IP/09/1779 Brussell, l-20 ta' Novembru 2009 Il-Kummissjoni tadotta l-pjan tal-għajnuna tal-ikel għas-sena 2010 għall-persuni l-aktar fil-bżonn Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat il-pjan tal-għajnuna tal-ikel għas-sena 2010 għall-persuni l-aktar fil-bż onn. L-iskema, li oriġinarjament ġiet implimentata biex il-ħażniet żejda tal-prodotti agrikoli ("il-ħażniet ta' intervent") jitqassmu fost dawk fil-bżonn, ġiet emendata f'nofs id-disgħinijiet biex ikun possibbli li f'ċerti ċirkostanzi l-ħażniet ta' intervent jiġu ssupplimentati b'xiri mis-suq. Madankollu, din is-sena l-ħażniet ta' intervent eżistenti (ċereali, zokkor, trab tal-ħalib, butir) koprew sew il-ħtiġijiet tal-pjan għall-2010, u għalhekk jeħtieġ biss rikors limitat għax-xiri mis-suq. Il-baġit allokat huwa ta' 500 miljun ewro u jikkorrispondi għal dak tal-pjan tal-2009. Din is-sena, 19-il Stat Membru ddeċidew li jieħdu sehem f'dan il-Programm. Mariann Fischer Boel, Membru tal-Kummissjoni inkarigata mill-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qalet dwar il-P rogramm: "Dan huwa mezz konkret li bih l-Unjoni Ewropea tgħin parti mill-persuni l-aktar fil-bżonn tas-soċjetà tagħna. Għalhekk, l-implimentazzjoni tajba tiegħu hija essenzjali sabiex il-prodotti finali tassew jaslu għand dawk li huma fil-bżonn". L-isfond It-tqassim b'xejn ta' ikel min-naħa tal-Komunità lill-persuni l-aktar fil-bżonn kien tnieda fi żmien l-emerġenza tax-xitwa eċċezzjonalment kiesħa tal-1986/87, fejn il-ħażniet żejda tal-prodotti agrikoli kienu ngħataw lill-assoċjazzonijiet tal-karità tal-Istati Membri sabiex dawn iqassmuhom lill-persuni fil-bżonn. Din il-miżura mbagħad bdiet issir kull sena u ssejset fuq il-ħażniet ta' intervent. Din l-iskema ppermettiet lill-Istati Membri jiżblokkaw il-ħażniet pubbliċi tal-ikel żejjed bil-għan li jintużaw bħala għajuna alimentari. Il-proċess ta' riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) mibdi fl-ewwel tas-snin disgħin, li kellu l-għan li jnaqqas b'mod drastiku l-ħażniet ta' intervent Komunitarji, xorta waħda kkontribwixxa biex jawtorizza r-rikors għax-xiri mis-suq f'ċerti ċirkostanzi. Madankollu, din is-sena l-kwantità tal-ħażniet ta' intervent disponibbli ppermettiet li tiġi koperta l-biċċa l-kbira tal-pjan,u għalhekk jeħtieġ biss rikors limitat ħafna għax-xiri mis-suq. Minkejja dan, it-tnaqqis sostenibbli tal-ħażniet ta' intervent wassal għat-tfassil ta' proġett ta' riforma tal-Programm li għandu l-għan li jadatta għall-iżviluppi fil-PAK u jtejjeb l-effiċjenza tiegħu fir-rigward tal-persuni l-aktar fil-bżonn. Din ir-riforma għadha ma ġietx adottata mill-Kunsill. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-Programm hija volontarja, u pjan ġdid jiġi adottat kull sena mill-Kummissjoni. L-għajnuna ġeneralment tingħata lil firxa wiesgħa ta' nies li qed jgħixu fil-faqar, fosthom familji f'diffikultà, nies anzjani li m'għandhomx biżżejjed mezzi, dawk bla dar fissa, persuni b'diżabilità, tfal f'riskju, ħaddiema foqra, ħaddiema immigranti u persuni li qed ifittxu kenn politiku. L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fil-programm fil-bidu ta' kull sena jgħarrfu lill-Kummissjoni u jikkomunikawlha l-ħtiġijiet tagħhom ta' prodotti. Għandhom ukoll jipprovdulha rapport a posteriori dwar l-implimentazzjoni tal-Programm. Għalkemm l-UE għandha, bħala medja, wieħed mill-ogħla standards tal-għajxien fid-dinja, hemm nies ma għandhomx biex jieklu b'mod xieraq. Skont l-istimi l-aktar reċenti, bħala medja, 17 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea jgħixu taħt jew fuq l-għatba tal-faqar u, bħala konsegwenza, iħabbtu wiċċhom mal-faqar alimentari li, pereżempju, lanqas jippermettilhom jieklu ikla bbilanċjata kull jumejn. Programm bħal dan jippermetti li jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej l-aktar foqra jgawdu mill-PAK, waħda mill-eqdem politiki Ewropej. Għal aktar tagħrif u dokumenti dwar il-Programm, ara: http://ec.europa.eu/agriculture/markets/freefood/index_en.htm Anness 1: Kwantità ta' kull tip ta' prodott biex tittieħed mill-ħażniet ta' intervent Komunitarji għall-għanijiet tat-tqassim fl-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2010 Anness 2: Riżorsi disponibbli għall-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2010. Anness 1 Kwantità ta' kull tip ta' prodott biex tittieħed mill-ħażniet ta' intervent Komunitarji għall-għanijiet tat-tqassim fl-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2010 (f’tunnellati) Stati Membri Ċereali Butir Trab tal- ħalib Zokkor Belgique/België 29.067 1.285 - 1.507 България 54.104 - - 1.724 Česká republika 302 20 22 9 Eesti 5.147 - 1 - Eire/Ireland - 350 - - Elláda 64.397 - 5.889 - España 181.248 9.335 1.603 3.483 France 168.998 13.033 12.050 3.247 Italia 283.206 20.000 18.166 4.006 Latvija 22.951 - 969 - Lietuva 40.317 145 1.212 1.182 Magyarország 95.687 - - 1.938 Malta 4.740 - - - Polska 387.305 1.901 17.952 10.823 Portugal 47.522 5.079 1.826 1.045 România 135.555 - 4.500 5.577 Slovenija 9.810 - 600 289 Suomi/Finland 25.371 - 500 - Total 1.555.726 51.148 65.290 34.832 Anness 2 Riżorsi disponibboli għall-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2010. (f' EUR) Stati Membri It-tqassim Belgique/België 7.806.433 България 8.565.832 Česká republika 133.893 Eesti 761.012 Éire/Ireland 818.816 Elláda 20.044.478 España 52.623.664 Franza 78.103.609 Italia 122.456.856 Latvija 5.119.849 Lietuva 8.859.115 Luxembourg 107.483 Magyarország 14.770.126 Malta 698.841 Polska 97.405.034 Portugal 22.516.761 România 29.951.704 Slovenija 2.619.927 Suomi/Finland 4.636.567 Total 478 000 000