IP/09/ 1697 Brussell, it-11 ta’ Novembru 2009 L-iffaċilitar tal-ksib ta’ provi fi kwistjonijiet kriminali mingħand Stat Membru ieħor u l-iżgurar tal-ammissibbiltà tal-istess provi Illum, il-Kummissjoni addottat Green Paper bl-iskop li tieħu azzjoni ulterjur i sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-ksib ta’ provi fi kwistjonijiet kriminali. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tissostitwixxi s-sistema legali frammentata preżenti dwar il-ksib ta’ provi fi kwistjonijiet kriminali b’strument uniku bbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li jkopri t-tipi kollha ta’ provi u li jdaħħal standards komuni bl-iskop li jiżgura l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi fil-Qrati. Il-Green Paper tikkonsulta lill-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti dwar il-validità ta’ dan l-approċċ u fuq numru ta’ kwistjonijiet li huma relevanti f’dan ir-rigward. Il-Viċi-President Jacques Barrot, il-Kummissarju responsabbli għal-Libertà, il-Ġustizzja u s-Sigurtà ddikjara: "L-amministrazzjoni tal-ġustizzja ma tistax tiġi ostakolata mid-differenzi bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri u nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meta tkun qed taffaċja kriminalità transkonfinali. F’dan ir-rigward huwa partikolarment importanti li wieħed iħeġġeġ kooperazzjoni iktar effettiva fil-ksib tat-tipi kollha ta’ provi fi kwistjonijiet kriminali biex b’hekk tiġi ffaċilitata u titħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri." Ir-regoli eżistenti dwar il-ksib ta’ provi minn Stat Membru ieħor jikkonsistu f’numru ta’ strumenti li jikkoeżistu msejsa fuq prinċipji u ambiti sottostanti differenti. Dan jagħmel l-applikazzjoni tar-regoli oneruża u jista’ joħloq konfużjoni fost dawk involuti professjonalment u jwasslu għal sitwazzjonijiet fejn ma jużawx l-iktar strument adegwat għall-provi li jridu jiksbu . Finalment, dawn il-fatturi jistgħu għalhekk jostakolaw il-kooperazzjoni transkonfinali effettiva. Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà fil-qorti tal-provi miksuba minn Stat Membru ieħor hija indirizzata biss indirettament, peress li m’hemmx standards għall-ġbir tal-provi. Dan joħloq ir-riskju li r-regoli dwar il-ksib tal-provi fi kwistjonijiet kriminali jaħdmu biss effettivament bejn Stati Membri b’standards nazzjonali simili għall-ġbir tal-provi. B’konformità mal-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha "Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadin" tal-10 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tieħu azzjoni ulterjuri biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-ksib tal-provi fi kwistjonijietkriminali. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tissostitwixxi s-sistema legali eżistenti dwar il-ksib tal-provi fi kwistjonijiet kriminali, bi strument uniku bbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u li jkopri t-tipi ta' provi kollha. Hi qed tikkunsidra wkoll li ddaħħal standards komuni għall-ġbir ta’ provi fi kwistjonijiet kriminali. L-għan tal-Green Paper hu li tikkonsulta l-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti dwar il-validità ta’ dan l-approċċ u fuq numru ta’ kwistjonijiet li huma relevanti f’dan ir-rigward . http://www.ec.europa.eu/commission_barroso/barrot/welcome/default_mt.htm