IP/09/1740 Brussell, 19 ta' Novembru 2009 Il-Kummissjoni tadotta komunikazzjoni dwar it-tneħħija tax-xkiel minn fuq il-partenarjati pubbliċi privati Il-Kummissjoni stabbilixxiet qafas biex jiġi inkoraġġit l-użu tal-partenarjati pubbliċi privati (PPPs) sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet eżistenti u futuri ta' investiment fis-servizzi pubbliċi, fl-infrastruttura u fir-riċerka fl-Ewropa. Meta jiġu ġestiti fl-interess pubbliku attwali u tal-ġejjieni, il-PPPs jistgħu joħolqu benefiċċji kbar. Madanakollu, l-użu tagħhom għadu wieħed limitat u bosta Stati Membri ftit li xejn għandhom esperjenza dwarhom. F'konformità mal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, il-Kummissjoni trid tagħti spinta ġdida lill-PPPs biex tħeġġeġ użu aktar frekwenti u aħjar tal-PPPs fi żmien meta huma meħtieġa soluzzjonijiet innovattivi ta' finanzjament pubbliku biex jiġu ġestiti l-isfidi ta' baġits nazzjonali severi. Id-deċiżjoni dwar jekk il-PPPs jintużawx jew le ser tibqa' għalkollox f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Il-Komunikazzjoni tkopri wkoll alternattivi biex jittejjeb l-operat tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti tal-UE, li huma PPPs kofinanzjati mill-UE f'oqsma ewlenin ta' riċerka (aral- MEMO/07/570 ) . Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso qal: "B'din il-komunikazzjoni l-Kummissjoni qiegħda tniedi qafas ġdid u komprensiv għall-partenarjati pubbliċi privati. Hekk kif l-Ewropa toħroġ mill-kriżi ekonomika, il-partenarjati pubbliċi privati jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi biex joħolqu impjiegi billi jkomplu jinvestu fil-ġejjieni, filwaqt li aħna nimplimentaw strateġiji ta' ħruġ biex il-finanzi pubbliċi jitreġġgħu lura f'bilanċ. Jekk jiġu ppjanati u mwettqa sew filwaqt li jiġi kkunsidrat l-interess pubbliku fit-tul, il-PPPs jistgħu jkattru l-investiment f'kura tas-saħħa ta' kwalità għolja, fl-edukazzjoni u f'sistemi ta' trasport sostenibbli. Huma jistgħu jkunu għodda għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u biex jissaħħaħ l-użu effiċjenti tal-enerġija. Aħna nixtiequ li l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu aktar użu, u użu aħjar, mill-PPPs". Il-kriżi tefgħet aktar pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi f'ħafna Stati Membri li, speċjalment ladarba jispiċċa l-istimulu fiskali kurrenti li qed jingħata f'bosta Stati Membri, se tħalli effetti potezjalment negattivi fuq il-iżvilupp ta' infrastruttura essenzjali ġdida. Pereżempju, biex jintlaħqu l-impenji tal-Kummissjoni Ewropea għan-netwerk ta' trasport trans-Ewropew biss, ser ikun hemm il-ħtieġa ta' finanzjament li jaqbeż il-EUR 20 biljun matul il-perjodu bejn l-2007 u l-2013. Ser ikunu meħtieġa aktar fondi biex jiġu ssodisfati l-impenji għat-tibdil fil-klima u l-enerġija. Il-PPPs joffru kapaċità li jiġbru fondi privati u għarfien u jgħaqqduhom ma' riżorsi pubbliċi. Il-finanzjament tal-UE permezz tal-Fondi Strutturali, il-Bank Ewropew tal-Investiment jew tal-istrumenti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport jista' jgħin fl-immobilizzar ta' PPPs għal investimenti essenzjali fi proġetti anke fi żmien meta d-disponibbiltà ta' finanzjamenti pubbliku nazzjonali jew privat tkun ristretta. Il-qafas tal-PPPs huwa bbażat fuq i) koordinazzjoni aħjar u t-tisħiħ ulterjuri u użu aktar effiċjenti tal-istrumenti ta' ffinanzjar għal PPPs fil-livell tal-UE; ii) kooperazzjoni mill-qrib mal-BEI; u iii) it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur pubbliku. Il-qafas spjegat fil-Komunikazzjoni jinvolvi dan li ġej ( http://ec.europa.eu/growthandjobs/index_en.htm ): aktar fondi għal PPPs permezz ta' ħidma mal-BEI, billi l-istrumenti Komunitarji eżistenti jiġu ffokati mill-ġdid u billi jiġu żviluppati strumenti ta' garanzija għall-iffinanzjar tal-PPP; f'każi li jinvolvu ffinanzjar tal-UE, regoli u proċeduri aħjar sabiex jiġi żgurat ambjent ekwu bejn proġetti li huma totalment ġestiti minn entitajiet pubbliċi u dawk li huma ġestiti minn PPPs; qafas aktar effettiv għall-innovazzjoni, inkuż il-possibbiltà li l-UE tipparteċipa f'entitajiet ġuridiċi privati u li tinvesti direttament fi proġetti speċifiċi; jiġi kkunsidrat strument leġiżlattiv tal-UE dwar il-konċessjonijiet, imsejjes fuq il-Valutazzjoni tal-Impatt li tinsab għaddejja; tixrid ta' informazzjoni li jsir b'mod aħjar u skambju tal-aħjar prassi; inkluż il-ħolqien tal-grupp ġdid ta' PPP fejn il-partijiet interessati relevanti jkunu jistgħu jaqsmu t-tħassib tagħhom u l-ideat il-ġodda fir-rigward tal-PPPs. L-inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) huma mod ġdid biex jinħolqu sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat għar-riċerka fuq livell Ewropew. JTI huma kofinanzjati mill-baġit tal-UE u tgħaqqad l-interessi pubbliċi u privati flimkien fi struttura ta' implimentazzjoni ġdida. Sa issa, ġew stabbiliti JTIs b'baġits totali li jvarjaw bejn EUR 1 biljun sa EUR 3 biljuni f'ħames oqsma: Il-mediċini innovattivi, l-aeronawtika, iċ-ċelloli tal-fjuwil u tal-idroġenu, in-nanoelettronika u s-sistemi ta' kompjuters integrati.