IP/09/1516 Brussell, l-14 ta' Ottubru 2009 Kosovo* - It-Twettiq tal-Perspettiva Ewropea Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li jintlaħaq stadju ġdid fir-relazzjonijiet tal-UE mal-Kosovo. Fil-komunikazzjoni tagħha 'Kosovo - It-Twettiq tal-Perspettiva Ewropea', il-Kummissjoni qed tipproponi li jinbeda proċess li għandu jwassal għall-ivvjaġġar mingħajr viżi għaċ-ċittadini tal-Kosovo u għall-bidu tat-tħejjijiet għal ftehim globali dwar il-kummerċ ladarba l-Kosovo jissodisfa l-kundizzjonijiet għal dan. Il-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir, Olli Rehn, qal: 'Id-deċiżjoni ta' llum tirrappreżenta stadju ġdid. Qed nipproponu serje ta' miżuri prattiċi sabiex ngħinu ħalli jittejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini kollha tal-Kosovo. Dawn il-miżuri se juru lill-Kosovo li l-approssimazzjoni mal-UE mhix biss xi ħaġa astratta iżda li hija tinvolvi benefiċċji ta' veru u tanġibbli għal kulħadd. Issa qed nistiednu lill-Istati Membri sabiex jaqblu mal-proposti tagħna u jaraw li l-Kosovo jżomm il-pass mal-iżviluppi fil-bqija tal-Balkani tal-Punent.' Din l-inizjattiva hija parti mill-Istrateġija tat-Tkabbir tal-2009 tal-Kummissjoni, li tinkludi wkoll ir-Rapport tal-Progress tal-2009 għall-Kosovo. F'Novembru s-sena l-oħra, l-Istati Membri tal-UE laqgħu b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tirrifletti fuq modi kif l-UE tista' tgħin il-progress politiku u soċjo-ekonomiku tal-Kosovo fil-kuntest ġenerali tal-perspettiva Ewropea tal-Kosovo. Illum, il-Kummissjoni qiegħda tindika l-oqsma ta' politika ewlenin li l-Kosovo għandu jindirizza matul is-snin li ġejjin, u qed tidentifika modi li permezz tagħhom l-UE tista' tkun ta' għajnuna. Hija tikkonkludi b'lista ta' rakkomandazzjonijiet ta' politika. Il-Kummissjoni qed tipproponi li jinbeda x-xogħol għall-kisba tal-liberalizzazzjoni tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Kosovo. Hija qed tipproponi wkoll li jitħejjew relazzjonijiet kummerċjali mal-Kosovo. Trid tesplora mezzi kif il-Kosovo jkun jista' jipparteċipa f'xi programmi tal-KE u kif il-Kosovo jkun involut f'inizjattivi f'oqsma bħall-impjiegi, l-intraprenditorija u l-edukazzjoni. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li l-UE ssaħħaħ id-djalogu politiku mal-Kosovo u twessa' l-għajnuna finanzjarja tal-KE għall-Kosovo sabiex tinkludi wkoll il-koperazzjoni transkonfinali. Il-miżuri tal-UE se jiġu implimentati b'mod progressiv, u se jiddependu fuq il-progress li jagħmel il-Kosovo. Il-proposti tal-Kummissjoni huma bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-UE dwar l-istatus tal-Kosovo. * Taħt UNSCR 1244/99