IP/09/ 1816 Brussell, 25 ta' Novembru 2009 Riforma edukattiva fl-UE: sar ħafna titjib, iżda għad baqa’ ħafna x’isir Minkejja t-titjib ġenerali fil-prestazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, il-progress miexi bil-mod wisq, li jfisser li l-maġġoranza tal-miri tar-riforma previsti għall-2010 mhumiex se jintlaħqu. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jenfasizza l-urġenza għar-riforma u għall-investiment kontinwu mmirat lejn l-edukazzjoni u s-sistemi ta’ taħriġ biex ilaħħqu mal-isfidi ekonomiċi u soċjali ewlenin. Dawn huma l-konklużjonijiet ewlenin minn żewġ rapporti dwar il-progress tar-riformi tal-edukazzjoni u l-koperazzjoni Ewropea ppreżentati llum mill-Kummissjoni. Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Taħriġ, Kultura u Żgħażagħ, Maroš Šefčovič , qal: “ Ir-riformi tal-edukazzjoni fl-UE għamlu progress kbir, iżda m’għandniex nitilfu r-ritmu issa. B’mod partikolari, neħtieġu aktar investiment u investiment aħjar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, biex l-Ewropej ikunu ppreparati aħjar biex isibu impjieg, u biex inżidu l-kapaċità tagħna għall-innovazzjoni f’medda twila ta' żmien." 1. Rapport tal-Progress tal-Kummissjoni lejn l-Għanijiet ta’ Liżbona fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ – Indikaturi u Punti ta’ Referenza 2009 Dan ir-rapport annwali jagħti ħarsa lejn il-progress tal-Ist ati Membri lejn il- ħames punti ta’ referenza ewlenin fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-2010. Għalkemm il-progress inkiseb, erbgħa mill-ħames punti ta’ referenza tal-2010 għall-edukazzjoni u t-taħriġ x’aktarx li mhumiex se jiġu ssodisfatti. Il-punt ta’ referenza dwar iż-żieda ta’ għadd ta’ gradwati fil-matematika, x-xjenza u t-teknoloġija biss intlaħaq. Tliet punti ta’ referenza ma ntlaħqux, minkejja l-progress li sar: il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja, it-tnaqqis fis-sehem ta’ tluq bikri mill-iskola, u ż-żieda fl-għadd ta’ żgħażagħ li jkomplu edukazzjoni sekondarja ogħla. Punt ta’ referenza wieħed saħansitra ġie ddeterjorat mill-2000: il-prestazzjoni fil-kapaċità tal-qari ta’ żgħażagħ ta’ ħmistax-il sena. Mil-lat pożittiv, l-għadd ta’ tfal żgħar ħafna fl-edukazzjoni żdied, kif ukoll il-parteċipazzjoni ġenerali fl-edukazzjoni inizjali u l-livelli ta’ edukazzjoni ta’ ċittadini tal-UE b’mod ġenerali. L-għadd ta’ adulti fl-età tax-xogħol (li għandhom 25-65) b’livell edukattiv baxx niżel b’aktar minn miljun kull sena mill-2000. Madankollu, dan xorta jirrappreżenta 77 miljun adult, jew qrib it-30 % għall-UE kollha. Oqsma oħrajn fejn sar progress jinkludu t-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel u l-mobilità tal-istudenti f’edukazzjoni terzjarja, li żdiedet b’aktar minn 50 % mill-2000 lil hawn. 2. Abbozz ta’ rapport ta’ progress konġunt 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma “ Edukazzjoni u Taħriġ 2010” Dan ir-rapport ta’ kull sentejn, ibbażat fuq kontribuzzjonijiet nazzjonali u adottat flimkien mill-Kunsill tal-Edukazzjoni u l-Kummissjoni, jevalwa progress ġenerali u jfassal prijoritajiet għall-futur ta’ koperazzjoni f’dan il-qasam ta’ edukazzjoni u taħriġ. L-attenzjoni ta’ dan ir-rapport konġunt hija fuq li jiġu pprovduti l- kompetenzi ewlenin fil-livelli kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ. Ir-riżultati ewlenin jinkludu: Ħafna pajjiżi qed jużaw il- Qafas Ewropew għall-kompetenzi ewlenin bħala punt ta’ referenza fir-riforma tal-iskejjel. Filwaqt li sar progress kbir fl-adattament tal-curricula tal-iskola, xorta għad baqa’ x’isir biex jiġi sostnut l-iżvilupp tal-kompetenza tal-għalliema, jiġu aġġornati metodi ta’ evalwazzjoni, u jiġu introdotti modi ġodda ta’ organizzazzjoni għat-tagħlim. L-isfida ewlenija hija li jkun assigurat li dawk kollha li jitgħallmu jibbenifikaw mill-metodoloġiji innovattivi, inklużi dawk żvantaġġati u dawk fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim għall-adulti u l-edukazzjoni ogħla. Sfidi oħrajn jinkludu: implimentazzjoni ta’ tagħlim tul il-ħajja, żieda fil-mobilità, l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu aktar miftuħin u rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà. Attenzjoni partikolari għandha tingħata biex jiġu stabbiliti sħubiji bejn id-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u d-dinja tax-xogħol. Il-livell ta’ investiment għal kull student żdied mill-2000 lil hawn fil-livelli kollha edukattivi. Madankollu, iż-żieda fl-infiq għal kull student fl-edukazzjoni terzjarja kienet aktar bil-mod milli fi bnadi oħra. L-Istati Membri tal-UE jeħtieġu li jinvestu fuq medja ta’ 'l fuq minn EUR 10 000 aktar għal kull student fis-sena f’edukazzjoni ogħla biex jilħqu l-livelli tal-Istati Uniti (kważi EUR 200 biljun aktar fis-sena). Id-differenza hija rrappreżentata l-aktar mil-livelli ta' investiment privat f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla fl-Istati Uniti. X'se jiġri issa? Ir-Rapport Konġunt se jiġi ppreżentat lill- Kunsill Edukattiv fis-26 ta’ Novembru 2009, bi preparazzjoni għall-adozzjoni formali tiegħu fi Frar 2010. Il-messaġġi ewlenin se jservu bħalakontributi fid-dibattitu dwar l-istrateġija futura tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi fil- Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2010 . Għal aktar tagħrif: MEMO/09/520 : Mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss : Rapport dwar il-progress lejn l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma “ Edukazzjoni u Taħriġ 2010” Il-Kummissjoni Ewropea: Il-progress lejn l-għanijiet ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ – Indikaturi u punti ta’ referenza, rapport 2009. http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc1951_en.htm Ir-rapport konġunt ta’ progress tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-edukazzjoni u t-taħriġ 2010 http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc1532_en.htm Fuljett: 5 punti ta’ referenza tal-edukazzjoni għall-Ewropa [bid-dejta speċifika għall-pajjiżi]: http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/benchmarks_en.pdf Il-Kummissjoni Ewropea: Strateġija u koperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ: http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc28_en.htm