu l-ħtieġa għal rispons aktar koordinat fil-governanza marittima tar-reġjun, ukoll f'kooperazzjoni mas-sħab Mediterranji li mhumiex fl-UE. Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, Joe Borg, qal: “L-iżvilupp ta’ proċessi aktar integrati ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fir-reġjun tal-Mediterran ċertament se jkun ta’ benefiċċju għall-partijiet interessati u l-amministrazzjonijiet kollha. Is-suċċess tagħna f’li niżguraw futur b’saħħtu u sostenibbli għall-industriji marittimi u l-preżervazzjoni tal-ambjent tal-baħar fir-reġjun tal-Mediterran se jiddependi fuq kemm nagħmlu sforz biex intejbu l-governanza marittima fl-aspetti kollha tagħha. L-UE trid taħdem għal politika marittima aktar integrata u inklussiva, mhux biss għall-UE, imma wkoll fi sħubija mal-ġirien kollha tagħna.” L-implimentazzjoni ta’ għodod tranżsettorjali ta' governanza fil-Mediterran Minn meta ġiet stabbilita l-Politika Marittima Integrata fl-2007, żviluppat u ppromwoviet għadd ta’ għodod li jistgħu jgħinu lill-governanza marittima, bħalma huma: L-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP), għal użu aħjar tal-ispazju tal-baħar. Il-Kummissjoni qed tniedi studju biex tivvaluta l-possibbiltà li tapplika l-MSP fil-Mediterran ( IP/08/1767 ) u se tagħtih segwitu permezz ta’ proġett ta’ ttestjar sabiex tħeġġeġ il-prattiki MSP transkonfinali. Il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM) u tal-gżejjer, u approċċ aktar koerenti tal-konfini bejn l-art u l-baħar. Il-Kummissjoni se tipprovdi inventarju bbażat fuq l-internet, tal-aqwa prattiki mill-baċiri kollha tal-baħar u se tkompli tiżviluppa l-bażi tal-għarfien fuq l-ICZM fil-Mediterran permezz tas-7 Programm ta’ Qafas tal-UE. L-isforzi integrati tar-riċerka, li l-Kummissjoni se ssaħħaħhom f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għar-Riċerka dwar il-Baħar u r-Riċerka Marittima ( IP/08/1283 ). B’mod partikolari, se tiżviluppa, taħt is-7 Programm ta’ Qafas, opportunità ta’ riċerka tematika, magħmula speċifikament għall-Mediterran. Is-sorveljanza marittima integrata sabiex il-Baħar Mediterran isir aktar sikur. Sitt Stati Membri tal-UE diġà ngħaqdu ma’ proġett pilota sabiex jittejbu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali risponsabbli għall-monitoraġġ u s-sorveljanza fuq il-baħar, li se jikkontribwixxi għal sorveljanza marittima aktar koerenti madwar il-Mediterran. Impetu għall-governanza marittima integrata Il-kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi milquta sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni hija biss nofs is-soluzzjoni. Dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet jeħtieġ li jimxu minn azzjoni settur settur għal tfassil ta’ politika komprensiva li tqis ir-rabtiet bejn attivitajiet marittimi differenti. Għalhekk, permezz ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li: Tħeġġeġ lill-partijiet interessati u lill-amministrazzjonijiet fir-reġjun biex jindirizzaw l-affarijiet marittimi b’mod aktar integrat u biex jinvolvu rwieħhom fl-istabbiliment tal-prijoritajiet għall-governanza marittima; Jeżaminaw modi biex ikomplu jrawmu l-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati u l-amminsitrazzjonijiet, kemm minn madwar is-setturi marittimi kif ukoll minn madwar il-Mediterran; Jgħinu lill-Istati Membri Mediterranji tal-UE biex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki fil-politika integrata marittima, pereżempju bl-appoġġ ta’ finanzjament eżistenti mill-UE għall-kooperazzjoni territorjali; Jipprovdu għajnuna teknika fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għall-Viċinat u ta’ Sħubija għal dawk il-pajjiżi Mediterranji li mhumiex fl-UE, u li jridu jsegwu approċċ aktar integrat għall-affarijiet marittimi ( IP/09/1113 ); Jippromwovu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS); Jistabbilixxu grupp ta’ ħidma komuni għall-baċir kollu li jittratta l-Politika Marittima Integrata sabiex irawmu d-djalogu u l-kooperazzjoni mas-sħab Mediterranji li mhumiex fl-UE; Itejbu l-kooperazzjoni tranżsettorjali multilaterali, kemm permezz ta’ studji speċifiċi kif ukoll superviżjoni aħjar tal-ftehimiet eżistenti internazzjonali u reġjonali li jirregolaw l-attivitajiet marittimi fil-Mediterran. Għal aktar tagħrif: MEMO/09/ 387 Ħolqa għall-paġna elettronika tematika: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/mediterranean_en.html